Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0228/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0228/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni tar-rifuġjati Sirjani fil-pajjiżi ġirien

20.5.2013 - (2013/2611(RSP))

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà
imressqa skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Marietje Schaake, Annemie Neyts-Uyttebroeck, Ivo Vajgl, Izaskun Bilbao Barandica, Marielle de Sarnez, Nathalie Griesbeck, Robert Rochefort, Louis Michel, Johannes Cornelis van Baalen, Sarah Ludford, Kristiina Ojuland, Sonia Alfano f'isem il-Grupp ALDE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0199/2013

Proċedura : 2013/2611(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0228/2013
Testi mressqa :
B7-0228/2013
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0228/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tar-rifuġjati Sirjani fil-pajjiżi ġirien

(2013/2611(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja, partikolarment dawk tas-16 ta' Frar[1] u tat-13 ta' Settembru[2] 2012,

–   - wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin dwar is-Sirja tat-23 ta' Marzu, tat-23 ta' April, tal-14 ta' Mejju, tal-25 ta' Ġunju, tat-23 ta' Lulju, tal-15 ta' Ottubru, tad-19 ta' Novembru u tal-10 ta' Diċembru 2012, u tat-23 ta' Jannar, tat-18 ta' Frar, tal-11 ta' Marzu, u tat-22 ta' April 2013; wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar is-Sirja tat-2 ta' Marzu, tad-29 ta' Ġunju u tal-14 ta' Diċembru 2012, u tat-8 ta' Frar 2013;

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/HR), Catherine Ashton, dwar ir-rifuġjati Sirjani, u b'mod partikulari l-kummenti tagħha waqt is-seduta plenarja fi Strasburgu fit-13 ta' Marzu 2013 u d-dikjarazzjoni tagħha tat-8 ta' Mejju 2013; wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Kummissarju għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, l-Għajnuna Umanitarja u r-Rispons f'Każ ta' Kriżi, Kristalina Georgieva, dwar ir-rifuġjati Sirjani u r-rispons tal-UE, b'mod partikulari d-dikjarazzjoni tagħha tat-12 ta' Mejju 2013, u r-rapporti dwar is-sitwazzjoni u l-fact sheets tal-ECHO (Għajnuna Umanitarja u Protezzjoni Ċivili)

–   wara li kkunsidra l-laqgħat informattivi tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar is-Sirja mogħtija mis-Sotto-Segretarju Ġenerali għall-Affarijiet Umanitarji u l-Koordinatur tal-Għajnuna ta' Emerġenza, Valerie Ramos, u b'mod partikulari dik tat-18 ta' April 2013,

–   wara li kkunsidra l-kummenti magħmula mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati, António Guterres, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, b'mod partikulari dawk tat-18 ta' April 2013;

–   wara li kkunsidra l-aħħar Pjan ta' Rispons Reġjonali għas-Sirja (RRP) għaż-żmien bejn Jannar u Ġunju 2013 u l-RRPs kollha mnedija mill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati mill-ewwel waħda f'Marzu 2012,

–   wara li kkunsidra l-Pjan ta' Rispons ta' Assistenza Umanitarja għas-Sirja (SHARP) tad-19 ta' Diċembru 2012, imħejji mill-Gvern tar-Repubblika Għarbija tas-Sirja b'koordinament mas-Sistema tan-NU,

–   wara li kkunsidra l-Bulettini Umanitarji Sirjani ppubblikati mill-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinament tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 46/182 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, bit-titolu "It-Tisħiħ tal-Koordinament tal-Assistenza Umanitarja ta' Emerġenza tan-Nazzjonijiet Uniti", u l-Prinċipji ta' Gwida annessi magħha,

–   wara li kkunsidra r-rapport fil-qosor tal-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi Umanitarji għas-Sirja, li saret fil-Kuwait fit-30 ta' Jannar 2013,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Finali Tal-Grupp ta' Azzjoni għas-Sirja ("id-Dikjarazzjoni ta' Ġinevra") tat-30 ta' Jannar 2013,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli anċillari tagħhom,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Protokoll Fakultattiv dwar l-Involviment tat-Tfal f'Kunflitti Armati, li s-Sirja hija parti kontraenti fihom,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi fis-16 ta' Mejju 2013 l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR) irreġistra total ta' 1 523 626 rifuġjat Sirjan fil-pajjiżi ġirien u fit-Tramuntana tal-Afrika; billi l-għadd totali ta' rifuġjati, inklużi dawk mhux reġistrati, huwa stmat li huwa ħafna akbar; billi skont il-UNHCR 7 miljun Sirjan jiddependu fuq l-għajnuna, 3.1 miljun tifel u tifla huma fil-bżonn minħabba l-gwerra tas-Sirja, u l-għadd ta' persuni spustati internament (IDPs) fis-6 ta' Mejju 2013 kien ta' 4.25 miljun, minn popolazzjoni totali Sirjana ta' 21.4 miljun;

B.  billi f'Marzu 2013, in-NU stmat li madwar 80 000 ruħ, l-aktar persuni ċivili, kienu sfaw maqtula minħabba l-vjolenza fis-Sirja, u billi dan l-għadd aktarx li żdied b'mod sinifikanti;

C.  billi l-ħtiġijiet taċ-ċittadini Sirjani qed jikbru b'ħeffa u huma l-aktar severi fl-inħawi tal-kunflitti u dawk ikkontrollati mill-oppożizzjoni; billi l-bliet ewlenin Sirjani ġew meqruda mill-kunflitt; billi partijiet sinifikanti ta' Deir Az Zor, Hama, Homs u Idlib spiċċaw mfarrka;

D.  billi l-qirda tal-infrastruttura essenzjali inklużi l-iskejjel u l-isptarijiet, l-isvalutazzjoni tal-munita, il-prezzijiet dejjem jogħlew, in-nuqqas ta' fjuwil u l-qtugħ tal-elettriku u n-nuqqas tal-ilma, ikel u l-mediċini kellhom impatt fuq il-biċċa l-kbira tas-Sirjani;

E.  billi l-aċċess fiżiku għall-persuni fil-bżonn ta' għajnuna umanitarja fis-Sirja għadu severament ristrett u jiddependi mill-kooperazzjoni tal-Gvern Sirjan;

F.  billi l-partijiet kollha fil-kunflitt għandhom l-obbligu li jirrispettaw il-liġi umanitarja internazzjonali u li jħarsu liċ-ċittadini;

G.  billi l-aġenziji tan-NU rrappurtaw progress fl-organizzazzjoni ta' konvojs ta' għajnuna minn għadd ta' aġenziji li jaqsmu l-linji tal-kunflitt, lejn żoni kkontrollati mill-gvern, żoni kkontrollati mill-oppożizzjoni u żoni kkontestati; billi l-ostakoli burokratiċi u l-punti ta' kontroll madwar il-pajjiż (kemm dawk ikkontrollati mill-gvern kif ukoll dawk mill-oppożizzjoni) mhux qed iħallu li jkun hemm rispons umanitarju effettiv fl-inħawi kollha tas-Sirja;

H.  billi skont il-UNHCR l-għadd ta' rifuġjati (inklużi dawk li qed jistennew li jiġu rreġistrati) preżenti fil-pajjiżi ġirien fis-16 ta' Mejju 2013 kien kif ġej: fit-Turkija – 347 815; fil-Libanu – 474 461; fil-Ġordan – 474 405; fl-Iraq – 148 028; fl-Eġittu – 68 865; fil-Marokk, fl-Alġerija u fil-Libja – 10 052 (reġistrati); billi l-għadd reali ta' rifuġjati Sirjani huwa ħafna ogħla, peress li ħafna ma rreġistrawx irwiehom;

I.   billi r-reġistrazzjoni għadha l-mekkaniżmu ewlieni li bih jiġu identifikati, imħarsa u megħjuna l-persuni li għalihom hija maħsuba l-għajnuna, b'mod partikulari dawk li jkunu għadhom kif jaslu u li jkollhom ħtiġijiet speċifiċi, inklużi dawk b'diżabilità, l-anzjani, il-minorenni mhux akkumpanjati u dawk isseparati mill-familja, sabiex jingħataw għajnuna ta' prijorità;

J.   billi l-għadd ta' persuni fil-bżonn żdied b'ħeffa u se jibqa' jiżdied; billi l-UNHCR tistima li l-għadd tar-rifuġjati Sirjani jista' jilħaq it-3.5 miljun ruħ sal-aħħar tal-2013 jekk il-vjolenza fis-Sirja ma tinġiebx fit-tmiem; billi minn Frar 2013, ta' kuljum madwar 8 000 ruħ qasmu l-fruntieri mis-Sirja;

K.  billi madwar tliet kwarti mir-rifuġjati Sirjani fil-pajjiżi ġirien qed jgħixu barra mill-kampijiet f'żoni urbani;

L.  billi l-komunitajiet ospitanti u l-pajjiżi ġirien, b'mod partikulari fil-Libanu, fil-Ġordan, fit-Turkija u fl-Iraq, baqgħu iħaddnu politika ta' fruntieri miftuħa matul il-kriżi; billi l-kapaċità tagħhom li jassorbu u jagħtu kenn lill-fluss dejjem jiżdied ta' rifuġjati Sirjani ġġebbdet sal-limitu tagħha u huma jeħtieġu appoġġ urġenti sabiex jibqgħu jżommu l-fruntieri tagħhom miftuħa u jassistu lir-rifuġjati, inkluż appoġġ fir-rigward tal-infrastruttura;

M. billi l-aċċess umanitarju għas-Sirja jiddependi fuq il-pajjiżi ġirien;

N.  billi l-fluss ta' rifuġjati Sirjani qed joħloq sfidi fil-pajjiżi ġirien, inkluż permezz tal-effetti tad-deklin ekonomiku, l-inflazzjoni u l-qgħad;

O.  billi l-kapaċità li jħallsu l-kera qed issir preokkupazzjoni dejjem tikber għal ħafna rifuġjati Sirjani minħabba li qed jiżdiedu l-affollament u l-kompetizzjoni għal saqaf u qed jogħlew il-prezzijiet; billi r-rifuġjati qed jesperjenzjaw differenzi sinifikanti bejn id-dħul u l-ispejjeż u opportunitajiet limitati ta' impjieg, filwaqt li qed jaraw it-tfaddil tagħhom jispiċċa fix-xejn u l-livelli tad-djun tagħhom jogħlew;

Q.  billi l-kompetizzjoni għall-impjiegi u l-prezzijiet jogħlew tal-ikel huma fatturi li qed jaggravaw it-tensjonijiet bejn il-popolazzjonijiet lokali u r-rifuġjati, partikolarment fil-Libanu u fil-Ġordan, li bejniethom qed jospitaw aktar minn 1 miljun rifuġjat;

R.  billi jeħtieġ li jitkomplew l-isforzi biex jiżdied l-appoġġ għall-komunitajiet ospitanti sabiex titnaqqas it-tensjoni u jitneħħa l-piż minn fuq dawn il-komunitajiet;

S.  billi l-Kumitat Internazzjonali ta' Sokkors (IRC) attwalment qed jirrispondi għas-sitwazzjoni tar-rifuġjati Sirjani fil-Ġordan, fil-Libanu u fl-Iraq u qed jiffoka l-aktar fuq in-nisa u t-tfal, li għandhom ħtiġijiet speċjali iżda sikwit ma jirċevux biżżejjed servizzi fil-komunitajiet tar-rifuġjati urbani;

T.  billi l-pajjiżi ġirien għażlu metodi differenti ta' akkoljenza; billi l-Libanu adotta politika mingħajr kampijiet u b'mod ġenerali assorba lir-rifuġjati fil-komunitajiet lokali (f'madwar 1 200 raħal); billi l-firxa rurali tal-popolazzjoni tar-rifuġjati titlob programm kumpless ta' reġistrazzjoni urbana;

U. billi l-kriżi Sirjana saret theddida kritika lil-Libanu minħabba li l-popolazzjoni tiegħu żdiedet b'aktar minn 10 % (rifuġjati Sirjani reġistrati) jew 25 % (għadd stmat ta' rifuġjati Sirjani realment fil-pajjiż);

V.  billi madwar 350 000 Sirjan qed joqogħdu fi 23 kampijiet tar-rifuġjati fit-Turkija, fil-Ġordan u fl-Iraq; billi qed jinbnew sitt kampjiet tar-rifuġjati oħrajn: erba' fit-Turkija u wieħed kull wieħed fil-Ġordan u fl-Iraq;

W. billi r-restrizzjonijiet ta' finanzjament qed ikomplu jimpedixxu l-għoti fil-ħin opportun u effiċjenti tal-għajnuna umanitarja; billi x-SHARP jeħtieġ total ta' USD 563 miljun f'finanzjament biex jindirizza l-ħtiġijiet tal-poplu fis-Sirja; billi, sas-6 ta' Mejju 2013, 61 % biss tal-pjan ta' rispons kien iffinanzjat;

X. billi l-Pjan ta' Rispons Reġjonali tan-NU (RRP 4) qed jiġi rivedut għall-perjodu sa Diċembru 2013; billi n-NU se tniedi appell ġdid għall-finanzjament fis-7 ta' Ġunju 2013, li se jirrifletti l-għadd li qed jikber ta' rifuġjati li qed jaħarbu mis-Sirja u l-ħtiġijiet persistenti tagħhom, kif ukoll jinkludi appoġġ akbar lill-gvernijiet u l-komunitajiet ospitanti, u aktarx li jammonta għal USD 3 biljun;

Y.  billi rapporti mill-organizzazzjonijiet ta' għajnuna jgħidu li 30 % sa 40 % biss tal-ammonti totali mwiegħda s'issa mill-komunità internazzjonali fil-fatt ingħataw;

Z.  billi l-livell ta' għajnuna umanitarja aktarx li ma jibqax sostenibbli; billi l-atturi kollha umanitarji involuti jeħtieġu livelli ta' appoġġ finanzjarju li huma sproporzjonati mal-baġits ta' għajnuna umanitarja stabbiliti tad-donaturi tradizzjonali; billi jeħtieġ li jitwaqqfu mekkaniżmi straordinarji ta' finanzjament sabiex jiġu sodisfati l-ħtiġijiet li qed jirriżultaw mill-kriżi Sirjana;

AA. billi l-UE kienet l-akbar donatur, peress li hija tat total ta' EUR 600 miljun f'għajnuna umanitarja (EUR 625 miljun mill-ECHO u aktar minn EUR 400 miljun mill-Istati Membri); billi l-għoti ta' għajnuna umanitarja ffinanzjata mill-Kummissjoni jgħaddi permezz tal-organizzazzjonijiet internazzjonali professjonali u mogħtija mandat, skont il-prinċipji umanitarji;

AB. billi 400 000 rifuġjat Palestinjan huma milquta fis-Sirja; billi kważi 50 000 Palestinjan ġew reġistrati fil-Libanu mill-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-NU (UNRWA); billi fl-2012 il-Ġordan għalaq il-fruntieri tiegħu għall-Palestinjani li jaħarbu l-kunflitt fis-Sirja;

AC. billi s-sikurezza u s-sigurtà fil-Kamp ta' Zaatari fil-Ġordan iddeġeneraw u qed jitwettqu ħafna serq u nirien; billi Zaatari saret ir-raba' l-akbar belt fil-Ġordan u fiha joqgħodu aktar minn 170 000 ruħ; billi l-irvellijiet u l-protesti vjolenti fil-kampijiet tar-rifuġjati huma mmotivati mill-kundizzjonijiet ħżiena ta' għajxien u mid-dewmien fl-għoti ta' għajnuna;

AD. billi n-nuqqas ġenerali ta' sigurtà qed ikomplu jipperikola l-ħajjiet fil-kampijiet u qed jaffettwa l-ħaddiema umanitarji; billi xi ħaddiema tal-assistenza umanitarja ġew attakkati, kellhom jiġu rikoverati fi sptar u saħansitra sfaw maqtula waqt li kienu qed iqassmu l-għajnuna, u billi xi ġurnalisti sfaw msawta;

AE. billi, skont organizzazzjonijiet internazzjonali, in-nisa u l-bniet fil-kampjiet tar-rifuġjati qed jisfaw vittmi ta’ vjolenza sesswali u stupru, li qed intużaw ukoll bħala arma tal-gwerra; billi m’hemm l-ebda għajnuna medika adegwata għar-rifuġjati Sirjani li jkunu sfaw vittmi tal-vjolenza sesswali; billi dan in-nuqqas ta' aċċess għal kura f'waqtha u ta' ħniena huwa vjolazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

AF. billi skont diversi sorsi, qed jitwettqu ħafna żwiġijiet tal-pjaċir jew Mut'ah (żwiġijiet temporanji Iżlamiċi) fil-kampijiet tar-rifuġjati Sirjani, billi l-irġiel imorru fil-kampijiet biex jisfruttaw u jabbużaw lin-nisa u l-bniet;

AG. billi r-riskju tal-effetti ta' tfawwir mill-gwerra fis-Sirja aktarx li jsir strutturali aktar milli inċidentali; billi l-UE u l-komunità internazzjonali ma jistgħux jaffordjaw li jkun hemm katastrofu ieħor; billi f'każ ta' diżastru politiku, tas-sigurtà u umanitarju fuq livell panreġjonali, ikun impossibbli li l-kapaċità ta' rispons internazzjonali tlaħħaq ma' tali eventwalità;

AH. billi ż-żieda fit-temperaturi tkabbar ir-riskju li jfaqqgħu epidemiji;

1.  Ifakkar li l-Gvern Sirjan għandu r-responsabilità ewlenija li jieħu ħsieb il-benessri tal-poplu tiegħu u li jippermetti l-aċċess għall-għoti ta' għajnuna umanitarja lis-Sirjani kollha, skont id-dritt umanitarju internazzjonali;

2.  Iħeġġeġ lill-partijiet fil-kunflitt jiddefendu u jirrispettaw id-dritt umanitarju internazzjonali bażiku;

3.  Ifaħħar lill-komunitajiet lokali u lill-pajjżi ġirien tas-Sirja, b'mod partikulari il-Ġordan, il-Libanu, it-Turkija u l-Iraq, tal-inġenjożità tagħhom li jipprovdu kenn u għajnuna umanitarja lill-familji li ħarbu mill-gwerra fis-Sirja;

4.  Jinsab ferm imħasseb dwar il-punt perikoluż ta' limitu li qed joqorbu lejh dawn il-pajjiżi u komunitajiet ospitanti, l-isfidi domestiċi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-pajjżi u l-popolazzjonijiet ospitanti u l-effetti ta' tfawwir tal-gwerra fis-Sirja u l-fluss ta' rifuġjati mis-Sirja, li jistgħu jwasslu għal instabilità reġjonali mingħajr preċedent;

5.  Jilqa' l-operazzjoni ta' assistenza umanitarja immensa li għaliha qed jikkontribwixxu l-organizzazzjonijiet internazzjonali u lokali taħt l-awspiċji tal-OCHA u l-UNHCR u jfaħħar lill-ħaddiema tas-saħħa u l-ħaddiema tal-għajnuna medika kollha, kemm internazzjonali kif ukoll lokali, għall-kuraġġ u l-perseveranza tagħhom;

6.  Jappoġġja u jilqa' l-kontribut konsiderevoli magħmul mill-Kummissjoni u l-Istati Membri lill-programmi internazzjonali ta' għajnuna umanitarja, kif ukoll it-tmexxija politika murija mill-Kummissarju Georgieva;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta pakkett komprensiv ta' għajnuna, li jservi ta' eżempju għad-donaturi ewlenin oħrajn, sabiex tindirizza l-kriżi umanitarja fis-Sirja u fil-pajjiżi ġirien tagħha, ibbażat fuq tliet pilastri: i) għajnuna umanitarja intensifikata (permezz tal-ECHO), ii) appoġġ biex jgħin lill-pajjiżi ospitanti jsaħħu l-komunitajiet lokali u jkabbru l-kapaċità u l-infrastruttura (permezz tad-DEVCO), u iii) l-introduzzjoni b'ħeffa ta' pakketti ta' għajnuna finanzjarja makro għal-Libanu u l-Ġordan;

8.  Jenfasizza li l-UE għandha responsabilità partikulari għall-istabilità u s-sigurtà fil-viċinat tagħha u jistieden lill-VP/HR u lill-Kummissarju għall-Politika tat-Tkabbir u tal-Viċinat jiżguraw li l-UE jkollha rwol ta' mexxej biex tipprevjeni li l-gwerra fis-Sirja tfur lejn il-pajjiżi ġirien;

9.  Jistieden lill-VP/HR, f'koordinament mill-qrib ma' dawk l-Istati Membri tal-UE fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, jagħmlu pressjoni favur riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà li tippermetti l-għoti ta' għajnuna umanitarja fl-inħawi kollha tas-Sirja u li tiżgura l-protezzjoni tal-ħaddiema tal-assistenza umanitarja;

10. Jistieden lill-pajjiżi kollha u, b'mod partikulari, lill-Istati Membri tal-UE, sabiex malajr iwettqu l-wegħdiet li huma għamlu fil-konferenza tad-donaturi fil-Kuwait fit-30 ta' Jannar 2013; jistieden lill-UE u lill-komunità internazzjonali jwaqqfu mekkaniżmi ta' responsabilizzazzjoni sabiex jiżguraw li l-fondi kollha mwiegħda jaslu għand il-benefiċċjari maħsuba;

11. Iħeġġeġ lill-gvernijiet ospitanti kollha jirrispettaw il-prinċipji tan-non-refoulement u tat-trattament ugwali tar-rifuġjati; iħeġġeġ lin-NU, f'kooperazzjoni mill-qrib mad-donaturi, issolvi l-problemi persistenti tan-nuqqas ta' sigurtà u l-problemi li jikkonċernaw il-liġi u l-ordni pubbliku fil-kampijiet tar-rifuġjati;

12. Jikkundanna l-użu tal-vjolenza sesswali fil-gwerra tas-Sirja, inkluż bħala arma tal-gwerra, iħeġġeġ lill-UE u lill-komunità internazzjonali jallokaw riżorsi speċifiċi biex itemmu l-vjolenza sesswali, u jistieden lill-komunitajiet ospitanti jipprovdu kura medika xierqa lil dawk li jisfaw vittmi tal-vjolenza sesswali;

13. Jistieden lill-UNRWA, fid-dawl tal-bżonnijiet dejjem akbar tal-popolazzjoni tar-rifuġjati Palestinjani fis-Sirja u fil-pajjiżi ġirien, sabiex b'ġenerożità tappoġġja l-isforzi li għaddejjin biex iżżid ir-reżiljenza ta' dawk ir-rifuġjati u sabiex timminimizza t-tbatija u l-ispustament tagħhom;

14. Itenni l-appoġġ tiegħu għal soluzzjoni politika għall-kunflitt fis-Sirja; jemmen li sabiex jissolva l-kunflitt jeħtieġ li jiġi ffaċilitat proċess politiku mmexxi mis-Sirja li jippromwovi soluzzjoni politika kredibbli u effettiva b'kollaborazzjoni ma' dawk li b'mod ġenwin huma impenjati favur din it-tranżizzjoni;

15. Itenni li hija prijorità li l-ħidma umanitarja u dik politika jinżammu f'mogħdijiet separati, bil-għan li l-aċċess għal dawk fil-bżonn jiġi ffaċilitat;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Parlamenti u lill-Gvernijiet tal-Istati Membri, u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja.