Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0319/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0319/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-għargħar fil-pajjiżi tal-Ewropa ċentrali, fl-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Polonja u s-Slovakkja

26.6.2013 - (2013/2683(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
imressqa skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Oldřich Vlasák, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki, Lajos Bokros, Paweł Robert Kowal f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0319/2013

Proċedura : 2013/2683(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0319/2013
Testi mressqa :
B7-0319/2013
Testi adottati :

B7‑0319/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-għargħar fil-pajjiżi tal-Ewropa ċentrali, fl-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Polonja u s-Slovakkja

(2013/2683(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 191 u 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (COM(2005)0108) u l-pożizzjoni tal-Parlament dwarha tat-18 ta' Mejju 2006[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta’ Settembru 2002 dwar l-għargħar fl-Ewropa[2], tat-8 ta’ Settembru 2005 dwar id-diżastri naturali (in-nirien u l-għargħar) fl-Ewropa[3], tat-18 ta' Mejju 2006 dwar id-diżastri naturali (in-nirien tal-foresti, in-nixfa u l-għargħar) – l-aspetti agrikoli, l-aspetti tal-iżvilupp reġjonali u l-aspetti ambjentali[4], u tas-7 ta’ Settembru 2006 dwar in-nirien tal-foresti u l-għargħar[5], kif ukoll tas-16 ta’ Ġunju 2010 dwar l-għargħar fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali, b’mod partikolari fil-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja u l-Ungerija[6],

–   wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni bit-titolu “L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni” (COM(2009)0147)u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Approċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem (COM(2009)0082),

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bl-isem “Reġjuni 2020 – valutazzjoni ta' sfidi tal-ġejjieni għar-reġjuni tal-UE” (SEC(2008)2868),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi seħħ diżastru naturali kbir fl-għamla ta’ għargħar f’diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea bħall-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Polonja u s-Slovakkja;

B.  billi għexieren ta’ eluf ta’ persuni sfaw vittmi ta’ xmajjar li faru, u eluf kienu furzati jitilqu mid-djar u l-proprjetà tagħhom;

C. billi l-għargħar ikkawża ħsara serja lill-bliet, l-irħula u l-muniċipalitajiet, lill-infrastruttura, lin-negozji, lill-agrikoltura u ż-żoni rurali (pereżempju, fir-Repubblika Ċeka biss, madwar 700 muniċipalità sfaw mgħarrqa u fil-Polonja aktar minn 100 000 razzett u 600 000 ettaru ta’ art agrikola sfaw mgħarrqa);

D. billi minħabba l-għargħar u t-tempesti, xi bliet kapitali Ewropej, bħal Praga u Varsavja, kif ukoll bliet u rħula oħrajn kienu affettwati serjament u paralizzati mill-ilma tal-għargħar li wassal sabiex persuni nqabdu f'darhom jew fil-karozzi tagħhom, u sabiex ġew sospiżi s-servizzi tat-trasport pubbliku;

E.  billi jeħtieġ li ssir rikostruzzjoni sostenibbli taż-żoni meqruda jew li ġarrbu ħsara mid-diżastri biex tpatti għat-telf ekonomiku u soċjali tagħhom,

1.  Jesprimi l-empatija u s-solidarjetà tiegħu mar-residenti tal-pajjiżi, ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet tal-Ewropa Ċentrali milquta mid-diżastru; jieħu nota dovuta tal-effetti ekonomiċi serji possibbil;

2.  Japprezza l-isforzi kontinwi li saru mill-unitajiet tas-sikurezza u d-difiża, u mit-timijiet ta’ salvataġġ biex isalvaw il-ħajjiet tal-persuni u jnaqqsu kemm jista’ jkun il-ħsara fiż-żoni affettwati;

3.  Ifaħħar l-azzjonijiet tal-Istati Membri u tar-reġjuni li pprovdew assistenza liż-żoni milquta, peress l-assistenza reċiproka f’sitwazzjonijiet avversi tagħti eżempju ta’ solidarjetà Ewropea;

4.  Jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li l-azzjonijiet meħuda fil-qafas tal-politika ta’ emerġenza u tal-prevenzjoni tad-diżastri matul dawn l-aħħar snin għenu sabiex jittaffa l-impatt tal-għargħar; jirrikonoxxi li l-Mekkaniżmu ta' Protezzjoni Ċivili tal-Unjoni Ewropea qed jgħin lill-Istati Membri jikkooperaw u jnaqqsu kemm jista' jkun l-effetti tal-forza eċċezzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jissemplifikaw ir-regoli u l-proċeduri għall-attivazzjoni tal-Mekkaniżmu;

5.  Jitlob żieda fil-kapaċità tal-kontroll tal-għargħar u l-infrastruttura tad-dranaġġ sabiex tiġi limitata l-ħsara kkawżata mill-impatt ta’ kundizzjonijiet tat-temp estremi, l-aktar fir-reġjuni mal-fruntieri fejn hemm potenzjal kbir għall-implimentazzjoni ta' reazzjoni ta' emerġenza konġunta mtejba sabiex tippermetti l-koordinament bejn dawn ir-reġjuni;

6.  Jenfasizza li l-programmi għall-prevenzjoni tal-għargħar jeħtieġ li jiġu implimentati mill-gvernijiet nazzjonali tal-Istati Membri permezz ta’ strateġiji komprensivi u preventivi; jenfasizza li l-politika ta’ emerġenza, inkluża l-prevenzjoni tal-emerġenzi u r-reazzjoni għall-emerġenzi, teħtieġ involviment aktar mill-qrib ta’ reġjuni, bliet u komunitajiet lokali, li għandhom jiġu inkoraġġiti jinkludi l-politika ta' emerġenza fl-istrateġiji tagħhom;

7.  Jenfasizza li l-investiment fil-prevenzjoni tal-għargħar taħt il-programmi operattivi nazzjonali rilevanti jeħtieġ riżorsi finanzjarji adegwati, peress li huwa għodda importanti sabiex il-gvernijiet tal-Istati Membri jkunu jistgħu jiżviluppaw l-infrastruttura għall-prevenzjoni tal-għargħar biex iħarsu l-persuni, il-wirt naturali u kulturali mill-għargħar;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni biex malli tirċievi l-applikazzjonijiet neċessarji kollha mingħand l-Istati Membri, tagħmel l-isforzi kollha meħtieġa biex tipprovdi livell għoli kemm jista’ jkun ta’ finanzjament u malajr mill-EUSF;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tabbozza regolament ġdid u semplifikat dwar l-EUSF li jkun jippermetti lill-pajjiżi milquta biex il-fondi tagħhom għall-operazzjonijiet ta’ emerġenza jinħarġu ftit wara diżastru;

10. Jesprimi l-fehma li l-konsegwenzi tad-diżastri għandhom impatt negattiv fuq l-użu tal-fondi tal-UE; jitlob għal livell massimu ta’ flessibilità fir-rigward tal-ipprogrammar mill-ġdid fl-Istati Membri b’appoġġ għar-rikostruzzjoni taż-żoni milquta u l-għażla tal-aktar proġetti adegwati; jitlob biex ir-regoli dwar id-diżimpenn fiż-żoni milquta jsiru inqas stretti;

11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali fiż-żoni milquta.