Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0350/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0350/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2013

27.6.2012 - (2012/2688(RSP))

imressqa wara dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 35(3) tar-Regoli ta' Proċedura u l-Ftehim Qafas eżistenti dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni

Enrique Guerrero Salom f'isem il-Grupp S&D

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0346/2012

Proċedura : 2012/2688(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0350/2012

B7‑0350/2012

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2013

(2012/2688(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2012 (COM(2011)777),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas eżistenti dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni[1], b'mod partikolari l-Anness IV tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-eżitu tad-djalogu regolari tal-Kummissarji kollha u l-kumitati parlamentari u r-rapport ta' sinteżi tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati tat-13 ta' Ġunju 2012 imressaq lill-Konferenza tal-Presidenti,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar "Ninvestu fil-ġejjieni: Qafas Finanzjarju Multiannwali (QFM) ġdid għal Ewropa kompetittiva, sostenibbli u inklużiva,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali u r-riżorsi proprji (2012/2678(RSP)),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Mejju 2012 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2008/7/KE (COM(2011)0594 – C7-0355/2011 – 2011/0261(CNS)),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Ġunju 2012 dwar ‘L-Att dwar is-Suq Uniku: il-Passi li Jmiss għal Tkabbir’ (2012/2663(RSP)),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew ta’ Marzu u Ġunju,

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropa 2020,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-25 ta’ Mejju 2011 mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar "Risposti ġodda għal viċinat fi trasformazzjon. Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat’,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 70 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 35(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-kriżi finanzjarja globali tal-2008 nfirxet fl-ekonomiji reali, b’riżultat ta' staġnar u reċessjoni globali, b’impatt negattiv kbir fuq l-impjiegi;

B.  billi l-bżonn għal skemi ta' garanzija permezz ta' fondi pubbliċi għas-salvataġġ ta' istituzzjonijiet finanzjarji li huma kbar wisq biex jitħallew ifallu tefa' lura b'mod sinifikanti l-finanzi pubbliċi u wassal għal dgħufija ekonomika akbar fil-livell globali u Ewropew;

C. billi l-Ewropa trid issegwi l-mudell tal-ekonomija soċjali tas-suq li tiggarantixxi tkabbir sostenibbli bil-għan li l-ġenerazzjoni ta’ issa u li jmiss tiżguralhom impjiegi u kwalità ta’ ħajja aħjar;

D. billi l-koeżjoni u s-solidarjetà huma fil-qalba tal-objettivi tal-UE, kif imsemmi fl-Artikolu 174 tat-TFUE, u għandhom l-għan li jindirizzaw l-effetti tal-kriżi ekonomika fl-Istati Membri, inklużi dawk b’diffikultajiet ekonomiċi kkawżati mis-swieq finanzjarji;

E.  billi l-ħruġ mill-kriżi tal-UE huwa possibbli biss fuq il-bażi tal-korrettezza u l-ġustizzja;

I.   Governanza Ekonomika u taż-Żona Euro: bżonn qawwi li t-tkabbir jerġa’ jiġi għall-livelli ta’ qabel u li jitkattar l-iffinanzjar tal-UE

1.  Konvint li, waqt li l-Unjoni Ewropea qed tħabbat wiċċha ma’ sfidi kbar fl-indirizzar tal-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali, hemm bżonn urġenti għal programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea 2013 li jkun ambizzjuż u li jitnieda mill-ġdid il-proġett politiku Ewropew li jagħti stimolu lit-tkabbir sostenibbli, il-ħolqien tax-xogħol u l-kwalità tal-ħajja fl-Ewropa u li jwassal biex il-kunfidenza taċ-ċittadini fl-integrazzjoni Ewropea terġa' tiġi kif kienet; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni turi tmexxija soda fit-twassil ta’ soluzzjonijiet politiċi adegwati għall-kriżi billi jkun issalvagwardjat u promoss il-bilanċ istituzzjonali Ewropew u billi tiżgura li l-interess Ewropew komuni jerbaħ fuq l-interessi nazzjonali li jinsabu f'kompetizzjoni bejniethom;

2.  Jemmen bis-saħħa li fost l-isfidi l-kbar li qed tiffaċċja l-UE hemm dawk li żżomm il-kompetittività tagħha, iżżid it-tkabbir, tiġġieled il-livell għoli tal-qgħad, tiżgura swieq tax-xogħol li joperaw kif suppost u kundizzjonijiet soċjali tajba li jtejbu l-prestazzjoni fl-impjiegi, jippromwovu xogħol deċenti, jiggarantixxu d-drittijiet tal-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tax-xogħol madwar l-Ewropa kif ukoll inaqqsu l-faqar; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta’ azzjoni Ewropew li jsaħħaħ it-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi deċenti;

3.  Jikkunsidra li l-avvenimenti riċenti juru li ż-żona tal-Euro għandha bżonn governanza ekonomika aktar kuraġġuża u li pilastru monetarju mingħajr pilastru finanzjarju, fiskali, soċjali u ekonomiku huwa destinat li jfalli; jitlob għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fil-Grupp tal-Euro, inkluża proposta leġiżlattiva dwar ir-rappreżentazzjoni esterna taż-żona euro; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Parlament jaġixxu flimkien għal dan il-fini;

4.  Jitlob għat-tisħiħ tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika ekonomika u fiskali, immirat lejn il-kontribuzzjoni tat-tkabbir ekonomiku, id-dixxiplina fiskali u l-isfidi strutturali bħala parti integrali mill-Istrateġija UE 2020, u jkun żgurat li l-Parlament Ewropew jiġi infurmat b’mod adegwat;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tfassal pjan direzzjonali immedjatament għall-introduzzjoni ta’ bonds ta’ stabbiltà fiż-żona euro; jirrimarka lill-Kummissjoni li wieħed mill-elementi tal-fażi inizjali tal-pjan direzzjonali huwa l-fond Ewropew ta’ tifdija (ERF); ikun progressivament implimentat fi żmien 5 snin sabiex b’mod konġunt jitnaqqas id-dejn nazzjonali li jaqbeż is-60 % tal-PDG tal-Istati Membri fuq perjodu ta’ 25 sena; filwaqt li jkun immaniġġjat b’mod koordinat il-ħruġ tad-dejn f’perjodu qasir;

6.  Javża kontra miżuri ta’ awsterità sproporzjonati, ġenerali u mmirati ħażin li jipperikolaw il-kapaċitajiet tal-investiment ta’ atturi ekonomiċi ewlenin; jemmen bis-saħħa li l-'proġett tal-bonds' Ewropew jista’ jgħin jirrilaxxa riżorsi finanzjarji oħra biex jiffinanzjaw politiki ta’ tkabbir u ta’ innovazzjoni Ewropej immirati, jistimolaw il-fluss ta’ kapital privat f’investimenti reali, u jissalvagwardjaw l-istabilità taż-żona euro u l-koordinazzjoni sostenibbli tad-dixxiplina baġitarja tal-Istati Membri; jistenna li l-KE u l-BEI jagħmlu l-aħjar li jistgħu biex jiżguraw implimentazzjoni rapida u ta’ suċċess tal-fażi pilota fl-2012-2013; ifakkar li l-kontribuzzjoni tal-baġit tal-UE jibqa’ jkollha limitu massimu u tkun strettament limitata u ma toħloq ebda piż kontinġenti żejjed fuq il-baġit tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi faċilità ta’ tkabbir sostenibbli u antiċiklika ta’ 1 % tal-PDG/sena għal 10 snin;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti konkreti li jiżviluppaw aktar dawn l-istrumenti bbażati fuq il-kooperazzjoni bejn il-baġit tal-UE u l-BEI jew investimenti pubbliċi fit-tul oħra bil-għan li jtejbu l-finanzjament tal-investimenti sabiex tkun implimentata l-istrateġija UE 2020; ifakkar li l-attenzjoni ma għandhiex tkun biss fuq l-iffinanzjar ta' proġetti infrastrutturali kbar (fil-qasam tat-trasport, l-enerġija i l-ICT) iżda wkoll fuq proġetti żgħar u medji li jistgħu jiġġeneraw tkabbir fl-Istati Membri kollha tal-UE, b'enfasi partikolari fuq 'pajjiżi problematiċi'; jenfasizza bis-saħħa l-bżonn għal rikapitalizzazzjoni tal-BEI u ta’ baġit tal-UE 2014-2020 robust biex jinkiseb dak il-għan;

8.  Ifakkar li jeħtieġ li l-baġit tal-UE jirrifletti l-prijoritajiert politiċi tal-UE; jenfasizza li l-baġit tal-UE hu baġit ta’ investiment b'effett qawwi ta' lieva, meta jitqies li 94 % tal-approprjazzjonijiet tiegħu huma allokati għall-istimular tat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi u għar-rwol tal-UE bħala attur dinji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiddefendi l-baġit tal-UE bħala għodda b’saħħitha li tistimola l-investiment strateġiku permezz tal-valur miżjud Ewropew, terġa’ tqiegħed l-ekonomija Ewropea fit-triq it-tajba u tikseb objettivi politiċi tal-EU li jkun hemm qbil komuni dwarhom;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tiddefendi l-proposti tagħha tad-29 ta’ Ġunju 2011 fir-rigward tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss, u li jkollha rwol ta’ intermedjarju finanzjarju onest fin-negozjati interistituzzjonali bil-għan li jinkiseb il-kunsens tal-Parlament dwar ir-regolament tal-QFM; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li n-negozjati dwar il-proposti leġiżlattivi relatati mal-programmi multiannwali jsiru skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u jiġu finalizzati ġaladarba jintlaħaq ftehim dwar il-pakketti finanzjarji tagħhom;

10. Jinsisti li l-PE mhuwiex lest li jagħti l-kunsens tiegħu lir-regolament tal-QFM li jmiss mingħajr ftehim politiku dwar ir-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji, inklużi t-Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji u l-VAT riveduta, li jwassal għal tnaqqis tas-sehem tal-kontribuzzjoni bbażata fuq il-IGN għall-baġit tal-EU għal 40 % sal-2020, u għal assistenza tal-konsolidazzjoni fiskali fl-Istati Membri;

II. Il-bini ta’ Unjoni koeżiva, sostenibbli u kompetittiva

11. Ifakkar fil-bżonn li d-dimensjoni territorjali tal-politiki tal-UE titqies b’mod aktar koerenti u komplut; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni Ewropea tinkludi dawn l-elementi fl-attivitajiet tal-valutazzjoni tal-impatt futuri tagħha; jinsisti dwar bidu bikri tal-mekkaniżmi kollha meħtieġa għall-ippjanar u l-implimentazzjoni f’waqthom tal-perjodu ta’ programmar ġdid għall-politika ta' koeżjoni ta’ wara l-2013;

12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta proposta ġdida għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea;

13. Jistieden lill-Kummissjoni biex tintegra l-erba' objettivi tal-aġenda ta' xogħol deċenti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) fil-proposti kollha tagħha u tintegra l-objettivi tar-Rakkomandazzjoni tal-ILO dwar Bażi tal-Protezzjoni Soċjali fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, sabiex ikun żgurat li l-ħaddiema kollha fl-Ewropa jgawdu minn livell minimu ta’ protezzjoni soċjali tul ħajjithom;

14. Ifakkar il-proposti li għandhom jindirizzaw il-bidla industrijali u t-tranżizzjoni teknoloġika b’mod intelliġenti;

15. Jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni li jenfasizzaw il-benefiċċju tal-istabbiliment ta' pagi minimi fil-livell tal-Istati Membri biex joħduha kontra l-faqar fost dawk li jaħdmu u d-dumping soċjali kif ukoll jagħtu spinta lid-domanda aggregata; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija tal-UE għall-persuni bla dar, li tindirizza fost affarijiet oħra l-problema li qed tiżdied tal-faqar tan-nisa u tal-iskemi tal-pensjonijiet minimi;

16. Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol billi tippreżenta pakkett olistiku li jinkludi s-sottokuntrattazzjoni, l-impjiegi awtonomi mhux ġenwini, l-abbuż ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija u l-abbuż tal-apprendistati, li jwassal għall-għoti ta’ drittijiet ugwali, salarji u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, avvanz fil-karriera u protezzjoni tal-innegozjar kollettiv tal-ħaddiema kollha; Jenfasizza l-bżonn għal proposta ġdida tal-Kummissjoni dwar id-Direttiva dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol, jekk ifallu n-negozjati fost l-imsieħba soċjali;

17. Jenfasizza li, meta titqies l-isfida demografika li qed iħabbtu wiċċhom magħha bosta Stati Membri, il-Kummissjoni għandha tressaq proposti mmirati lejn l-integrazzjoni tar-riżultati tas-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet, kif ukoll lejn il-kura fit-tul u d-ritt għal irtirar deċenti; jilqa’ l-pjanijiet tal-Kummissjoni li tippreżenta proposti dwar il-Garanzija Ewropea għaż-Żgħażagħ u l-Qafas ta' Kwalità għall-Apprendistati u li tenfasizza l-importanza tagħhom;

18. Jiddispjaċih mill-progress li miexi bil-mod fir-rigward ta’ proposta leġiżlattiva ġdida mill-Kummissjoni dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fuq bordijiet tal-kumpaniji; jiddispjaċih min-nuqqas ta’ inizjattiva tal-Kummisjsoni dwar rieżami tad-Direttiva dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi f’termini ta’ paga u xogħol;

19. Jiddispjaċih min-nuqqas ta’ segwitu mill-Kummissjoni fir-rigward tat-tnedija ta’ inizjattiva ta’ lif tal-paternità; jinsisti dwar il-bżonn ta’ proposta leġiżlattiva marbuta mal-eradikazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa kif mitlub mill-Parlament f'bosta riżoluzzjonijiet;

20. Iqis li l-preżentazzjoni f’Diċembru 2012 ta’ ‘Strateġija tas-Saħħa u tas-Sikurezza 2013‑2020’ hi ta’ importanza fundamentali;

21. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta biex tistabbilixxi Osservatorju tal-Enerġija bl-objettiv li titjieb l-intelliġenza dwar is-swieq tal-importazzjoni tal-enerġija u li tissaħħaħ l-analiżi tas-swieq tal-esportazzjoni; jistedinha teżamina l-vijabilità u l-effettività ta’ miżuri għad-dispożizzjoni tal-UE biex tistabbilixxi u timplimenta Komunità Ewropea għall-Enerġija[2];

22. Jistieden lill-Kummissjoni tfassal strateġija dwar il-faqar enerġetiku, akkumpanjata minn proposti xierqa, inkluża d-definizzjoni ta’ faqar enerġitiku għall-Ewropa kollha;

23. Jieħu nota tal-Komunikazzjoni reċenti mill-Kummissjoni dwar l-Enerġija Rinnovabbli[3] iżda jiddispjaċih dwar in-natura mhux impenjata tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti reali fil-bidu tal-2013, inkluża mira vinkolanti ġdida tal-enerġija rinnovabbli għall-2030, sabiex jiggarantixxu ċ-ċertezza tal-investituri f’teknoloġiji relatati;

24. Jinsab diżappuntat mir-retiċenza tal-Kunsill li jaqbel ma’ direttiva ambizzjuża biżżejjed dwar l-effiċjenza tal-enerġija sabiex tintlaħaq il-mira ta' ffrankar ta’ enerġija ta’ 20 % għall-2020 meta mqabbla mal-previżjonijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi l-miżuri meħtieġa biex tagħmel tajjeb għal dan it-tip ta’ nuqqas;

25. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Sikurezza Nukleari kemm jista’ jkun malajr, fuq il-bażi ta' analiżi xierqa tal-ittestjar tal-istress;

26. Jitlob li jkun hemm leġiżlazzjoni dwar l-effiċjenza tar-riżorsu u t-tibdil fil-klima; ifakkar fil-ħtieġa li jkun żgurat li għanijiet dwar it-tibdil fil-klima u l-ambjent jkunu inklużi fil-politiki kollha tal-UE u jkunu riflessi fl-intestaturi tal-baġit adegwati; b’mod partikolari, l-adattament għall-tibdil fil-klima għandu jiġi segwit sabiex il-ħamrija, bħala riżorsa skarsa, tinżamm fl-ogħla potenzjal tagħha għall-produzzjoni tal-ikel u ż-żrieragħ;

27. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-dewmien kontinwu fit-tressiq tal-proposta għal reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaqha sa tmiem l-2012; jiddispjaċih li r-reviżjoni mistennija tad-Direttiva dwar l-Amministrazzjoni tal-Ħsejjes għadha ma tressqitx minkejja li diġà ġiet inkluża fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2011;

28. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq ir-reviżjoni tad-Direttiva Ekodisinn u tippreżenta kull proposta leġiżlattiva meħtieġa;

29. Jistenna li l-Kummissjoni tressaq proposti leġiżlattivi riveduti dwar dwar il-Kwalità tal-Arja u d-Direttiva dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet;

30. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' ikel derivat minn annimali kklonati u d-dixxendenti tagħhom, kif ripetutament mitlub mill-Parlament;

31. Jistieden lill-Kummissjoni tipprepara qafas leġiżlattiv għal azzjoni kontra r-reżistenza antimikrobjali li tirreaġixxi għal żieda fl-għadd ta’ każijiet inkwetanti; itenni l-obbligu tal-Kummissjoni li għandu x'jaqsam mal-kimiċi li tirrevedi l-istrateġija, il-kriterji u d-definizzjonijiet tagħha applikabbli għal 'sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali';

32. Itenni t-talba tiegħu li jinżammu d-drittijiet tat-tħawwil fis-settur tal-inbid lil hinn mill-2015 u jistieden lill-Kummissjoni li tikkunsidra dan kollu fir-reviżjoni tagħha dwar ir-reġim tad-drittijiet tat-tħawwil li għandha titressaq fl-2013;

33. Jitlob għal proposta leġiżlattiva dwar il-promozzjoni ta' prodotti agrikoli li għandha l-għan li tagħti spinta lill-immaġini tal-prodott fil-livell tal-UE u ta' pajjiżi terzi, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwalità, il-valur nutrizzjonali, is-sigurtà ta' prodotti tal-ikel u l-metodi ta’ produzzjoni;

34. Jistieden lill-Kummissjoni ssolvi l-imblokk attwali fost l-Istati Membri dwar pjanijiet ta’ ġestjoni fit-tul u tkompli x-xogħol tagħha fuq il-konservazzjoni u l-irkupru tal-ħut fuq medda twila ta’ żmien; jenfasizza l-bżonn li tiżgura li l-Artikolu 43(2) tat-TFUE jkun il-bażi legali għall-proposti kollha tagħha marbuta mal-obettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd; jistieden lill-Kummissjoni li żżomm lill-Parlament infurmat fl-istadji kollha tal-proċeduri relatati mal-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd (FPAs);

35. Iqis li Suq Ferrovjarju Ewropew integrat u interoperabbli, wara l-adozzjoni tar-riformulazzjoni tal-ewwel pakkett ferrovjarju, irid jinkludi l-estensjoni tal-kompetenzi tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea fil-qasam tas-sikurezza, iċ-ċertifikazzjoni u l-omologazzjoni ta’ vetturi verrovjarji;

36. Jinsisti dwar l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ajru Uniku Ewropew, inkluż it-twaqqif ta’ Blokki ta’ Spazju tal-Ajru Funzjonali u tas-SESAR sabiex jissodisfaw l-ħtiġijiet futuri ta’ kapaċità ta’ spazju tal-ajru u ta’ sikurezza;

37. Jitlob għall-promozzjoni ta’ biljetti elettroniċi u intelliġenti għall-mezzi kollha ta’ trasport biex jiffaċilitaw is-sistema ta' trasport multimodali u interoperabbli;

38. Jilqa' b'sodisfazzjon l-iffukar fuq l-eċċellenza tal-Pakkett Orizzont 2020 għall-qafas ta' Riċerka u Innovazzjoni futur tal-UE; jinsisti li l-Orizzont 2020 u l-fondi strutturali jridu jiżviluppaw sinerġiji aħjar li jippermettu li l-Istati Membri kollha jkollhom aċċess għat-triq li twassal għall-eċċellenza; jemmen li l-Orizzont 2020 irid jipprovdi inċentivi b'saħħithom li jippromwovu l-kapital uman fl-R&D;

39. Jistenna li l-Kummissjoni toħroġ bi proposti ġodda jew teżamina ulterjorment ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti fil-qasam tal-liġi ċivili, kummerċjali u proċedurali (b’mod partikolari Ruma II, Brussell I u II bis);

40. Jilqa’ t-tliet proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni li jistabbilixxu ġenerazzjoni ġdida ta’ programmi multiannwali bħal 'Erasmus għal kulħadd – programm għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport', il-Programm Ewropa Kreattiva u l-Programm Ewropa għaċ-Ċittadini; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta ta’ leġiżlazzjoni ġdida dwar il-Kapitali Ewropej tal-Kultura u tiżgura l-kontinwità tal-Programm lil hinn mill-2019;

III. Ir-realizzazzjoni tas-Suq Uniku għall-Impriżi, il-Konsumaturi u ċ-Ċittadini

41. Jenfasizza l-bżonn ta’ approċċ olistiku għas-suq uniku, bħala stimolu ewlieni għat-tkabbir sostenibbli; ifakkar l-importanza ta’ mekkaniżmu ta’ rimedju effikaċi li jiżgura li l-konsumaturi jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet taghħom u jitlob għal proposta leġiżlattiva li toħloq sistema Ewropea ta’ rimedju kollettiv li tkun aċċessibbli finanzjarjament, espedjenti u aċċessibbli;

42. Jenfasizza li Suq Diġitali Uniku li jaħdem sew jista' jiżblokka l-potenzjal ta' tkabbir u ta' impjiegi tal-Ewropa speċjalment għaż-żgħażagħ; jitlob għal sforzi ġodda li jnaqqsu d-differenza tal-broadband u jħaffu roll-out netwerks b'veloċità għolja, f'konformità mal-objettivi tal-Aġenda Diġitali; jitlob proċedura 'ħfief' fis-suq diġitali li jippermettu adattament rapidu għall-iżviluppi teknoloġiċi u l-innovazzjoni; jiddispjaċih min-nuqqas ta’ rieda tal-Kummissjoni li tiggarantixxi b’serjetà l-aċċess għall-internet skont il-prinċipju tal-"aħjar sforz";

43. Jinsisti fuq il-bżonn li jkun hemm sistema sigura u effeikaċi biex iżżid il-fiduċja bejn il-konsumaturi u l-impriżi bil-għan li tikkonsolida u tippromwovi l-kummerċ elettroniku, filwaqt li tiżgura l-privatezza tal-utent; jitlob għal attenzjoni partikolari ddedikata lill-SMEs u lill-mikroimpriżi, filwaqt li jiġi żgurat li l-ostakli għall-iżvilupp tal-attivitajiet kummerċjali transkonfinali, bħall-ħarsien tal-konsumatur u d-Dritt tal-Proprjetà Intelletwali, jiġu ttrattati b'mod korrett; jilqa' favorevolment l-inizjattivi tal-Kummissjoni dwar mekkaniżmi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim li se jiggarantixxu relazzjonijiet kummerċjali siguri, speċjalment fuq l-Internet;

44. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi r-riforma tagħha dwar id-drittijiet tal-awtur; Il-liġijiet tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur għandhom ikunu tajbin għall-ambjent tal-internet u jkunu bbażati fuq il-leġittimità soċjali; għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha żżomm mal-kalendarju tagħha għar-rieżami tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur fil-Soċjetà tal-Informazzjoni tal-2011 u tad-Direttiva dwar l-Infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali tal-2004; itenni l-bżonn li tkun finalizzata r-riforma dwar id-drittijiet tal-proprjetà industrijali biex tagħti stimolu lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi tal-Ewropa;

45. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq l-istrateġija mistennija dwar il-futur tal-liġi tal-kumpaniji bbażata fuq politika industrijali aktar b’saħħitha u drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-ħaddiema aktar b'saħħithom; jistenna li l-Kummissjoni tressaq ir-rieżami propost tad-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent tal-Kwalifiki Professjonali, kif mitlub fis-sena ta' qabel;

46. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva li tistabbilixxi dritt universali ta' aċċess għal kont bankarju ta’ pagament bażiku għaċ-ċittadini tal-UE u r-residenti legali kollha, sabiex jitrawmu l-inklużjoni soċjali u finanzjarja u tkun faċilitatà l-integrazzjoni u l-mobilità fis-Suq Uniku;

47. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri leġiżlattivi li jipproteġu l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi u jippermettu rimedju fis-servizzi finanzjarji tal-bejgħ bl-imnut, sabiex ikun salvagwardjat it-tfaddil tal-investituri żgħar u tal-privati;

48. Jistieden lill-Kummissjoni tadotta 'Karta taċ-Ċittadini Ewropej' li tkun faċli għall-utent, aġġornata regolarment u faċilment aċċessibbli, li tħaddan l-aspetti varji tad-dritt li persuna tgħix u taħdem fejn trid fl-UE, biex din isservi ta’ manwal għaċ-ċittadini kollha tal-UE li jiċċaqalqu, jaħdmu, jixtru u jbiegħu minn naħa għal oħra tal-fruntiera;

49. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq miżuri li jiżviluppaw strateġija orizzontali u koordinata komuni sabiex iħarsu l-konsumaturi li huma vulnerabbli, speċjalment il-minorenni;

50. Jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni li tmexxi ’l quddiem l-adeżjoni tal-UE għall-Karta Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u jħeġġeġ l-isforzi tagħha fl-iħuq ta' ftehim;

51. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq leġiżlazzjoni li tipprevjeni d-dipendenza fuq il-logħob tal-ażżard fuq l-internet u teħodha kontra l-operaturi illegali;

52. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq inizjattiva leġiżlattiva għal strateġija ta’ sorveljanza tas-suq komuni biex tissaħħaħ is-sikurezza tal-prodotti;

IV. It-twettiq tal-Aġenda taċ-Ċittadini: Libertà, Sigurtà u Ġustizzja

53. Itenni l-bżonn li jkun hemm fis-seħħ sistema ta' valutazzjoni ġdida ta' Schengen ibbażata fuq l-Artikolu 77(2)(e) tat-TFEU, maħsuba biex tevita standards doppji bejn l-Istati Membri ġodda u ta' qabel matul l-indirizzar tal-adeżjoni mal-acquis ta’ Schengen u jafferma mill-ġdid il-bżonn li jkunu definiti proċeduri, prinċipji u għodda li jappoġġjaw u jevalwaw il-konformità tal-Istati Membri mal-acquis ta' Schengen, primarjament b’reazzjoni għal avvenimenti mhux previsti; jikkunsidra li dawn il-mekkaniżmi jistgħu jiġu adottati biss bi proċedura leġiżlattiva ordinarja;

54. Jappella biex isiru proposti sostanzjali dwar il-migrazzjoni; ifakkar li l-ħtieġa u l-effettività tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ proposta għadha ma ġietx murija; ifakkar li l-ġestjoni effettiva u integrata tal-konfini esterni u interni tal-UE hija marbuta b’mod strett mal-politika tal-migrazzjoni u tal-ażil, inkluża l-mobilità, u hija għodda essenzjali għaliha;

55. Jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ proposta leġiżlattiva dwar is-solidarjetà msaħħa intrakomunitarja fil-qasam tal-ażil, kif rikjesta kemm-il darba mill-Parlament, meta wieħed iżomm f’moħħu li l-Unjoni hija impenjata li jkollha politika komuni u li taħdem dwar l-ażil sal-2012, li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni u r-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali;

56. Jappoġġja l-proposta li temenda r-Regolament 168/2007 dwar l-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali biex ikun adattat għas-sitwazzjoni ta’ wara Lisbona u biex jinkludi dak li kien it-tielet pilastru fil-mandat; jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal proposta dettaljata għal mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u sistema ta' twissija bikrija, ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 TUE u l-Artikolu 258 TFUE;

57. Jitlob għal proposta urġenti dwar ir-Regolament Europol sabiex l-istrutturi ta' dak li kienu l-istrumenti tat-tielet pilastru jkunu konformi mal-obbligi tat-Trattat ta' Lisbona, inklużi dawk taħt skrutinju tal-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali;

58. Jistieden lill-Kummissjoni tiffinalizza l-pjan direzzjonali dwar id-drittijiet proċedurali u tissorvelja t-traspożizzjoni tad-Direttivi adottati biex tiżgura li d-drittijiet bażiċi tal-persuni suspettati u akkużati jkunu protetti biżżejjed permezz ta’ standards minimi komuni ta' drittijiet proċedurali fi proċedimenti kriminali biex tiżgura u trendi effettiv il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku;

59. Jistenna li l-Kummissjoni tkompli b’xogħolha billi tiżviluppa liġi kriminali sostantiva fejn it-Trattat ma jippermettilhiex, fuq il-bażi tal-linji indikati mill-PE fir-riżoluzzjoni tiegħu ta’ approċċ tal-UE għal-liġi kriminali u għat-tisħiħ u l-adattament tal-EUROJUST għas-setgħat il-ġodda tat-Trattat bil-għan li jinħoloq prosekutur Ewropew;

60. Jistieden lill-Kummissjoni tipprepara pjan ta' rotta għall-ugwaljanza tal-UE fuq il-bażi ta' orjentazzjoni sesswali u identità tal-ġeneru, bil-għan li jkun adottat sal-2014, bl-użu ta' riżultati tal-istħarriġ imniedi mill-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali; jitlob għal riformulazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobija permezz ta’ liġi kriminali li tinkludi forom oħra ta’ krimini preġudikanti, inkluż fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali, identità tal-ġeneru u espressjoni tal-ġeneru;

61. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għal rikonoxximent reċiproku sħiħ tal-effetti tad-dokumenti kollha tal-istat ċivili fl-UE, inklużi żwiġijiet u sħubiji reġistrati, sabiex titnaqqas id-diskriminazjoni legali u l-ostakli amministrattivi għal ċittadini li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta’ moviment;

62. Jitlob għal reviżjoni komprensiva tad-Direttiva dwar iż-Żamma ta' Data 2006/24/KE, peress li d-Direttiva attwali ma tissodisfax ir-rekwiżiti għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq malajr proposta riveduta li tgħaddi l-eżami tan-neċessità u l-proporzjonalità, tikseb armonizzazzjoni ġenwina tal-obbligu taż-żamma tad-data u tirrikjedi skop ċar u preċiż għall-użu tagħha, tassimila l-osservazzjonijiet, speċifikament tal-KEPD;

63. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa u tappoġġa iktar l-attivitajiet ta’ taħriġ għall-ġudikatura fl-Ewropa, bil-għan li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ġustizzja għaċ-ċittadini u tiġi promossa kultura ġudizzjarja Ewropea ġenwina bbażata fuq id-djalogu u l-koordinazzjoni fost il-professjonisti tal-liġi permezz ta’ skejjel u netwerks ta’ taħriġ eżistenti;

64. Jilqa’ l-proposti għal Programm dwar il-Ġustizzja 2014–2020 u jistenna li jara azzjoni akbar mill-Kummissjoni dwar aċċess transkonfinali għall-ġustizzja;

65. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tadotta żewġ proposti leġiżlattivi dwar partiti politiċi Ewropej, wieħed li jikkonċerna l-istatut u l-ieħor li jemenda r-regolament finanzjarju;

V. L-Ewropa fid-Dinja: Inġorru l-piż tagħna fl-Isfera Globali

66. Jirrikjedi li linji gwida tal-UE dwar Responsabbiltà Soċjali Koporattiva jkunu proposti bħala segwitu għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (COM(2011)0681 finali);

67. Jitlob għall-implimentazzjoni konsistenti fir-relazzjonijiet tal-Unjoni mal-ġirien tan-nofsinhar tal-prinċipji stipulati fil-Komunikazzjoni mill-VP/RGĦ u l-Kummissjoni dwar “Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni” tal-25 ta’ Mejju 2011, b’mod partikolari fl-oqsma tal-appoġġ għal demokraziji soda u l-bini ta' sħubija mas-soċjetajiet;

68. Ifakkar li l-preparazzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-ġenerazzjoni futura ta’ strumenti oħrajn ta’ assistenza finanzjarja esterna kienu diġà definiti mill-Parlament fl-2013 bħala prijorità prinċipali għall-Kummisjsoni fil-qasam tal-azzjoni esterna; jenfasizza li dan għandu jinkludi l-iżvilupp ta’ indikaturi ċari, trasparenti u li jistgħu jitkejlu għall-ispeċifiċitajiet ta’ kull strument li jevalwa l-impatt tal-istrumenti riflessi f’tibdiliet konkreti f’pajjiżi benfiċjarji;

69. Jistieden lill-Kummissjoni tħejji proposta leġiżlattiva possibbli li ssegwi fuq dan ir-rapport filwaqt li tikkunsidra valutazzjoni bir-reqqa u indipendenti tal-ħtiġijiet tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna li jiffunzjoni b'mod effettiv bħala l-entità implimentattiva u ta' koordinazzjoni prinċipali tal-Unjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni u tar-relazzjonijiet ta' ħidma ma' istituzzjonijiet oħra;

70. Ifakkar li l-Linji Gwida tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-UE għandhom rwol essenzjali fl-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet esterni tal-UE; jitlob li tittieħed aktar azzjoni sabiex tissaħħaħ l-implimentazzjoni f'sitwazzjonijiet fil-prattika inkluż permezz tal-promozzjoni tal-għarfien tal-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, u billi jiġi provdut taħriġ lid-diplomatiċi u l-persunal tad-delegazzjonijiet tal-UE kif ukoll lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u rappreżentanti tal-NGOs u s-soċjetà ċivili;

71. Jitlob għal aktar żvilupp tal-kapaċitajiet u s-sinerġiji ċivili-militari li jiżguraw li l-Unjoni tkun f'pożizzjoni li tagħti s-sehem tagħha fiż-żamma tal-paċi internazzjonali u s-sigurtà reġjonali u tirrispondi b'mod effettiv għall-kriżijiet, bi qbil mal-prinċipji tal-karta tan-NU u d-dispożizzjonijiet tal-liġi internazzjonali;

72. Jistenna lill-Kummissjoni li tkompli x-xogħol tagħha dwar in-negozjati ta' adeżjoni li għaddejjin mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, l-Islanda u t-Turkija wara l-konklużjoni b'suċċess tan-negozjati mal-Kroazja, filwaqt li jenfasizza li dawn il-pajjiżi jeħtieġ li jieħdu l-passi kollha biex jikkonformaw b'mod sħiħ u rigoruż mal-kriterji ta' Kopenhagen; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni partikolari għas-sitwazzjoni fil-Bosnja-Ħerzegovina kif ukoll għall-isforzi biex tinstab soluzzjoni għall-kontroversja dwar l-isem ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja; jilqa’ d-deċiżjoni mill-Kunsill Ewropew li tagħti l-isatus ta’ pajjiż kandidat lis-Serbja;

73. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq prijoritajiet leġiżlattivi ewlenin, bħar-riforma tal-istrumenti ta' difiża kummerċjali u reviżjoni tad-Direttivi dwar l-Infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali u dwar il-Kummerċ elettroniku;

74. Ifakkar li l-Parlament għandu jkun assoċjat bis-sħiħ fin-negozjati dwar ftehimiet kummerċjali u ta' investiment, u anke fid-definizzjoni tal-mandati ta' negozjar qabel ma jiġu adottati mill-Kunsill; jinsisti bil-qawwa li l-Unjoni għandha tagħmel l-almu tagħha biex tibda taħditiet ma' sħab ewlenin oħra żviluppati u li qed jiżviluppaw sabiex tinstab soluzzjoni għall-impass attwali taċ-Ċiklu ta' Doha u biex jinbdew riflessjonijiet dwar ir-riforma tad-WTO bl-għan li jissaħħu l-leġittimità u l-effiċjenza tas-sistema kummerċjali multilaterali;

75. Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi, fil-ftehimiet kummerċjali kollha, provvedimenti legalment vinkolanti dwar id-drittijiet tal-bniedem, standards soċjali u ambjentali u responsabilità soċjali korporattiva, b’regoli ċari li jikkonċernaw imġiba responsabbli mill-kumpaniji Ewropej; Jinsisti dwar l-importanza li jiġu finalizzati n-negozjati dwar il-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles mal-Kanada, Singapor, l-Indja u l-Mercosur; jikkunsidra li l-Unjoni Ewropea għandha ssaħħaħ ir-rabtiet kummerċjali tagħha ma’ atturi ekonomiċi u politiċi oħra ewlenin fid-dinja;

76. Jilqa' l-progress li sar fin-negozjati dwar il-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles Profondi u Komprensivi mas-Sħab tal-Lvant tagħna u jilqa' l-inizjattivi li qed jittieħdu biex jitwessgħu u jiġu approfonditi r-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali tagħna mal-ġirien tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Mediterran; f'dan ir-rigward, jitlob li jiġi segwit mill-qrib il-proċess ta' tranżizzjoni demokratika tal-ġirien tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżomm id-djalogi reġjonali u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi bi dħul medju, meta jitqiesu l-iżbilanċji ekonomiċi u soċjali interni f’ħafna minnhom;

77. Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament dwar il-progress tal-Proposta leġiżlattiva dwar il-mekkaniżmu ta’ traċċabilità effikaċi għall-oġġetti li jiġu prodotti bl-użu ta’ xogħol tat-tfal sfurzat; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa ulterjorment skemi ta’ kummerċ ġust eżistenti bħala sinjal pożittiv għall-appoġġ tal-kummerċ Ġust;

78. Jistieden lill-Kummissjoni tiftaħ il-proċess ta' konsultazzjoni fid-dawl tal-abbozzar ta' leġiżlazzjoni futura possibbli dwar il-fenomenu ta' ħtif ta’ art, partikolarment fil-kuntest tas-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħloq strateġija aktar ċara u iżjed iffukata fuq in-nutrizzjoni li tindirizza l-governanza tas-sigurtà tal-ikel;

79. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura effikaċja akbar tal-għajnuna tal-UE fid-dawl ta’ qafas ta’ żvilupp possibbli tal-MDGs wara l-2015;

80. Jistieden lill-Kummissjoni tespandi ulterjorment l-objettivi ta’ Kollegament tal-Għajnuna ta' Solliev, ir-Riabilitazzjoni u l-Iżvilupp (LRRD) għal sitwazzjonijiet tranżizzjonali;

VI. Regolamentazzjoni Intelliġenti. Implimentazzjoni Leġiżlattiva u Baġitarja Effikaċi

81. Jitlob għal proposta leġiżlattiva li tarmonizza l-prinċipji sottostanti tal-poċeduri amministrattivi għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE, sabiex, meta tittratta ma' kwalunkwe forma ta' Amministrazzjoni tal-UE, l-individwi jista' jkollhom rikors għal sett wieħed ta' prinċipji;

82. Jenfasizza l-importanza kruċjali tal-implimentazzjoni adegwata u fil-ħin tal-liġi tal-UE fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tuża s-setgħat eżekuttivi tagħha; iqis li l-użu ta’ kull għodda bħat-tabbelli ta’ korelazzjoni maħsuba biex jipprovdu dejta dwar l-infurzar għandhom ikunu mandatorji f’kull leġiżlazzjoni u jistenna li l-Kummissjoni tapplika dan il-prinċipju fil-programm ta’ ħidma li jmiss tagħha;

83. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tal-anqas tiddefendi l-livell ta’ pagamenti tal-abbozz ta’ baġit 2013 tagħha; iwissi dwar il-konsegwenzi dannużi għat-tkabbir, il-kompetittività, ir-riċerka u l-koeżjoni fil-każ ta' nuqqas fl-approprjazzjonijiet ta' pagament; jinkoraġġixxi bis-saħħa lill-Kummissjoni tittratta l-problemi imminenti kollha rigward l-approprjazzjonijiet ta' pagament fi żmien utli permezz ta' proposti għal baġit emendatorju;

84. Jilqa’ l-approċċ kostruttiv tal-Kummissjoni għan-negozjati dwar provvedimenti ta’ mmaniġġjar konġunt skont ir-Regolament Finanzjarju rivedut, li jħeġġeġ il-Kummissjoni tieħu passi ulterjuri lejn livell aktar ta’ responsabilità tal-Istati Membri għall-effikaċja u l-effiċjenza tas-sistemi ta’ kontroll tagħhom, inkluż, l-irkupru ta’ ammonti li ma kellhomx jitħallsu u korrezzjonijet finanzjarji;

85. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta proposti dwar it-titjib tal-immaniġġjar nazzjonali tal-baġit tal-UE, inklużi l-introduzzjoni ta' dikjarazzjonijiet ta' mmaniġġjar nazzjonali obbligatorji u l-istabbiliment ta' mudell komuni għal dikjarazzjonijiet ta' mmaniġġjar nazzjonali;

86. Jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-qafas u l-kondizzjonijiet għat-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (EPPO) biex jiffoka fuq il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex tiżgura li l-EPPO ikun stabbilit b’suċċess sa mhux aktar tard minn tmiem l-2013;

87. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.