Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B7-0436/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B7-0436/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-pressjoni Russa fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u, b'mod partikolari, id-destabbilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina

15.4.2014 - (2014/2699(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Paweł Robert Kowal, Ryszard Czarnecki, Marek Henryk Migalski, Adam Bielan, Ruža Tomašić, Roberts Zīle, Konrad Szymański, Valdemar Tomaševski f'isem il-grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B7-0436/2014


Proċedura : 2014/2699(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B7-0436/2014
Testi mressqa :
B7-0436/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

B7‑0436/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-pressjoni Russa fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u b'mod partikolari d-destabilizzazzjoni tal-Lvant tal-Ukraina

(2014/2699(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-summit ta' Vilnjus li sar fit-28 u d-29 ta' Novembru 2013,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, dwar is-Sħubija tal-Lvant (SL) u dwar l-Ukraina, b'riferiment partikolari għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina[1] u tat-13 ta' Marzu 2014 dwar l-invażjoni tal-Ukraina mir-Russja[2],

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Ukraina tal-20 ta' Marzu 2014,

–       wara li kkunsidra l-iffirmar tal-partijiet politiċi tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina fil-21 ta' Marzu 2014,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-mexxejja tal-G7 wara l-laqgħa tagħhom fl-Aja fl-24 ta' Marzu 2014,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni NATO-Ukraina tal-1 ta' April 2014,

–       wara li kkunsidra l-prospettiva li l-Ukraina, il-Ġeorġja u l-Moldova jiffirmaw il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni mal-Unjoni Ewropea; wara li kkunsidra b’mod partikolari l-karattru ta’ assoċjazzjoni ġdid u arrikkit, li joffri relazzjoni wiesgħa u profonda mas-sħab Ewropej, u għalhekk imur ferm lil hinn minn sempliċi benefiċċji ekonomiċi u jfittex relazzjonijiet politiċi u soċjetali b’saħħithom,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tad-9 ta' April 2014 dwar 'żviluppi riċenti fl-Ukraina: theddidiet għall-funzjonament ta' istituzzjonijiet demokratiċi',

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni flimkien mal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv (DCFTA), jikkostitwixxu qafas tajjeb għal relazzjonijiet aktar profondi bit-tisħiħ ta' assoċjazzjoni politika, integrazzjoni soċjoekonomika u tqarrib legali mal-UE, u għal żvilupp ta' relazzjonijiet kulturali;

B.     billi l-awtoritajiet Russi jeżerċitaw pressjoni politika u ekonomika kostanti fuq pajjiżi li l-ekonomija tagħhom tiddependi ħafna jew kompletament fuq il-kooperazzjoni tagħhom mal-Federazzjoni Russa;

C.     billi dan it-tip ta' pressjoni ekonomika b'mod ċar tindika l-pjanijiet ġeopolitiċi tal-Kremlin biex inaqqas l-indipendenza u s-sovranità tal-ġirien tiegħu u jibni mill-ġdid l-isfera unika ta' influenza tiegħu li ntilfet wara l-waqgħa tal-Unjoni Sovjetika;

D.     billi l-invażjoni Russa u annessazzjoni sussegwenti tal-Krimea jirrapreżentaw ksur ċar tal-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina, kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluża l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mill-inqas tliet ftehimiet bejn ir-Russja u l-Ukraina dwar ir-relazzjonijiet bilaterali mill-1997, il-Memorandum ta' Budapest tal-1994 u l-atti ewlenin tal-OSCE;

E.     Billi f'diversi bliet fil-Lvant tal-Ukraina attivisti favur ir-Russja ħabbru l-istabbiliment tar-Repubbliki tal-Popli u preparazzjonijiet għat-tnedija ta' referendums "simili għall-Krimea" fil-11 ta' Mejju 2014 rigward l-awtodeterminazzjoni għar-reġjuni tal-lvant tal-Ukraina;

F.     billi l-attivisti pro-Russi komplew jattakkaw bini uffiċjali fil-Lvant tal-Ukraina, u qed jinjoraw l-iskadenza stabbilita mill-Gvern tal-Ukraina biex jeħilsu l-bini li ħatfu.

G.     Billi l-magna tal-propaganda Russa għadha qed tippromwovi diskors ta' mibegħda u qiegħda tinċita l-vjolenza billi toħloq theddida falza fl-Ukraina biex tiġġustifika l-azzjonijiet illegali fil-pajjiż;

H.     billi s-sanzjonijiet imposti mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti fuq numru ta' uffiċjali Russi ma kellhom l-ebda effett;

I.      billi l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant għandhom id-dritt sovran sħiħ u l-libertà li jibnu relazzjonijiet, bħala sħab ugwali, ma’ sħab tal-għażla tagħhom, skont il-Ftehimiet ta’ Ħelsinki;

J.      billi r-Russja għadha qed tokkupa r-reġjuni Ġeorġjani ta' Abkażja u Tskhinvali/Ossezja tan-Nofsinhar, bi ksur tan-normi u l-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali; billi seħħew tindif etniku u bidlet demografiċi furzati fl-inħawi taħt il-kontroll effettiv tal-forza ta' okkupazzjoni, li terfa' r-responsabbiltà għall-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem f'dawn l-inħawi;

K.     billi l-proċess ta "borderisation" żied malajr, fejn iż-żona tat-territorju okkupat kompliet tikber b'diversi mijiet ta' metri għad-detriment tat-territorju Ġeorġjan; billi vjolazzjonijiet tal-ispazju tal-ajru Ġeorġjan minn ajruplan militari Russu seħħew fl-istess ħin;

L.     billi r-Russja qed teżerċita pressjoni fuq politikanti Moldovani, permezz ta' attentati allegati biex ixaħmu xi membri tal-Koalizzjoni Pro-Ewropea tal-parlament;

M.    Billi, wara l-annessjoni tal-Krimea, il-provinċja li nfirdet ta' Transnistrija fil-Moldova talbet biex li tissieħeb mar-Russja, u li dan wassal għal tħassib dwar l-istabbiltà tar-reġjun fil-futur;

1.      Jilqa' l-iffirmar tal-partijiet politiċi tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina fil-21 ta' Marzu 2014,

2.      Jenfasizza l-importanza li jiġu ffirmati u implimentati l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni, inklużi il-ftehimiet DCFTA, mal-Ġeorġja u l-Moldova qabel tmiem il-leġiżlatura attwali tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni u li l-applikazzjoni provviżorja tagħhom tinbeda kemm jista' malajr;

3.      Jikkundanna għal darba oħra il-vjolazzjoni min-naħa tar-Russja tas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina, u jistieden lir-Russja biex twaqqaf immedjatament kwalunkwe vjolenza jew atti kontra l-Ukraina, u twaqqaf l-appoġġ tagħha għal kwalunkwe movimenti u forzi favur ir-Russja fil-parti tal-lvant tal-pajjiż;

4.      Jistieden lir-Russja twaqqaf il-pjan tagħha biex tidestabilixxi r-reġjun u tuża l-konfużjoni bħala skuża biex tinvadi;

5.      Jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri jwaqqfu "l-logħba ta' stennija" u biex jittieħdu l-miżuri xierqa kontra r-Russja sabiex tiġi evitata kriżi serja internazzjonali;

6.      Jinnota d-dritt tal-pajjiżi EaP li jużaw kull mezz, f'konformità mal-istat tad-dritt, biex jirrestawraw l-ordni pubblika u jipproteġu l-funzjonament tajjeb tal-pajjiż;

7.      Jesprimi s-solidarjetà tiegħu man-nazzjoni Ukraina u jirrispetta bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina; jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Gvern interim u tal-Ukrainia u jirrifjuta kwalunkwe dikjarazzjoni illeġittima min-naħa tar-Russja;

8.      Itenni li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni propost mill-UE hija kwestjoni ta' tħassib strettament bilaterali bejn iż-żewġ partijiet, u jirrifjuta bil-qawwi kull proposta li għanda tiġi assoċjata parti terza fil-proċess;

9.      Jitlob il-liberalizzazzjoni fil-pront tar-reġim tal-viżi tal-UE, li jkun l-aħjar mod sabiex jissaħħu l-kuntatti bejn il-persuni u jiġu żviluppati relazzjonijiet bejn is-soċjetajiet tal-UE u tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u li, konsegwentement, se ssir fattur importanti fl-integrazzjoni politika u ekonomika iktar stretta;

10.    Jistieden għal darba oħra lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jassumu pożizzjoni ċara dwar it-tensjonijiet fuq il-fruntiera bejn il-Ġeorġja u r-Russja; jistieden lill-Federazzjoni Russa twaqqaf il-vjolazzjonijiet fuq l-ispazju tal-ajru u ż-żoni marittimi Ġeorġjani, u jikkundanna bil-qawwi l-proċess ta' "borderisation" fl-Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/fin-Nofsinhar ta' Ossetia, li wassal għall-espansjoni taż-żona ta' territorji okkupati għad-detriment tal-Ġeorġja;

11.    Jesprimi l-appoġġ bis-sħiħ tiegħu għall-integrità territorjali tal-Moldova u r-Russja u jwissi kontra r-repitizzjoni tax-xenarju Krimea Ukraina, fil-Moldova;

12.    Jenfasizza l-importanza li l-pajjiżi EaP jiżviluppaw l-istrateġiji ta' enerġija tagħhom skont l-obbligi Komunitarji Ewropej dwar l-Enerġija; jitlob biex jitkomplew ir-riformi tas-suq tal-gass u tal-elettriku;

13.    Jagħti istruzzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa u lill-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE.