Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0435/2014/REV1Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0435/2014/REV1

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-pressjoni Russa fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u, b'mod partikolari, id-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina

15.4.2014 - (2014/2699(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi-President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.
skont l-Artikolu 110 tar-Regoli ta' Proċedura

Hannes Swoboda, Ana Gomes, Marek Siwiec, Maria Eleni Koppa, Tonino Picula, Liisa Jaakonsaari, Ioan Mircea Paşcu, Jo Leinen, Richard Howitt, Victor Boştinaru, Marusya Lyubcheva, Pier Antonio Panzeri, Katrin Saks, Emine Bozkurt, Libor Rouček, Boris Zala f'isem il-Grupp S&D

Proċedura : 2014/2699(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0435/2014
Testi mressqa :
B7-0435/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0435/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-pressjoni Russa fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u, b'mod partikolari, id-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina

(2014/2699(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Ukraina tal-14 ta' April 2014,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU A/RES/68/262 tas-27 ta' Marzu 2014 dwar l-integrità territorjali tal-Ukriana,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20-21 ta' Marzu 2014,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit UE-Stati Uniti tas-16 ta' Marzu 2014;

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar l-Ukraina tal-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern tas-6 ta' Marzu 2014,

–       wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Budapest dwar il-Garanziji ta' Sigurtà, iffirmat f'Diċembru 1994 mill-Ukraina, ir-Russja, l-Istati Uniti u r-Renju Unit,

–       wara li kkunsidra l-Att Finali ta' Ħelsinki tal-1975,

–       wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi, fis-16 ta' Marzu 2014, ġie organizzat referendum illegali u illeġittimu fir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u l-belt ta' Sevastopol, li tmexxa taħt il-kontroll tat-truppi Russi; billi, minkejja l-kundanna internazzjonali tar-referendum, l-awtoritajiet Russi u l-leġiżlaturi pproċedew b'mod rapidu bil-proċess ta' annessjoni tal-peniżola Ukraina;

B.     billi, bħala risposta, l-UE ddeċidiet li mal-lista ta' sanzjonijiet tagħha żżid 12-il individwu responsabbli talli kisru l-integrità territorjali tal-Ukraina, tikkanċella s-Summit bejn l-UE u r-Russja ta' Ġunju 2014, u tappoġġa s-sospensjoni tan-negozjati dwar is-sħubija tar-Russja mal-OECD u l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija; billi l-UE, bħala ġest konkret ta' solidarjetà lejn l-Ukraina, iddeċidiet li tipproċedi billi tiffirma d-dispożizzjonijiet politiċi tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, iżżid l-assistenza makrofinanzjarja lill-Ukraina minn EUR 610 miljun għal EUR 1,610 biljun, u tiftaħ, b'mod unilaterali, is-suq tal-UE għall-prodotti bażiċi u merkanzija Ukraini;

C.     billi Moska saħħet il-kontroll tagħha fuq il-Krimea, filwaqt li attakkat għal għarrieda u ħadet taħt idejha l-bażijiet tal-ajru u dawk navali, u keċċiet lill-persunal militari li kien hemm preżenti; billi r-Russja ttrasferiet kontinġenti militari kbar lejn żoni qrib il-fruntiera mal-Lvant tal-Ukraina; billi huwa mifhum li din il-preżenza militari hija maħsuba prinċipalment biex isservi bħala forza koerċittiva fil-qafas tat-taħdidiet dwar il-futur tal-Ukraina u fid-dawl tal-elezzjonijiet presidenzjali tal-25 ta' Mejju 2014; billi l-preżenza militari tar-Russja, l-Istati Uniti u n-NATO tista' tipprovoka eskalazzjoni ulterjuri tas-sitwazzjoni, inkluża dik fir-reġjun kollu tal-Baħar l-Iswed;

D.     billi qed jiżdied it-tħassib rigward il-fatt li xenarju simili għal dak tal-Krimea jista' jirrepeti ruħu f'reġjuni oħra tal-Ukraina; billi s-separatisti favur ir-Russja attakkaw għal għarrieda l-binjiet amministrattivi lokali f'Kharkiv, Luhansk u Donetsk; billi dan il-grupp distint, taħt it-tmexxija ta' grupp jismu "is-Settur Russu", okkupa l-binja lokali tal-gvern f'Donetsk, ipproklama l-ħolqien ta' "Repubblika Popolari ta' Donetsk" sovrana u indipendenti minn Kiev, u ħabbar referendum dwar is-seċessjoni tar-reġjun li għandu jsir mhux aktar tard mill-11 ta' Mejju 2014; billi l-irvellijiet u l-qbid bil-forza tal-binjiet tal-gvern seħħew fi bliet oħra fin-naħa tal-Lvant tal-pajjiż, inklużi l-bliet Sloviansk, Kramatorsk u Druzhkivka;

E.     billi, immedjatament wara l-annessjoni tal-Krimea, is-Sovjet Suprem tar-reġjun separatist ta' Transdnistria fil-Moldova, bagħat talba uffiċjali lill-Federazzjoni Russa biex din tikkunsidra l-annessjoni tat-Transnistrija;

F.     billi t-teħid ta' kontroll tal-Krimea jirrappreżenta, mingħajr ebda dubju, ksur gravi tad-dritt internazzjonali li jxejjen il-fiduċja fl-istrumenti internazzjonali, inklużi l-ftehimiet dwar id-diżarm u n-nonproliferazzjoni tal-armi nukleari; billi tellieqa ġdida għall-armi tista' twassal għal eskalazzjoni ulterjuri; billi huwa ta' importanza kbira li tiġi evitata sitwazzjoni perikoluża bħal din, li faċilment tista' ssir inkontrollabbli;

1.      Jikkundanna, bl-aktar mod qawwi, l-annessjoni tal-Krimea u Sevastopol mal-Federazzjoni Russa u jsostni li l-UE u l-Istati Membri tagħha m'għandhom qatt jirrikonoxxu r-riżultat ta' atti ta' aggressjoni;

2.      Itenni b'mod qawwi l-appoġġ tiegħu għas-sovranità. l-integrità territorjali, u l-indipendenza politika tal-Ukraina u l-pajjiżi kollha tas-Sħubija tal-Lvant;

3.      Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar s-sitwazzjoni li qed tiddeterjora rapidament u t-tixrid ta' demm fil-Lvant tal-Ukraina; iħeġġeġ lir-Russja biex tieqaf tappoġġa immedjatament lis-separatisti u l-milizzji armati li ħadu taħt idejhom il-binjiet tal-Gvern fi Sloviansk, Donetsk u bliet oħra, ittemm kull azzjoni provokattiva maħsuba biex ixewwex l-inkwiet u tiddestabbilizza ulterjorment is-sitwazzjoni, tneħħi t-truppi mill-fruntiera tal-Lvant tal-Ukraina, u timpenja ruħha biex tilħaq riżoluzzjoni paċifika tal-kriżi permezz ta' mezzi politiċi u diplomatiċi; jesprimi appoġġ sħiħ u solidarjetà mal-gvern tal-Ukraina huwa u jfittex jistabbilixxi mill-ġdid l-awtorità fil-bliet okkupati, u jwissi lir-Russja biex ma tużax id-dritt leġittimu tal-Ukraina li tiddefendi l-integrità territorjali tagħha bħala skuża biex tagħti bidu għal invażjoni militari estensiva;

4.      Jinsab konvint li l-asserzjoni tar-Russja fir-rigward tad-dritt li tuża l-mezzi kollha biex tipproteġi l-minoranzi Russi f'pajjiżi terzi, kif ħabbar il-President Putin fid-diskors tiegħu tat-18 ta' Marzu 2014, mhijiex appoġġata mid-dritt internazzjonali u tmur kontra l-prinċipji tal-kondotta internazzjonali fis-seklu 21, filwaqt li thedded ukoll li ddgħajjef l-ordni Ewropew ta' wara l-Gwerra; jistieden lid-Duma Russu jirtira immedjatament il-mandat għall-użu tal-forza f'territorju Ukrain;

5.      Jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti biex ir-Russja timpenja ruħha f'djalogu kostruttiv mal-gvern leġittimu tal-Ukraina, u tappoġġa l-impenn attiv tal-UE fi sforzi diplomatiċi biex ma tkomplix tiggrava l-kriżi; jilqa', f'dan il-kuntest, il-fatt li tħabbru taħdidiet bejn erba' partijiet – l-Istati Uniti, ir-Russja, l-Ukraina u l-Unjoni Ewropea – biex jiddiskutu s-sitwazzjoni fl-Ukraina li qed tmur għall-agħar, u jinsab ħerqan biex jara eżitu pożittiv li jistabbilizza s-sitwazzjoni fl-Ukraina u fit-territorju ta' madwarha, u jistabilixxi mill-ġdid il-kooperazzjonijiet bejn il-partijiet; iqis li f'dan il-qafas għandu jiġi ċċarat il-fatt li l-integrazzjoni Ewropea tal-Ukraina, kif ukoll dik tal-Moldova u l-Ġeorġja, hija kompatibbli ma' relazzjonijiet tajba mar-Russja;

6.      Iwissi li jekk il-Federazzjoni Russa tieħu passi ulterjuri biex tiddestabbilizza l-Ukraina jew thedded pajjiżi oħra tas-Sħubija tal-Lvant, dan se jwassal għal sanzjonijiet addizzjonali u riperkussjonijiet li jolqtu bosta setturi tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja; jappoġġa l-adozzjoni ta' sanzjonijiet addizzjonali f'każ li t-taħdidiet li ġejjin ma jipproduċux riżultati pożittivi fi żmien raġonevoli; jistieden lill-Istati Membri jħejju ruħhom għal żvilupp bħal dan u jikkoordinaw mill-qrib bejniethom sabiex, bi spirtu ta' solidarjetà, jaffrontaw flimkien is-sanzjonijiet li eventwalment tadotta r-Russja min-naħa tagħha;

7.      Jikkundanna l-fatt li, fil-kuntest tal-kriżi fl-Ukraina, ir-Russja qed tuża l-enerġija bħala għodda ta' koerċizzjoni, u l-ittra mibgħuta mill-President Putin fl-10 ta' April 2014 lill 18-il mexxej Ewropew jaraha bħala theddida inaċċettabbli kontra s-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa; jinsab dubbjuż, fil-kuntest tad-deċiżjoni tal-Gazprom ikkontrollat mill-Istat biex il-prezz tal-gass naturali jiżdied bi kważi d-doppju u li jintalab ħlas bil-quddiem għal konsenji ulterjuri lill-Ukraina, dwar is-sinċerità tal-offerta li saret f'din l-istess ittra, minħabba li qed jitwettqu azzjonijiet maħsuba biex jistabbilizzaw l-ekonomija tal-Ukraina; jemmen tassew li r-Russja stess għandha interess li tgħin lill-pajjiż biex jibni ekonomija sostenibbli; jistieden lill-Moska tappoġġa kliemha b'azzjonijiet konkreti;

8.      Jenfasizza l-bżonn li l-UE u l-Istati Membri kollha jibbilanċjaw mill-ġdid id-dipendenza enerġetika tagħhom fuq ir-Russja, billi jaħdmu b'aktar serjetà fuq id-diversifikazzjoni tal-enerġija kemm fir-rigward tar-riżorsi tal-gass u ta' dawk nukleari, u billi jiżviluppaw politika dwar l-enerġija unifikata u li tħaddan l-UE kollha; jemmen, barra minn hekk, li l-Istati Membri tal-UE għandhom jappoġġaw lill-Ukraina bi flussi inversi f'każ li r-Russja twaqqaf kompletament jew parzjalment il-konsenji tal-gass fil-pajjiż, u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel ħiltha biex tappoġġa lill-Istati Membri fit-twettiq ta' dawn il-proġetti;

9.      Jilqa' u jappoġġa l-fatt li n-NATO hija lesta li tiżgura s-sigurtà tal-pajjiżi alleati li jinsabu fil-fruntiera mar-Russja u li s-sitwazzjoni attwali fl-Ukraina jarawha bħala theddida diretta għas-sovranità tagħhom stess; iħeġġeġ, madankollu, lill-gvern Russu jikkontribwixxi fil-ħidma biex ma tkomplix tiggrava s-sitwazzjoni u jinsisti li għandu jiġi evitat tisħiħ militari simili għal dak ta' gwerra bierda; iħeġġeġ b'mod qawwi lill-partijiet kollha biex jirrispettaw l-obbligi eżistenti dwar il-kontroll tal-armi, jiżviluppaw miżuri biex irabbu l-fiduċja u jagħmlu ħilthom biex jevitaw tellieqa għall-armi perikoluża u li tqum ħafna;

10.    Jilqa' l-iskjerament ta' Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE inkarigata biex tiġbor informazzjoni dwar attività militari u azzjonijiet provokattivi atipiċi maħsuba biex jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni, kif ukoll biex twettaq monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem u tal-minoranzi fl-Ukraina; jiddispjaċih, madankollu, li l-missjoni ma kellhiex garanzija ta' aċċess għall-Krimea fejn okkorrew bosta każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi każijiet ta' vjolenza kontra l-ġurnalisti u l-familji tagħhom; jiddispjaċih li l-attakki kontra l-ġurnalisti issa qed jiġu rrappurtati wkoll fil-Lvant tal-Ukraina;

11.    Itenni t-tħassib tiegħu dwar x'se jiġri mill-komunità tat-Tatar li tgħix fil-Krimea, u s-sikurezza u l-aċċess għad-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għall-komunità ta' ilsien Ukrain; jisħaq fuq ir-responsabilità tal-Federazzjoni Russa, skont ir-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra, li tipproteġi liċ-ċittadini kollha fit-territorji okkupati; jitlob li ssir investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar l-atti ta' trattament ħażin li ġew irrapportati, id-detenzjoni arbitrarja, il-ħtif u t-tortura tal-attivisti u l-allegat involviment ta' uffiċjali tal-Berkut fil-ksur ta' dawn id-drittijiet tal-bniedem;

12.    Jikkundanna l-użu estensiv tal-propaganda mill-uffiċjali u l-midja Russi rigward l-allegat ksur mhux ikkonfermat b'fatti kontra l-minoranza ta' lsien Russu, kif ukoll l-akkużi bla bażi dwar in-natura "faxxista" tal-awtoritajiet fi Kiev; itenni t-tħassib kbir tiegħu dwar il-libertà tal-kelma fir-Russja u jiġbed l-attenzjoni għall-każ tal-istoriku Russu Andrei Zubov, li tilef l-impjieg tiegħu fl-Istitut tal-Istat għall-Affarijiet Internazzjonali f'Moska wara li kkritika l-President Russu dwar t-teħid ta' kontroll tal-Krimea;

13.    Itenni l-ħtieġa urġenti biex il-gvern Ukrain jadotta l-miżuri, jaħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-OSKE u l-Kunsill tal-Ewropa, sabiex jiżgura r-rispett dovut għad-drittijiet leġittimi tal-popolazzjoni u gruppi ta' minoranza kulturali, nazzjonali u lingwistika oħra ta' lsien Russu, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji u l-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali;

14.    Jistieden lill-awtoritajiet Ukraini jadottaw pożizzjoni soda kontra l-organizzazzjonijiet jew gruppi estremisti u radikali li jinkoraġġixxu ksur jew jikkommettu ksur tad-drittijiet tal-bniedem; itenni t-talba tiegħu biex isiru investigazzjonijiet indipendenti dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem minn tmiem Novembru 2013 u jilqa' l-ħatra ta' parti terza mal-Kumitat Konsultattiv Internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa u l-organizzazzjoni tal-ewwel laqgħa tiegħu fid-9 ta' April 2014; jemmen li, biex ikun hemm stabbiltà fil-pajjiż, u sabiex dan ikun jista' jimxi 'il quddiem, għandhom jiġu żgurati l-paċi, il-fehim reċiproku u r-rispett fi ħdan is-soċjetà Ukraina;

15.    Jilqa' r-riżoluzzjoni dwar id-diżarm immedjat tal-gruppi paramilitari illegali fl-Ukraina, adottata mill-Verkhovna Rada fl-1 ta' April 2014; iwissi, madankollu, kontra l-użu eċċessiv tal-forza biex jiġu evakwati l-binjiet li ġew okkupati fi bliet fil-Lvant tal-Ukraina; jesprimi tħassib serju fir-rigward tal-attakki reċenti kontra l-għases tal-pulizija fil-bliet ta' Donetsk u Slaviansk li jinsabu fil-Lvant, u l-qbid bl-użu tal-forza min-naħa tal-aggressuri; jistieden lill-partijiet kollha jaġixxu b'moderazzjoni u jfittxu soluzzjonijiet permezz ta' mezzi paċifiċi;

16.    Jisħaq fuq l-importanza li tiġi stabbilita mill-ġdid il-kunfidenza fl-istat tad-dritt u fil-korpi li jinfurzaw il-liġi fl-Ukraina, u jappoġġa l-idea ta' Missjoni għall-Istat ta' Dritt ta' natura ċivili fl-Ukraina, skont il-PSDK, biex tgħin lill-awtoritajiet fl-isforzi tagħhom huma u jirriformaw is-sistema tal-pulizija u dik ġudizzjarja;

17.    Itenni t-talba tiegħu għal approċċ demokratiku inklużiv mill-gvern interim tal-Ukraina sabiex jimminimizza r-riskju li teskala l-vjolenza u li jkun hemm frammentazzjoni territorjali; jemmen li r-riforma kostituzzjonali hija essenzjali f'dan ir-rigward, u jħeġġeġ li jiġu kkunsidrati miżuri raġonevoli orjentati lejn id-deċentralizzazzjoni u l-awtonomija; jilqa' l-garanziji mogħtija mill-Prim Ministru interim tal-Ukraina li r-reġjuni se jingħataw aktar setgħat; jisħaq, madankollu, fuq il-fatt li kwalunkwe deċiżjoni dwar riforma amministrattiva territorjali għandha tittieħed mill-poplu Ukrain u mir-rappreżentanti eletti tiegħu;

18.    Jilqa', fil-prinċipju, l-idea li jiġi organizzat referendum li jinvolvi n-nazzjon kollu dwar l-istatus u l-organizzazzjoni territorjali futuri tal-Ukraina, kif issuġġerixxa l-Aġent President Oleksandr Turchynov fil-messaġġ tiegħu li xxandar fuq it-televixin fl-14 ta' April 2014;

19.    Huwa tal-fehma li l-elezzjonijiet Presidenzjali tal-25 ta' Mejju 2014 jirrappreżentaw opportunità tajba biex l-Ukraina terġa' tkiseb l-istabbiltà politika; iħeġġeġ bis-sħiħ, għaldaqstant, liċ-ċittadini Ukraini kollha biex jipparteċipaw u jgħinu lill-pajjiż f'dan iż-żmien diffiċli; iħabbar id-deċiżjoni tiegħu li jibgħat missjoni ta' osservazzjoni elettorali biex issegwi dawn l-elezzjonijiet u jħeġġeġ lill-partjijiet interessati kollha biex jagħmlu ħilthom sabiex jiżguraw li l-elezzjonijiet ikunu liberi u ġusti; jemmen li l-elezzjonijiet leġiżlattivi għandhom jiġu organizzati malajr wara l-elezzjonijiet presidenzjali u preferibbilment qabel l-aħħar tas-sena; itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet tal-Ukraina biex jorganizzaw dawn l-elezzjonijiet bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja u jappoġġa l-adozzjoni ta' sistema ta' votazzjoni proporzjonali li għandha tiffaċilita r-rappreżentanza xierqa tar-realtajiet lokali fil-pajjiż;

20.    Hu tal-fehma li fil-qafas ta' soluzzjoni politika, il-gvern tal-Ukraina għandu jimpenja ruħu biex irodd lura d-dejn lir-Russja u lill-banek u kumpaniji Russi, kif ukoll juża parti mill-assistenza finanzjarja li rċieva mill-UE u minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħrajn għall-iżvilupp soċjoekonomiku ta' reġjuni foqra fix-Xlokk tal-Ukraina;

21.    Jilqa' l-firma tal-kapitoli politiċi tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Ukraina bħala pass importanti 'il quddiem u konferma mill-ġdid tal-impenn lejn il-valuri kondiviżi; jilqa', barra minn hekk, l-appoġġ tanġibbli u immedjat offrut lill-Ukraina bil-ftuħ unilaterali tas-suq tal-UE għall-prodotti Ukraini; jistenna bil-ħerqa l-konklużjoni u l-implimentazzjoni tal-partijiet li fadal tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni/ DCFTA, li evidentement mhuwiex l-objettiv aħħari fil-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina;

22.    Jappoġġa l-kondizzjonalità stabbilita mill-UE fir-rigward tar-riformi strutturali li tant hemm bżonn bħala għajnuna biex jitjiebu l-kundizzjonijet għal tkabbir ekonomiku sostenibbli, titjieb il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, tiġi żviluppata sistema ta' protezzjoni soċjali, u tiġi miġġielda l-korruzzjoni; jitlob li jkun hemm trasparenza fejn tidħol in-nefqa tal-fondi tal-UE u li jitwettaq monitoraġġ mill-Kummissjoni;

23.    Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li toħloq Grupp ta' Appoġġ għall-Ukraina li, b'koordinazzjoni mal-awtorijitajiet Ukraini u permezz tal-kontribut mill-Istati Membri, se jidentifika l-assistenza teknika meħtieġa biex tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni finanzjarja, ekonomika u politika fraġli fl-Ukraina; jemmen li din l-istess formula għandha tintuża wkoll għall-Moldova u l-Ġeorġja;

24.    Jinsab konvint li l-avvenimenti fl-Ukraina jenfasizzaw il-bżonn li l-UE tirdoppja l-impenn u l-appoġġ għall-għażla Ewropea u għall-integrità territorjali tal-Moldova u tal-Ġeorġja, hekk kif qed iħejju ruħhom biex jiffirmaw il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u d-DCFTA mal-UE; jitlob li dawn l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni, inklużi d-DCFTA tagħhom, jiġu ffirmati sa mhux aktar tard minn Lulju u jinsab ħerqan biex jara li dawn jidħlu fis-seħħ u jiġu implimentati bla dewmien;

25.    Jinsab partikolarment imħasseb dwar l-instabbiltà li reġgħet ivverifikat ruħha fir-reġjun separatist ta' Transnistrija fil-Moldova; jemmen li t-talba reċenti tat-18 ta' Marzu 2014, mill-awtoritajiet ta' Tiraspol li pproklamaw lilhom infushom biex jagħmlu parti mir-Russja, tirrappreżenta pass perikoluż u rresponsabbli; itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-integrità territorjali tal-Moldova, u jistieden lill-partijiet kollha jerġgħu jidħlu f'djalogu b'mod urġenti, skont il-qafas 5+2, bil-għan li jilħqu ftehim paċifiku u sostenibbli dwar il-kwistjoni;

26.    Jitlob li l-UE tiċċara aktar il-fatt li s-Sħubija tal-Lvant mhijiex politika kontra r-Russja, biex b'hekk tevita interpretazzjonijiet differenti u nuqqas ta' ftehim ta' dak li l-politika qed tipprova tikseb; jemmen li s-Sħubija tal-Lvant hija totalment kompatibbli mal-ftehimiet ta' kummerċ u li jirrispetta bis-sħiħ ir-relazzjonijiet tradizzjonali tar-Russja mas-sħab u l-ġirien tagħha; iqis li s-Sħubija tal-Lvant ma timplikax l-adeżjoni man-NATO u mhijiex maħsuba biex tantagonizza l-Unjoni Doganali Ewro-Asjatika; jemmen li, madankollu, hija garanzijatal-appoġġ tal-UE lill-pajjiżi sħab li jinsabu taħt pressjoni diplomatika u ekonomika li titpoġġa fuqhom minħabba tentattiv biex tixxejjen is-sovranità tagħhom;

27.    Jagħti istruzzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri, lill-aġent President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u lill-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa.