Proċedura : 2013/2996(RSO)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0001/2014

Testi mressqa :

B7-0001/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

OJ 15/01/2014 - 184

Testi adottati :

P7_TA(2014)0018

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI
PDF 201kWORD 118k
6.1.2014
PE525.645v01-00
 
B7-0001/2014

imressqa skont l-Artikolu 183 tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-setgħat u r-responsabbiltajiet tal-kumitati permanenti (2013/2996(RSO))


Konferenza tal-Presidenti

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-setgħat u r-responsabbiltajiet tal-kumitati permanenti (2013/2996(RSO))  
B7‑0001/2014

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Konferenza tal-Presidenti,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 183 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Jiddeċiedi li jissostitwixxi l-Anness VII tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu bit-test li ġej:

'Anness VII – Setgħat u responsabbiltajiet tal-kumitati permanenti

I.     Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Kumitat responsabbli għall-promozzjoni, l-implimentazzjoni u l-kontroll tal-politika barranija tal-Unjoni fir-rigward ta':

1.  il-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK) u l-politika Ewropea ta' sigurtà u ta' difiża (PESD). F'dan il-kuntest il-kumitat ikun assistit minn sottokumitat għas-sigurtà u d-difiża;

2.  ir-relazzjonijiet ma' istituzzjonijiet u entitajiet oħra tal-UE, man-Nazzjonijiet Uniti u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra u ma' assemblei interparlamentari għal kwistjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu;

3.  is-superviżjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna fil-limiti tal-responsabbiltajiet tal-kumitat;

4.  it-tisħiħ tar-relazzjonijiet politiċi ma' pajjiżi terzi, b'mod partikolari pajjiżi li jinsabu fil-qrib ħafna tal-Unjoni, permezz ta' programmi importanti ta' kooperazzjoni u assistenza jew permezz ta' ftehimiet internazzjonali bħal ftehimiet ta' assoċjazzjoni jew sħubija;

5.  il-ftuħ, il-kontroll u l-konklużjoni ta' negozjati dwar l-adeżjoni ta' Stati Ewropej mal-Unjoni;

6.  il-kontroll u s-segwitu ta', inter alia, il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), b'mod partikolari fir-rigward tar-Rapporti ta' Progress Annwali tal-PEV;

7.  kwistjonijiet li jirrigwardaw id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' minoranzi, f'pajjiżi terzi u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali. F'dan il-kuntest il-kumitat ikun assistit minn sottokumitat għad-drittijiet tal-bniedem, li għandu jiżgura koerenza bejn il-politiki esterni kollha tal-Unjoni u l-politika tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem. Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli, membri ta' kumitati u entitajiet oħra li għandhom kompetenzi f'dan il-qasam għandhom jiġu mistiedna sabiex jattendu l-laqgħat tas-sottokumitat.

8.  l-involviment tal-Parlament fil-missjonijiet ta' osservazzjoni ta' elezzjonijiet, fejn hu xieraq b'kooperazzjoni mal-kumitati u d-delegazzjonijiet l-oħra rilevanti;

Il-kumitat jipprovdi superviżjoni politika u jikkoordina x-xogħol tal-kumitati parlamentari konġunti u tal-kumitati parlamentari ta' kooperazzjoni kif ukoll ix-xogħol tad-delegazzjonijiet interparlamentari u tad-delegazzjonijiet ad hoc li jaqgħu fi ħdan il-kompetenzi tiegħu.

II.   Kumitat għall-Iżvilupp

Kumitat responsabbli:

1.  għall-promozzjoni, l-implimentazzjoni u l-kontroll tal-politika tal-iżvilupp u l-kooperazzjoni tal-Unjoni, b'mod partikolari:

(a) id-djalogu politiku mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kemm fuq livell bilaterali kif ukoll fil-qafas ta' organizzazzjonijiet internazzjonali u fora interparlamentari rilevanti,

(b) l-għajnuna għal u l-ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw, partikolarment superviżjoni ta' ffinanzjar effettiv ta' għajnuna u valutazzjoni tal-prestazzjoni, inkluż fir-rigward tal-qerda tal-faqar,

(c) monitoraġġ tar-relazzjoni bejn il-politiki tal-Istati Membri u dawk implimentati fil-livell tal-Unjoni,

(d) il-promozzjoni tal-valuri demokratiċi, it-tmexxija t-tajba u d-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

(e) l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-progress fil-koerenza politika fir-rigward tal-politika għall-iżvilupp;

2.  għal-leġiżlazzjoni, l-ipprogrammar u l-iskrutinju kollha tal-azzjonijiet imwettqa fil-qafas tal-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) u l-Istrument ta' Għajnuna Umanitarja, kif ukoll il-kwistjonijiet kollha relatati ma' għajnuna umanitarja fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-politika fil-bażi tagħhom;

3.  għall-kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE u għar-relazzjonijiet mal-entitajiet rilevanti;

4.  għall-involviment tal-Parlament fil-missjonijiet ta' osservazzjoni ta' elezzjonijiet, fejn hu xieraq b'kooperazzjoni mal-kumitati u d-delegazzjonijiet l-oħra rilevanti.

Il-kumitat jikkoordina x-xogħol tad-delegazzjonijiet interparlamentari u tad-delegazzjonijiet ad hoc li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

III.  Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

Kumitat responsabbli għall-kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mat-twaqqif, l-implimentazzjoni u l-kontroll tal-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni u r-relazzjonijiet ekonomiċi esterni tagħha, b'mod partikolari:

 

1.  ir-relazzjonijiet finanzjarji, ekonomiċi u kummerċjali ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet reġjonali;

2.  it-tariffa esterna komuni u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ, kif ukoll l-aspetti esterni tad-dispożizzjonijiet dwar id-dwana u l-ġestjoni tagħha;

3.  il-ftuħ, il-monitoraġġ, il-konklużjoni u s-segwitu ta' ftehimiet kummerċjali bilaterali, multilaterali u plurilaterali li jirregolaw ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet reġjonali;

4.  il-miżuri ta' armonizzazzjoni teknika jew ta' standardizzazzjoni teknika f'oqsma koperti minn strumenti ta' dritt internazzjonali;

5.  ir-relazzjonijiet ma' organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti u ma' fora internazzjonali dwar kwistjonijiet relalati mal-kummerċ, u ma' organizzazzjonijiet li jippromwovu integrazzjoni ekonomika u kummerċjali fuq livell reġjonali barra mill-Unjoni;

6.  ir-relazzjonijiet mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), inkluża d-dimensjoni parlamentari tagħha.

Il-kumitat jikkomunika mad-delegazzjonijiet interparlamentari u ad hoc rilevanti dwar l-aspetti ekonomiċi u kummerċjali tar-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi.

IV.  Kumitat għall-Baġits

Kumitat responsabbli:

1.  għall-qafas finanzjarju pluriennali tad-dħul u l-infiq tal-Unjoni u għas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni;

2.  għall-prerogattivi baġitarji tal-Parlament, b'mod partikolari l-baġit tal-Unjoni u n-negozjar u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet interistituzzjonali f'dan il-qasam;

3.  għall-estimi tal-Parlament skont il-proċedura stabbilita fir-Regoli;

4.  għall-baġit ta' entitajiet deċentralizzati;

5.  għall-attivitajiet finanzjarji tal-Bank Ewropew għall-Investiment;

6.  biex jiddaħħal fil-baġit il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-kumitat responsabbli għall-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE;

7.  għall-implikazzjonijiet finanzjarji tal-atti kollha tal-Unjoni u għall-kompatibbiltà tagħhom mal-Qafas Finanzjarju pluriennali, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-kumitati rilevanti;

8.  għall-issorveljar u l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-baġit kurrenti minkejja l-Artikolu 78(1), trasferimenti ta' approprjazzjonijiet, proċeduri li għandhom x'jaqsmu mal-organigrammi, approprjazzjonijiet amministrattivi u opinjonijiet dwar proġetti relatati mal-bini li għandhom implikazzjonijiet finanzjarji qawwija;

9.  għar-Regolament Finanzjarju, bl-esklużjoni ta' kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-implimentazzjoni, l-amministrazzjoni u l-kontroll tal-baġit.

V.    Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Kumitat responsabbli:

1.  għall-kontroll tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni u tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, u għad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Parlament dwar il-kwittanza, inkluża l-proċedura għall-kwittanza interna, u għall-miżuri l-oħra li jakkumpanjaw jew li jimplimentaw dawn id-deċiżjonijiet;

2.  għall-għeluq, il-preżentazzjoni u l-verifika tal-kontijiet finanzjarji u tal-karti tal-bilanċ tal-Unjoni, tal-istituzzjonijiet tagħha u tal-entitajiet iffinanzjati minnha, inkluża d-deċiżjoni dwar liema approprjazzjonijiet għandhom jingħaddu ma' tas-sena ta' wara u s-saldu tal-bilanċi;

3.  għall-kontroll tal-attivitajiet finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment;

4.  għall-monitoraġġ tal-effettività fl-infiq tat-tipi differenti ta' finanzjament tal-Unjoni fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni, bl-involviment tal-kumitati speċjalizzati u b'azzjoni b'kooperazzjoni mal-kumitati speċjalizzati fl-eżami tar-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri;

5.  għar-relazzjonijiet mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), għall-indagar dwar frodi u irregolaritajiet fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, għall-miżuri li għandhom bħala skop il-prevenzjoni u l-prosekuzzjoni ta' dawn il-każijiet, għall-protezzjoni riġida tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u l-azzjonijiet rilevanti mill-Prosekutur Pubbliku Ewropew f'dan il-qasam;

6.  għar-relazzjonijiet mal-Qorti tal-Awdituri, għall-ħatra tal-membri tagħha u għall-konsiderazzjoni tar-rapporti tagħha;

7.  għar-Regolament Finanzjarju għal dak li għandu x'jaqsam mal-implimentazzjoni, l-amministrazzjoni u l-kontroll tal-baġit.

VI.  Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Kumitat responsabbli:

1.  għall-politiki ekonomiċi u monetarji tal-Unjoni, għall-operat tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u għas-sistema monetarja u finanzjarja Ewropea (inklużi r-relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet jew l-organizzazzjonijiet rilevanti);

2.  għall-moviment ħieles tal-kapital u tal-pagamenti (pagamenti transfruntiera, żona unika ta' pagament, bilanċ ta' pagamenti, moviment ta' kapital u politika ta' self u tislif, kontroll tal-moviment ta' kapital li ġej minn pajjiżi terzi, miżuri li għandhom l-iskop li jinkoraġġixxu l-esportazzjoni tal-kapital tal-Unjoni);

3.  għas-sistema monetarja u finanzjarja internazzjonali (inklużi r-relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet finanzjarji u monetarji);

4.  għar-regoli dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna Statali jew pubblika;

5.  għad-dispożizzjonijiet fiskali;

6.  għar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni ta' servizzi, istituzzjonijiet u swieq finanzjarji, inkluż ir-rappurtar finanzjarju, l-awditjar, ir-regoli dwar il-kontabbiltà, il-governanza korporattiva u kwistjonijiet oħra marbuta mad-dritt dwar il-kumpaniji u li jikkonċernaw speċifikament is-servizzi finanzjarji.

VII. Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

Kumitat responsabbli:

1.  għall-politika tal-impjiegi u l-aspetti kollha tal-politika soċjali, bħalma huma l-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali;

2.  għall-miżuri ta' saħħa u sikurezza fuq il-post tax-xogħol;

3.  għall-Fond Soċjali Ewropew;

4.  għall-politika tat-taħriġ vokazzjonali, inklużi l-kwalifiki professjonali;

5.  għall-moviment ħieles tal-ħaddiema u tal-pensjonanti;

6.  għad-djalogu soċjali;

7.  għall-forom kollha ta' diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol u fis-suq tax-xogħol ħlief għad-diskriminazzjoni sesswali;

8.  għar-relazzjonijiet:

–   maċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop),

–   mal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonjiet tal-Ħajja u tax-Xogħol,

–   mal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ,

–   mal-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol;

kif ukoll għar-relazzjonijiet ma' entitajiet tal-Unjoni u l-organizzazzjonijiet internazzjonali l-oħra rilevanti.

VIII. Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Kumitat responsabbli:

1.  għall-politika ambjentali u għall-miżuri ta' protezzjoni tal-ambjent, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw:

(a) it-tibdil fil-klima,

(b) it-tniġġis tal-arja, tal-ħamrija u tal-ilma, l-immaniġġjar u r-riċiklaġġ tal-iskart, is-sustanzi u l-taħlitiet perikolużi, il-livelli tal-istorbju u l-protezzjoni tal-bijodiversità,

(c) l-iżvilupp sostenibbli,

(d) il-miżuri u l-ftehimiet internazzjonali u reġjonali għall-protezzjoni tal-ambjent,

(e) it-tiswija ta' ħsara ambjentali,

(f)  il-protezzjoni ċivili,

(g) l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent,

(h) l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi;

2.  għas-saħħa pubblika, b'mod partikolari:

(a) il-programmi u l-miżuri speċifiċi fil-qasam tas-saħħa pubblika,

(b) il-prodotti farmaċewtiċi u kożmetiċi,

(c) l-aspetti tas-saħħa tal-bijoterroriżmu,

(d) l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard;

3.  għall-kwistjonijiet ta' sikurezza tal-ikel, b'mod partikolari:

(a) it-tikkettar u s-sikurezza tal-prodotti tal-ikel,

(b) il-leġiżlazzjoni veterinarja dwar il-protezzjoni mir-riskji għas-saħħa tal-bniedem; il-kontrolli ta' saħħa pubblika fuq il-prodotti tal-ikel u fuq is-sistemi tal-produzzjoni tal-ikel,

(c)  l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u l-Uffiċju Ewropew għall-Ikel u s-Servizzi Veterinarji.

IX.  Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

Kumitat responsabbli:

1.  għall-politika industrijali tal-Unjoni u miżuri relatati, u għall-applikazzjoni ta' teknoloġiji ġodda, inklużi l-miżuri li għandhom x'jaqsmu mal-intrapriżi żgħar u medji;

2.  għall-politika tal-Unjoni dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż ix-xjenza u t-teknoloġija kif ukoll it-tixrid u l-esplojtazzjoni tar-riżultati tar-riċerka;

3.  għall-politika spazjali Ewropea;

4.  għall-attivitajiet taċ-Ċentru tar-Riċerka Konġunta, iċ-Ċentru għar-Riċerka Ewropea, l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija u l-Istitut tal-Materjali u l-Kejl ta' Referenza, kif ukoll il-JET, l-ITER u proġetti oħra fl-istess qasam;

5.  għall-miżuri tal-Unjoni fil-qasam tal-politika tal-enerġija b'mod ġenerali u fil-kuntest tal-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija, inklużi miżuri relatati ma':

(a) is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Unjoni,

(b) il-promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar tal-enerġija u l-iżvilupp ta’ forom ta’ enerġija ġodda u li jiġġeddu,

(c) il-promozzjoni tal-interkonnessjoni ta' netwerks tal-enerġija u l-effiċjenza tal-enerġija, inkluż it-twaqqif u l-iżvilupp ta' networks trans-Ewropej fis-settur tal-infrastruttura tal-enerġija;

6.   għat-Trattat Euratom u l-Aġenzija għall-Provvista tal-Euratom; għas-sigurtà nukleari, għall-għeluq tal-istabbilimenti nukleari u għat-tneħħija tal-iskart fis-settur nukleari;

7.   għas-soċjetà tal-informazzjoni, it-teknoloġija tal-informazzjoni u n-netwerks u s-servizzi ta' komunikazzjoni, inkluż it-teknoloġiji u l-aspetti ta' sigurtà u t-twaqqif u l-iżvilupp ta' networks trans-Ewropej fis-settur tal-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni, kif ukoll l-attivitajiet tal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (ENISA).

X. Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

Kumitat responsabbli:

1.  għall-koordinazzjoni fuq livell tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tas-suq intern u għall-unjoni doganali, b'mod partikolari:

(a) il-moviment ħieles tal-merkanzija, inkluża l-armonizzazzjoni tal-istandards tekniċi,

(b) id-dritt ta' stabbiliment,

(c) il-libertà tal-għoti ta' servizzi, ħlief fis-settur finanzjarju u fis-settur postali;

2.  għall-funzjonament tas-suq intern, inkluż miżuri li għandhom bħala skop l-identifikazzjoni u t-tneħħija ta' affarijiet li jistgħu jkunu ta' xkiel għall-implimentazzjoni tas-Suq Uniku, inkluż is-Suq Uniku Diġitali;

3.  għall-promozzjoni u l-ħarsien tal-interessi ekonomiċi tal-konsumatur, ħlief għall-kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mas-saħħa u s-sigurtà tal-ikel;

4.  għall-politika u l-leġiżlazzjoni rigward l-infurzar tas-Suq Uniku u d-drittijiet tal-konsumatur.

XI.  Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

Kumitat responsabbli:

1.  għall-kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-iżvilupp ta' politika komuni għat-trasport ferrovjarju, fuq it-toroq, f'passaġġi tal-ilma interni, bil-baħar u bl-ajru, b'mod partikolari:

(a) għar-regoli komuni applikabbli għat-trasport fl-Unjoni Ewropea,

(b) għat-twaqqif u l-iżvilupp ta' networks trans-Ewropej fil-qasam tal-infrastruttura tat-trasport,

(c) għall-għoti ta' servizzi ta' trasport u għar-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi fil-qasam tat-trasport,

(d) għas-sikurezza tat-trasport,

(e) għar-relazzjonijiet ma' entitajiet u organizzazzjonijiet internazzjonali tat-trasport;

(f) għall-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea, l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni u l-Impriża Konġunta SESAR;

2.  għas-servizzi postali;

3.  għat-turiżmu.

XII. Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

Kumitat responsabbli:

1.  għall-operat u l-iżvilupp tal-politika tal-Unjoni dwar l-iżvilupp u l-koeżjoni reġjonali, kif stabbilit fit-Trattati;

2.  għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta' Koeżjoni u l-istrumenti l-oħra tal-politika reġjonali tal-Unjoni,

3.  għall-valutazzjoni tal-effett ta' politiki oħra tal-Unjoni fuq il-koeżjoni ekonomika u soċjali,

4.  għall-koordinazzjoni tal-istrumenti strutturali tal-Unjoni,

5.  għad-dimensjoni urbana tal-politika ta' koeżjoni;

6.  għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer, kif ukoll il-kooperazzjoni trans-fruntiera u bejn ir-reġjuni,

7.  għar-relazzjonijiet mal-Kumitat għar-Reġjuni, l-organizzazzjonijiet ta' kooperazzjoni bejn ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali u reġjonali.

XIII. Kumitat għall-Agrikultura u l-Iżvilupp Rurali

Kumitat responsabbli:

1.  għall-operat u l-iżvilupp tal-politika agrikola komuni;

2.  għall-iżvilupp rurali, inklużi l-attivitajiet tal-istrumenti finanzjarji rilevanti;

3.  għal-leġiżlazzjoni dwar:

(a) kwistjonijiet veterinarji u li għandhom x'jaqsmu mas-saħħa tal-pjanti u mal-għalf, kemm-il darba dawn il-miżuri ma jkunux intiżi sabiex titħares s-saħħa tal-bniedem,

(b) it-trobbija u l-benesseri tal-annimali;

4.  għat-titjib fil-kwalità tal-prodotti agrikoli;

5.  għall-provvista ta' materja prima għall-agrikoltura;

6.  għall-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti;

7.  għall-foresti u s-sistema agroforestali.

XIV. Kumitat għas-Sajd

Kumitat responsabbli:

1.  għall-operat u l-iżvilupp tal-politika komuni tas-sajd u għall-amministrazzjoni tagħha;

2.  għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd, il-ġestjoni ta' impriżi tas-sajd u flotot li jisfruttaw tali riżorsi u r-riċerka dwar studji tal-baħar u studji applikati dwar is-sajd;

3.  għall-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-qasam tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura u l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tiegħu;

4.  għall-politika strutturali fis-setturi tas-sajd u l-akkwakultura, inklużi l-istrumenti finanzjarji u l-fondi għall-għajnuna fis-sajd biex jiġu appoġġjati dawn is-setturi;

5.   għall-politika marittima integrata fir-rigward tal-attivitajiet tas-sajd;

6.  għall-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd sostenibbli, l-organizzazzjonijiet reġjonali tas-sajd u l-implimentazzjoni ta' obbligi internazzjonali fil-qasam tas-sajd.

XV. Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

Kumitat responsabbli:

1.  għall-aspetti kulturali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari:

(a) it-titjib fl-għarfien u fid-disseminazzjoni tal-kultura,

(b) il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika,

(c) il-konservazzjoni u l-ħarsien tal-patrimonju kulturali, l-iskambji kulturali u l-kreazzjoni artistika;

2.  għall-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-edukazzjoni, inkluż il-qasam ta' edukazzjoni ogħla fl-Ewropa, il-promozzjoni tas-sistema ta' skejjel Ewropej u t-tagħlim tul il-ħajja;

3.  għall-politika awdjoviżiva u l-aspetti kulturali u edukattivi tas-soċjetà tal-informazzjoni;

4.  għall-politika dwar iż-żgħażagħ;

5.  għall-iżvilupp ta' politika tal-isport u l-ħin liberu;

6.  għall-politika tal-informazzjoni u tal-midja;

7.  għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi fl-oqsma tal-kultura u l-edukazzjoni u għar-relazzjonijiet mal-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet internazzjonali kkonċernati.

XVI. Kumitat għall-Affarijiet Legali

Kumitat responsabbli:

1.  għall-interpretazzjoni, l-applikazzjoni u l-monitoraġġ tal-Liġi tal-Unjoni, u għall-konformità tal-atti tal-Unjoni mal-leġiżlazzjoni primarja, b'mod partikolari l-għażla tal-bażijiet legali u r-rispett tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità;

2.  għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-liġi internazzjonali, għal dak li jikkonċerna l-Unjoni Ewropea;

3.  għal regolazzjoni aħjar u għas-simplifikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni;

4.  għall-ħarsien legali tad-drittijiet u l-prerogattivi tal-Parlament, inkluża l-parteċipazzjoni tal-Parlament f'kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

5.  għall-atti tal-Unjoni li jaffettwaw l-ordni ġuridiku tal-Istati Membri, b'mod partikolari fl-oqsma:

(a) tal-liġi ċivili u kummerċjali,

(b) tal-liġi dwar il-kumpaniji,

(c) tal-liġi dwar il-proprjetà intellettwali,

(d) tal-liġi proċedurali;

6.  għall-miżuri rigward il-kooperazzjoni ġudizzjarja u amministrattiva f'oqsma ċivili;

7.  għar-responsabbiltà ambjentali u għas-sanzjonijiet applikabbli għal delitti kontra l-ambjent;

8.  għall-kwistjonijiet etiċi li għandhom x'jaqsmu ma' teknoloġiji ġodda, bl-applikazzjoni tal-proċedura b'kumitati assoċjati mal-kumitati rilevanti;

9.  għall-Istatut tal-Membri u għar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea;

10. għall-privileġġi u l-immunitajiet, kif ukoll għall-verifika tal-kredenzjali tal-Membri;

11. għall-organizzazzjoni u l-istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

12. għall-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern.

XVII. Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

Kumitat responsabbli:

1.  għall-protezzjoni fit-territorju tal-Unjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini, tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali, inkluża l-protezzjoni tal-minoranzi, kif stipulat fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

2.  għall-miżuri meħtieġa fil-ġlieda kontra kull tip ta' diskriminazzjoni, ħlief id-diskrimazzjoni sesswali jew id-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol u fis-suq tax-xogħol;

3.  għal-leġiżlazzjoni fl-oqsma tat-trasparenza u tal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi f'dak li għandu x'jaqsam mal-ipproċessar ta' informazzjoni personali;

4.  għat-twaqqif u l-iżvilupp ta' żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, b'mod partikolari:

(a) miżuri li għandhom x'jaqsmu mad-dħul u l-moviment tal-persuni, mal-ażil u l-migrazzjoni,

(b) miżuri li għandhom x'jaqsmu mal-ġestjoni integrata tal-fruntieri komuni,

(c) miżuri li għandhom x'jaqsmu mal-kooperazzjoni tal-pulizija u mal-kooperazzjoni ġudizjarja fil-qasam kriminali, inkluż it-terroriżmu, u miżuri sostantivi u proċedurali relatati mal-iżvilupp ta' approċċ aktar koerenti tal-Unjoni fil-konfront tal-liġi kriminali;

5.  għaċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, l-Europol, l-Eurojust, is-Cepol, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u entitajiet u aġenziji oħra li joperaw fl-istess qasam;

6.  għad-determinazzjoni ta' riskju evidenti ta' ksur gravi, min-naħa ta' Stat Membru, tal-prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri.

XVIII. Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

Kumitat responsabbli:

1.  għall-aspetti istituzzjonali tal-proċess ta' intergrazzjoni Ewropea, b'mod partikolari fil-qafas tal-preparazzjoni u tal-ħidma tal-konvenzjonijiet u l-konferenzi intergovernattivi;

2.  għall-implimentazzjoni tat-Trattati u għall-evalwazzjoni tal-operat tagħhom;

3.  għall-konsegwenzi istituzzjonali tan-negozjati tat-tkabbir tal-Unjoni jew ta' ħruġ barra mill-Unjoni;

4.  għar-relazzjonijiet interistituzzjonali, inkluż l-eżami tal-ftehimiet interistituzzjonali skont l-Artikolu 127(2) tar-Regoli ta' Proċedura, minħabba li jridu jiġu approvati mill-Parlament;

5.  għal proċedura elettorali uniformi;

6.  għall-partiti politiċi u l-fondazzjonijiet politiċi f'livell Ewropew, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Bureau;

7.  għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta' ksur gravi u persistenti, min-naħa ta' Stat Membru, tal-prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri;

8.  għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tar-Regoli ta' Proċedura u l-proposti għal emendi għar-Regoli.

XIX. Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

Kumitat responsabbli:

1.  għad-definizzjoni, il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tan-nisa fl-Unjoni u għall-miżuri Komunitarji relatati;

2.  għall-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa f'pajjiżi terzi;

3.  għall-politika ta' opportunitajiet indaqs, inkluża l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam mal-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol u t-trattament fuq il-post tax-xogħol;

4.  għall-eliminazzjoni ta' kull tip ta' vjolenza u diskriminazzjoni sesswali;

5.  għall-implimentazzjoni u aktar żvilupp fil-qasam tal-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi fis-setturi kollha;

6.  għas-segwitu u l-implimentazzjoni ta' ftehimiet u konvenzjonijiet internazzjonali li għandhom x'jaqsmu mad-drittijiet tan-nisa;

7.  għall-inkoraġġiment ta' sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tan-nisa.

XX. Kumitat għall-Petizzjonijiet

Kumitat responsabbli:

1.  għall-petizzjonijiet;

2.  għall-organizzazzjoni ta' seduti ta' smigħ pubbliċi dwar inizjattivi taċ-ċittadini skont l-Artikolu 197a;

3.  għar-relazzjonijiet mal-Ombudsman Ewropew.'

 

2.  Jiddeċiedi li din id-deċiżjoni ser tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel sessjoni parzjali tat-tmien leġiżlatura parlamentari;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għal skopijiet ta’ informazzjoni.

 

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Jannar 2014Avviż legali