MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-istandards tas-saħħa u tas-sikurezza wara n-nirien fil-fabbriki u t-tiġrif ta' bini reċenti fil-Bangladexx
20.5.2013 - (2013/2638(RSP))
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Helmut Scholz, Paul Murphy, Thomas Händel, Willy Meyer, Marie-Christine Vergiat, Alda Sousa, Nikolaos Chountis, Patrick Le Hyaric, Marisa Matias f'isem il-Grupp GUE/NGL
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0223/2013
B7‑0231/2013
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-istandards tas-saħħa u tas-sikurezza wara n-nirien fil-fabbriki u t-tiġrif ta' bini reċenti fil-Bangladexx
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bangladexx, b'mod partikolari dawk tas-17 ta' Jannar 2013[1], tas-6 ta' Settembru 2007[2] u tal-10 ta' Lulju 2008[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali[4] u dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali[5],
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Popolari tal-Bangladexx dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp[6],
– wara li kkunsidra l-Qafas Promozzjonali tal-ILO għas-Sikurezza u s-Saħħa Okkupazzjonali (2006, C-187) u l-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza u s-Saħħa Okkupazzjonali (1981, C-155), li għadhom ma ġewx ratifikati mill-Bangladexx u l-Pakistan, u r-rakkomandazzjonijiet rispettivi tagħhom (R-197); wara li kkunsidra wkoll il-Konvenzjoni dwar l-Ispezzjoni tax-Xogħol (1947, C‑081), li l-Bangladexx hu firmatarju tagħha, u r-rakkomandazzjonijiet tagħha (R‑164),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu 'Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva' (COM(2011)0681),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-6 ta' Frar 2013 dwar 'Ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva: imġiba kummerċjali responsabbli u trasparenti u tkabbir sostenibbli'[7] u dwar 'Ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva: promozzjoni tal-interessi tas-soċjetà u triq lejn l-irkupru sostenibbli u inklużiv'[8],
– wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozji u d-Drittijiet tal-Bniedem, li jistabbilixxu qafas kemm għall-gvernijiet kif ukoll għall-kumpaniji biex jipproteġu u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, kif approvati mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f'Ġunju 2011,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Bangladexx huwa t-tieni l-akbar esportatur tal-ħwejjeġ fid-dinja, b'total ta' USD 19-il biljun fl-2011; billi, barra minn hekk, huwa t-tielet l-akbar fornitur tal-Unjoni Ewropea tat-tessuti għall-ilbies, wara ċ-Ċina u l-Vjetnam; billi dan is-settur jirrappreżenta 13 % tal-PDG u 80 % tal-esportazzjonijiet tal-Bangladexx;
B. billi l-maġġoranza predominanti tal-importazzjonijiet tal-qoton tal-Bangladexx tintuża għall-manifattura tat-tessuti u tal-ħwejjeġ orjentata lejn l-esportazzjoni, li tammonta għal 80 % tal-esportazzjonijiet kollha tal-manifattura, u billi ħafna mit-tessuti u l-ħwejjeġ manifatturati jiġu esportati lejn pajjiżi żviluppati, b'mod partikolari l-Istati Membri tal-UE, il-Kanada u l-Istati Uniti;
C. billi l-prattika tas-sandblasting ta' jeans tad-denim u tessuti oħra hija partikolarment komuni fil-Bangladexx, bi stima li madwar nofs il-200 miljun par jeans esportati mill-Bangladexx isirilhom dan is-sandblasting, u billi din il-prattika tesponi lill-ħaddiema għal perikli tas-saħħa estremi, minħabba li partiċelli tas-silika jidħlu fil-ġisem u jikkawżaw mardiet qerrieda bħas-silikożi;
D. billi, fl-industrija tal-ħwejjeġ tal-Bangladexx, il-kost lavorattiv jammonta għal madwar 5 % tal-kost tal-prodott finali; billi żieda fil-paga ta' kull xahar tal-ħaddiema tat-tessuti tal-Bangladexx mil-livell attwali ta' madwar EUR 30 għal livell ta' EUR 80 huwa stmat li twassal għal żieda fil-prezzijiet tal-prodotti tat-tessuti għall-bejjiegħa Ġermaniżi ta' madwar 28 ċenteżmu għal kull prodott jekk ir-rati ta' profitt tal-bejjiegħa prinċipali jibqgħu l-istess;
E. billi l-globalizzazzjoni kapitalista u x-xewqa min-naħa tal-korporazzjonijiet multinazzjonali, b'mod partikolari li jċaqalqu l-produzzjoni lejn pajjiżi li għandhom pagi baxxi bħall-Bangladexx, irriżultaw fir-rilokazzjoni tal-industriji tat-tessuti minn pajjiżi żviluppati, inklużi Stati Membri tal-UE, waqt li ħallew warajhom qgħad u kriżijiet soċjoekonomiċi serji;
F. billi 40 % taċ-ċittadini tal-Bangladexx jgħixu taħt il-livell tal-faqar (inqas minn USD 1,25 kuljum), u għalhekk il-pajjiż ġie kklassifikat fil-146 pożizzjoni minn 182 pajjiż fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem (HDI);
G. billi, f'Savar, 'il barra minn Daka, fl-24 ta' April 2013, il-bini Rana Plaza li kien fih diversi fabbriki tal-ħwejjeġ iġġarraf u ħalla 'l fuq minn 1 000 persuna mejta u 2 500 persuna midruba;
H. billi l-bini li ġġarraf kien inbena illegalment u ma kienx jissodisfa l-istandards tas-sikurezza, u billi s-sidien tal-fabbriki kienu insistew li l-ħaddiema jirritornaw għax-xogħol minkejja l-fatt li l-jum ta' qabel kienu nstabu xquq, u minkejja t-twissijiet ta' konsulent tal-inġinerija li l-bini kellu jibqa' evakwat;
I. billi dan id-diżastru kien preċedut minn nar f'fabbrika ta' Tazreen Fashion f'Ashulia f'Novembru 2012, li fih mietu 'l fuq minn 100 ħaddiem u ndarbu ħafna oħrajn, u billi, fit-8 ta' Mejju (ftit jiem wara d-diżastru ta' Savar), tmien persuni nqatlu f'nar fil-fabbrik tal-ħwejjeġ Tung Hai fid-distrett ta' Mirpur f'Daka;
J. billi kumitat ta' inkjesta governattiv iffurmat mill-Ministeru għall-Intern u l-Kumitat Parlamentari Permanenti fil-Ministeru għax-Xogħol u l-Impjiegi wasal għall-konklużjoni li sid il-fabbrika Tazreen għandu jiġi akkużat f'qorti kriminali b'negliġenza li ma tistax tinħafer, iżda billi dan qatt ma ġie arrestat; billi tressqet petizzjoni fil-Qorti Superjuri tal-Bangladexx nhar it-28 ta' April li titlob l-arrest tiegħu u takkuża lill-awtoritajiet b'inattività;
K. billi fis-16 ta' Mejju ċeda s-saqaf ta' fabbrika taż-żraben fil-provinċja ta' Kampong Speu, fil-Kambodja, fejn mietu mill-inqas żewġ persuni;
L. billi t-tort tal-għadd kbir ta' persuni maqtula jew feruti f'dawn il-każijiet kollha kien fil-parti l-kbira tiegħu attribwit għan-nuqqas ta' miżuri ta' sikurezza minimi, kostruzzjoni illegali u li ma tiffunzjonax u n-nuqqas ta' drittijiet tal-ħaddiema li jiddefendu l-interessi tagħhom stess;
M. billi skont rapporti fil-gazzetti tal-Bangladexx, il-Bangladexx għandu biss 51 spettur biex jimmonitorjaw 'il fuq minn 200 000 fabbrika;
N. billi, skont informazzjoni ppubblikata mill-Forum Internazzjonali għad-Drittijiet tax-Xogħol, aktar minn 600 ħaddiem fil-qasam tal-ħwejjeġ mietu f'nirien f'fabbriki fil-Bangladexx mill-2005, waqt li, skont rapporti minn organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, ħadd mis-sidien jew mid-diriġenti tal-fabbriki ma ġie pproċessat;
O. billi l-klijenti aħħarin fl-Ewropa, il-bejjiegħa, id-diriġenzi tal-fabbriki u l-gvernijiet fil-livelli kollha tal-katina ta' produzzjoni u ta' provvista għandhom ir-responsabilità konġunta li jieħdu azzjoni sabiex jitjiebu l-istandards tax-xogħol u tas-sikurezza fis-settur tal-ħwejjeġ għall-benefiċċju tal-ħaddiema;
P. billi, minkejja li ċerti impriżi tal-Punent jaffermaw li jużaw "kodiċijiet ta' kondotta tajba", il-kundizzjonijiet tax-xogħol – b'mod partikolari rigward il-ħinijiet tax-xogħol, il-pagi, it-tħaddim tat-tfal u s-sikurezza tal-ħaddiema – għadhom ħżiena ħafna;
Q. billi l-kompetizzjoni fl-ekonomija globalizzata – b'ċikli dejjem iqsar, produzzjoni akbar u livelli ogħla ta' konsum fis-settur tal-ħwejjeġ u taż-żraben – twassal għal pressjoni insostenibbli fuq il-kosti lavorattivi u tal-produzzjoni u hi ta' ħsara inaċċettabbli għas-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema;
R. billi t-tessuti u l-ħwejjeġ saru t-tieni l-akbar attività ekonomika fid-dinja f'termini ta' intensità tal-kummerċ u billi l-industrija tat-tessuti hija meqjusa bħala wieħed mill-aktar setturi industrijali niġġiesa; billi t-tidwir, l-insiġ u l-produzzjoni ta' fibri industrijali jnaqqsu l-kwalità tal-arja, it-tiżbigħ u l-istampar jikkunsmaw ammonti vasti ta' ilma u kimika, u jilliberaw aġenti volatili numerużi fl-atmosfera li huma ta' ħsara partikolari għall-ħaddiema, il-konsumaturi u l-ambjent;
S. billi l-kundizzjonijiet tax-xogħol inumani, l-isfruttament tal-ħaddiema u l-qerda ambjentali mhumiex limitati għal ċerti reġjuni tad-dinja jew għal ċerti setturi industrijali iżda jeħtieġ jiġu miġġielda madwar id-dinja, inkluż fl-UE;
T. billi informazzjoni pprovduta mill-Gvern tal-Bangladexx turi li l-kosti tal-ħwejjeġ fir-Renju Unit niżlu b'20 % mill-2005 'l hawn, u billi, skont il-Konsorzju tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Bangladexx, l-ikkonformar tal-5 000 fabbrika tal-ħwejjeġ tal-Bangladexx mal-istandards tas-sikurezza tal-Punent fi żmien 5 snin ikun ifisser żieda ta' inqas minn 10 ċenteżmi fil-prezz tal-fabbrika ta' kull waħda mis-7 biljun unità ta' ħwejjeġ li l-Bangladexx ibigħ lid-ditti tal-Punent kull sena;
1. Jesprimi n-niket kbir tiegħu għall-ħafna ħajjiet li ntilfu u l-ħafna ferimenti kkawżati fit-traġedja tar-Rana Plaza, wieħed mill-aktar diżastri industrijali qerrieda li qatt seħħew, u jestendi l-kondoljanzi tiegħu lil dawk midruba jew sfigurati, kif ukoll lill-familji tal-mejtin;
2. Jistieden lill-bejjiegħa Ewropej kollha li l-ordnijiet tagħhom kienu qed jiġu pproċessati meta seħħ it-tiġrif biex jappoġġjaw lill-awtoritajiet lokali u l-organizzazzjonijiet tal-maniġment u tax-xogħol involuti fit-twaqqif ta' skema ta' kumpens xierqa u trasparenti għall-vittmi u l-familji tagħhom kif ukoll biex jikkontribwixxu għal din l-iskema; jirrimarka li sistema bħal din għandha tkopri t-telf ta' dħul u danni għall-midruba u l-familji tal-mejtin, kif ukoll riabilitazzjoni medika bla ħlas għall-midruba u kura u edukazzjoni għall-membri dipendenti tal-familji tal-ħaddiema li mietu;
3. Jesprimi l-għadab tiegħu għall-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-waħx fl-industrija tat-tessuti u tal-ħwejjeġ fil-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs) u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jikkundanna lil dawk li huma responsabbli għal din is-sitwazzjoni; jenfasizza li l-bejjiegħa multinazzjonali bbażati fl-Ewropa, ħafna drabi permezz ta' sottokuntratturi, huma fost il-benefiċjarji prinċipali tax-xogħol irħis u l-ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema u tal-istandards tas-saħħa u tas-sikurezza fl-LDCs u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw; huwa konvint li l-avvenimenti traġiċi fil-Bangladexx kienu dimostrazzjoni tal-kunċett li falla ta' skema ta' responsabilità soċjali korporattiva (CSR) volontarja, u jirrimarka li skema ta' CSR vinkolanti legalment, u allura infurzabbli, hija pass meħtieġ biex jintemm dan l-isfruttament oxxen;
4. Jesprimi s-simpatija u s-solidarjetà tiegħu mal-protesti tal-ħaddiema fil-Bangladexx u b'mod partikolari l-protesti li saru wara n-nirien l-aktar reċenti; jenfasizza li d-drittijiet soċjali u tal-ħaddiema huma drittijiet tal-bniedem bażiċi li għandhom jiġu rispettati u mħarsa madwar id-dinja kollha; jiddeplora profondament il-fatt li dan huwa ttraskurat ta' spiss wisq fil-politika dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-UE;
5. Jiddefendi d-drittijiet tal-ħaddiema fil-Bangladexx li jiffurmaw, jirreġistraw u jissieħbu ma' trejdjunjins indipendenti mingħajr biża' li jingħataw fastidju; iqis li l-eżistenza ta' strutturi trejdjunjonistiċi demokratiċi hija strument indispensabbli fil-ġlieda għal standards tas-saħħa u tas-sikurezza u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, inkluż pagi aktar għoljin; jitlob lill-gvern tal-Bangladexx jiggarantixxi dawn id-drittijiet fundamentali;
6. Jappoġġja l-istedina tal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejdjunjins li l-impriżi multinazzjonali kollha li joperaw fl-Ewropa għandhom jimpenjaw ruħhom li jirrispettaw id-dikjarazzjoni tal-ILO dwar prinċipji tripartitiċi li jirrigwardaw l-impriżi multinazzjonali u l-politika soċjali;
7. Jappoġġja l-istedina tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ħaddiema tal-Ħwejjeġ u l-Ġilda għal projbizzjoni globali tas-sandblasting tal-ħwejjeġ matul il-katina kollha ta' provvista; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta biex timplimenta projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta' prodotti tat-tessuti u tal-ilbies li jiġu manifatturati bl-użu tal-prattika tas-sandblasting, li tpoġġi fil-periklu s-saħħa tal-ħaddiema u timmina d-dritt tagħhom għal ambjent tax-xogħol sikur;
8. Jinnota l-Ftehim dwar is-Sikurezza tal-Bini u Kontra n-Nar tal-Bangladexx bejn it-trejdjunjins, l-NGOs u madwar 1 000 bejjiegħ multinazzjonali tat-tessuti, li ġie ffinalizzat fil-15 ta' Mejju 2013 u li għandu l-għan li jtejjeb l-istandards tas-sikurezza fil-postijiet tal-produzzjoni (u jkopri l-arranġamenti għall-ħlas għal dawn il-miżuri), b'mod partikolari billi titwaqqaf sistema indipendenti ta' spezzjoni, inklużi rapporti pubbliċi u tiswijiet u rinnovamenti obbligatorji, u billi jiġi appoġġjat b'mod attiv il-ħolqien ta' kumitati tas-saħħa u s-sikurezza bl-involviment tar-rappreżentanti tal-ħaddiema f'kull fabbrika; jistieden lid-ditti tat-tessuti kollha rilevanti jappoġġjaw dan l-isforz, inklużi l-bejjiegħa tat-tessuti Walmart u Gap li għadhom qed jirrifjutaw kwalunkwe ftehim vinkolanti;
9. Jinnota l-pjan ta' azzjoni deċiż bejn il-gvern, l-impjegaturi, il-ħaddiema u l-ILO fl-4 ta' Mejju 2013, li fih il-partijiet jimpenjaw ruħhom, b'mod partikolari, li jirriformaw il-liġijiet tax-xogħol, u b'hekk jippermettu lill-ħaddiema jiffurmaw trejdjunjins u jinnegozjaw b'mod kollettiv, li sa tmiem l-2013 jivvalutaw is-sikurezza tal-fabbriki tal-ħwejjeġ lesti fil-Bangladexx li huma orjentati lejn l-esportazzjoni, li jċaqalqu fabbriki perikolużi u jimpjegaw mijiet ta' spetturi oħra;
10. Jittama li l-pjan ta' azzjoni jkun implimentat bis-sħiħ;
11. Jinnota d-deċiżjoni tal-Gvern tal-Bangladexx li fil-ġimgħat li ġejjin jgħolli l-paga minima; jirrimarka li dan se jaffettwa madwar erba' miljun ħaddiem, l-aktar nisa, u jħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladexx joħroġ sanzjonijiet kontra kumpaniji li jagħtu pagi inqas minn din; jistenna li l-assoċjazzjonijiet tal-impjegaturi jonoraw l-impenn tagħhom li jsibu impjieg alternattiv għal dawk li tilfu xogħolhom minħabba l-inċidenti, kif ukoll għall-ħaddiema riabilitati, u jitlob lill-gvern, barra minn hekk, jgħaddi liġi sabiex jipproteġi lill-membri tat-trejdjunjins milli jitkeċċew mill-impjegaturi tagħhom;
12. Jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta għal projbizzjoni qawwija fuq il-prodotti tat-tessuti u tal-ilbies manifatturati u prodotti f'pajjiżi bħall-Bangladexx li ma jikkonformawx mal-Konvenzjonijiet bażiċi tal-ILO dwar l-istandards tas-saħħa u tas-sikurezza, il-libertà tal-assoċjazzjoni u n-negozjar kollettiv;
13. Jinnota l-passi li ttieħdu mill-Gvern tal-Bangladexx biex jappoġġja lill-vittmi u lill-familji tagħhom u jressaq quddiem il-ġustizzja lil dawk responsabbli għall-għadd kbir ta' persuni maqtula u midruba; jistieden lill-awtoritajiet jobbligaw lid-diriġenti jippubblikaw l-ismijiet tal-ħaddiema kollha li ġew milquta mid-diżastri u jiggarantixxu aċċess sħiħ għas-sistema ġudizzjarja għall-vittmi kollha, sabiex jippermettulhom jitolbu kumpens;
14. Jikkundanna n-nuqqas ta' rispett mill-impriżi Ewropej tad-drittijiet tal-ħaddiema u l-istandards tas-sikurezza, minkejja li adottaw "il-kodiċijiet ta' kondotta tajba"; iħeġġeġ lill-awtoritajiet rilevanti tal-UE u tal-Istati Membri jirreferu għall-inkjesti eżistenti u jwettqu, f'kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, inkjesta imparzjali dwar dawn il-prattiki sabiex jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li dawn l-impriżi ma jkunux ħatja ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi barra mill-UE;
15. Jistieden lill-impriżi kollha, b'mod partikolari d-ditti tal-ħwejjeġ, li jikkuntrattaw jew jissottokuntrattaw xogħol lil fabbriki fil-Bangladexx u pajjiżi oħra biex jikkonformaw bis-sħiħ mal-prattiki ta' CSR rikonoxxuti internazzjonalment u jiċċekkjaw bir-reqqa l-katini ta' provvista tagħhom sabiex jiżguraw li l-prodotti tagħhom huma manifatturati esklużivament f'fabbriki li jikkonformaw bis-sħiħ mal-istandards tas-sikurezza u jirrispettaw id-drittijiet tal-ħaddiema;
16. Jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx jinforza l-konformità mill-manifatturi kollha mal-Att dwar ix-Xogħol (2006);
17. Jappella li jsiru negozjati dwar paga minima internazzjonali għall-industrija tal-ħwejjeġ madwar id-dinja; jappoġġja bis-sħiħ il-proposti tar-rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Paċi Muhammad Yunus li jiżdied bi ftit il-prezz tal-produzzjoni sabiex tinħoloq trust ta' protezzjoni għall-ħaddiema tas-settur tal-ħwejjeġ;
18. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jinkludu klawżola vinkolanti dwar is-CSR fil-ftehimiet bilaterali kollha dwar il-kummerċ u l-investiment iffirmati mill-UE, abbażi ta' prinċipji tas-CSR kif definiti fil-livell internazzjonali, inkluż l-aġġornament tal-2010 tal-Linji Gwida tal-OECD, standards definiti min-NU (b'mod partikolari l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozji u d-Drittijiet tal-Bniedem), l-ILO u l-UE; jissuġġerixxi li din il-klawżola għandha tarmonizza l-istandards u l-kunċetti eżistenti sabiex tiżgura l-komparabilità u s-sens ta' ġustizzja u li għandu jkun fiha miżuri ta' monitoraġġ biex jiġi żgurat li dawn il-prinċipji jkunu implimentati b'mod effikaċi fil-livell tal-UE;
19. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jintroduċu leġiżlazzjoni li tobbliga lill-kumpaniji li jixtiequ joperaw fis-suq Ewropew taħt id-dritt tal-UE jipprovdu informazzjoni dwar il-katina ta' provvista sħiħa tal-prodotti tagħhom, bi qbil mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozji u d-Drittijiet tal-Bniedem;
20. Jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tgħin lill-Bangladexx itejjeb is-sikurezza u s-saħħa okkupazzjonali u r-responsabilità soċjali korporattiva;
21. Jitlob li, fil-ftehimiet kummerċjali futuri tal-UE ma' pajjiżi terzi, is-sikurezza u s-saħħa okkupazzjonali jieħdu post aktar prominenti bħala parti mill-aġenda għal xogħol diċenti u li l-UE tipprovdi appoġġ tekniku għall-implimentazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet;
22. Jitlob li tiġi stabbilita sistema ta' kooperazzjoni legali transnazzjonali bejn l-UE u l-pajjiżi terzi firmatarji ta' ftehimiet kummerċjali bilaterali sabiex jiġi żgurat aċċess effikaċi għall-ġustizzja fil-pajjiż fejn ikun twettaq il-ksur għall-vittmi ta' ksur ta' liġijiet soċjali jew ambjentali, jew ta' nuqqas ta' osservanza ta' impenji fil-qasam tas-CSR jew ta' prattiki ta' kummerċ ġust min-naħa ta' impriżi multinazzjonali jew is-sussidjarji immedjati tagħhom, kif ukoll bħala appoġġ għall-istabbiliment ta' proċeduri ġudizzjarji internazzjonali sabiex ikun żgurat, fejn xieraq, għoti ta' kastig fil-każ ta' ksur tal-liġi min-naħa ta' kumpaniji;
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-VP/RGħ, u lill-Gvern u l-Parlament tal-Bangladexx.