Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0265/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0265/2014

ABBOZZ TA' MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar it-tiftix ta' opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibilità mat-Trattati tal-Ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR)

19.11.2014 - (2014/0000(RSP))

skont l-Artikolu 108(6) tar-Regoli ta' Proċedura

Sophia in ‘t Veld, Nathalie Griesbeck, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE

Proċedura : 2014/2966(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0265/2014
Testi mressqa :
B8-0265/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0000/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tiftix ta' opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibilità mat-Trattati tal-Ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR)

(2014/0000(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-paragrafi 6 u 11 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri[1],

–       wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri,

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-approċċ globali għat-trasferimenti tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) lil pajjiżi terzi (COM(2010)0492),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta’ Mejju 2010 dwar it-tnedija ta' negozjati għal ftehimiet dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) mal-Istati Uniti, l-Awstralja u l-Kanada[2], u tal-11 ta’ Novembru 2010 dwar l-approċċ globali għat-trasferimenti tad-data tal-PNR lil pajjiżi terzi[3],

–       wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tad-19 ta' Ottubru 2010 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-approċċ globali għat-trasferimenti tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) lil pajjiżi terzi[4],

–       wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tat-30 ta’ Settembru 2013 dwar il-proposti għal deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar il-konklużjoni u l-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR)[5],

–       wara li kkunsidra l-Opinjoni 7/2010 tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Data, adottata fit-12 ta' Novembru 2010, dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-approċċ globali għat-trasferimenti tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) lil pajjiżi terzi,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 16 tat-TFUE u l-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Marzu 2010 fil-Każ C-518/07, il-Kummissjoni Ewropea v ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

–       wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ April 2014 fil-Każijiet Konġunti C-293/12 u C-594/12, li fiha d-Direttiva dwar iż-Żamma tad-Data ġiet iddikkjarata invalida,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 108(6) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.     billi l-Unjoni Ewropea kkonkludiet ftehim mal-Kanada fl-2005 dwar l-ipproċessar tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) abbażi ta’ sett ta’ impenji mill-Aġenzija tas-Servizz Doganali Kanadiżi (CBSA) fir-rigward tal-applikazzjoni tal-programm tal-PNR tagħha; billi bl-iskadenza tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni rilevanti fit-22 ta’ Settembru 2009, il-bażi legali Ewropea għat-trażmissjoni tad-data tal-PNR lis-CBSA ma baqgħetx teżisti;

B.     billi s-CBSA b’mod unilaterali ntrabtet li tiżgura lill-UE li l-impenji se jibqgħu fis-seħħ sakemm jiġi applikat ftehim ieħor; billi dan ġie kkomunikat lill-Istati Membri kollha u lill-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data tagħhom;

C.     billi, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, il-konklużjoni ta' ftehimiet ġodda tal-PNR tirrikjedi l-kunsens tal-Parlament Ewropew qabel ma jkunu jistgħu jiġu adottati mill-Kunsill;

D.     billi fit-2 ta’ Diċembru 2010 l-Kunsill adotta deċiżjoni, flimkien ma’ direttiva ta’ negozjati, li biha jawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati f’isem l-UE għal ftehim mal-Kanada dwar it-trasferiment u l-ipproċessar tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri;

E.     billi fit-18 ta’ Lulju 2013 il-Kummissjoni talbet lill-Kunsill jieħu deċiżjoni dwar l-adozzjoni tal-ftehim;

F.     billi fid-19 ta’ Novembru 2013 il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ppubblika l-opinjoni tiegħu dwar il-ftehim, fejn iqajjem dubju dwar il-bżonn u l-proporzjonalità tal-iskemi tal-PNR u t-trasferimenti bill-massa tad-data tal-PNR lil pajjiżi terzi, kif ukoll l-għażla tal-bażi legali;

G.     billi fil-5 ta’ Diċembru 2013 il-Kunsill iddeċieda li jitlob il-kunsens tal-Parlament għall-konklużjoni tal-ftehim;

H.     billi l-ftehim ġie ffirmat fil-25 ta' Ġunju 2014;

I.      billi fit-8 ta' Lulju 2014 l-Kunsill talab il-kunsens tal-Parlament għal ftehim ġdid dwar il-PNR mal-Kanada;

J.      billi fit-8 ta' April 2014, il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-deċiżjoni tagħha fil-Każijiet Konġunti C-293/12 u C-594/12, iddikkjarat id-Direttiva dwar iż-Żamma tad-Data invalida;

K.     billi l-iskop tal-ftehim, kif iddikjarat fl-Artikolu 1 tiegħu, huwa li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li bi qbil magħhom id-data tal-PNR tkun tista' tiġi trasferita u użata, u li jistipula kif id-data se tiġi protetta;

1.      Hu tal-opinjoni li hemm inċertezza legali dwar jekk l-abbozz ta’ ftehim huwiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati (l-Artikolu 16) u mal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (l-Artikoli 7, 8 u 52(1)) fir-rigward tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali tal-individwi; iqajjem dubju, barra minn hekk, dwar l-għażla tal-bażi legali, jiġifieri l-Artikoli 82(1)(d) u 87(2)(a) tat-TFUE (kooperazzjoni tal-pulizija u koperazzjoni ġudizzjarja), aktar milli l-Artikolu 16 tat-TFUE (protezzjoni ta' data);

2.      Jiddeċiedi li jitlob opinjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibilità tal-ftehim mat-Trattati;

3.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għal skopijiet ta' informazzjoni u biex jieħu l-miżuri neċessarji biex jikseb din l-opinjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.