Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0379/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0379/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-aħħar traġedji fil-Mediterran u l-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil

27.4.2015 - (2015/2660(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Timothy Kirkhope, Jussi Halla-aho, Helga Stevens, Branislav Škripek, Geoffrey Van Orden, Angel Dzhambazki, Ruža Tomašić, Ryszard Antoni Legutko, Kazimierz Michał Ujazdowski, Marek Jurek, Jadwiga Wiśniewska, Janusz Wojciechowski, Zbigniew Kuźmiuk, Stanisław Ożóg, Zdzisław Krasnodębski, Beatrix von Storch, Daniel Dalton, Marek Józef Gróbarczyk f'isem il-Grupp ECR

Proċedura : 2015/2660(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0379/2015
Testi mressqa :
B8-0379/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0379/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-aħħar traġedji fil-Mediterran u l-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil

(2015/2660(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 u l-protokoll addizzjonali tagħha,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-flussi migratorji fil-Mediterran, b'attenzjoni partikolari għall-ġrajjiet traġiċi ftit 'il barra minn Lampedusa[1],

–       wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-ħidma tat-Task Force fil-Mediterran,

–       wara li kkunsidra d-dibattitu dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni, li sar fil-Parlament fil-25 ta' Novembru 2014,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni,

–       wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni fuq għaxar punti dwar il-migrazzjoni tal-Kunsill Konġunt tal-Affarijiet Barranin u Affarijiet Interni tal-20 ta' April 2015,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-summit speċjali tal-Kunsill tal-UE dwar il-kriżi tar-refuġjati fil-Mediterran tat-22 ta' April 2015,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi sa mill-bidu ta' din is-sena aktar minn 1 500 persuna mietu fil-Baħar Mediterran;

B.     billi madwar 700 migrant huma nieqsa u maħsuba mgħarrqa wara li dgħajsa b'persuni li jfittxu asil ittraffikati inqalbet fid-19 ta' April 2015; billi huwa maħsub li abbord kien hemm 'l fuq minn 950 persuna;

C.      billi traġedja simili seħħet aktar kmieni dan ix-xahar, li fiha madwar 400 migrant kienu rrappurtat li tilfu ħajjithom fuq il-baħar meta nqalbet dgħajsa li kienet stmata li qiegħda ġġorr madwar 550 persuna;

D.     billi sat-Tnejn, 20 ta' April, l-għadd totali ta' migranti li laħqu l-kosta Taljana sa mill-1 ta' Jannar kien ta' 23 918;

E.     bill l-Gvern Taljan nieda diversi operazzjonijiet ta' salvataġġ fil-Baħar Mediterran, 'l barra mill-kosta Taljana;

F.     billi aktar minn 24 400 migrant irregolari kienu salvati fuq it-traġitt tal-Mediterran ċentrali sa mit-tnedija tal-Operazzjoni Konġunta "Triton" f'Novembru 2014, inklużi madwar 7 860 bil-parteċipazzjoni tal-assi kofinanzjati mill-Frontex;

G.     billi kuntrabandisti u traffikanti tal-bnedmin jisfruttaw l-migrazzjoni irregolari u billi dawn in-netwerks huma ta' riskju serju għall-ħajjiet tal-migranti u sfida għall-UE fuq skala massiva; billi n-netwerks tal-kuntrabandisti joperaw mit-territorji ta' pajjiżi terzi b'impunità totali, li jiġġeneraw madwar EUR 20 biljun fi profitti fis-sena mill-attivitajiet kriminali tagħhom;

H.     billi skont il-Europol gruppi tal-kriminalità organizzata li jiffaċilitaw it-traffikar ta' individwi mill-Mediterran lejn l-UE għandhom konnessjonijiet diretti ma' drogi, armi u t-terroriżmu; billi fis-17 ta' Marzu 2015 il-Europol nieda Tim Operattiv Konġunt "Mare" biex jindirizza dawn il-gruppi kriminali;

I.      billi l-instabbiltà u l-kunflitt reġjonali, u l-qawmien tal-ISIS f'żoni ta' kunflitt fil-viċinat, qegħdin ikollhom impatt fuq l-influss qawwi ta' migranti u l-flussi ta' persuni spostati u, għalhekk, fuq l-għadd ta' individwi li qegħdin jippruvaw jaslu fl-UE;

1.      Jesprimi d-dispjaċir tiegħu għall-imwiet traġiċi ripetuti fil-Mediterran;

2.      Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jsibu soluzzjonijiet effikaċi u jżidu l-koperazzjoni eżistenti sabiex jipprevjenu aktar imwiet, aktar tluq ta' bastimenti użati għat-traffikar, u jtejbu l-ħeffa u l-effiċjenza li bihom l-Istati Membri jipproċessaw l-applikazzjonijiet ta' dawk li jfittxu l-asil, u jirritornaw mingħajr dewmien lil dawk li ma jissodisfawx il-kriterji;

3.      Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu r-rwol tal-Frontex u tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) u l-assistenza li dawn kapaċi joffru sabiex tittaffa l-pressjoni li jħabbtu wiċċhom magħha l-Istati Membri f'pajjiżi riċeventi;

4.      Jistieden lill-Istati Membri joffru riżorsi u assistenza finanzjarja addizzjonali u sinifikanti sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet attwali tas-sigurta fil-fruntieri u operazzjonijiet ta' salvataġġ tal-UE;

5.      Jitlob lill-Istati Membri jaħdmu mill-qrib mal-Europol, il-Frontex, l-EASO u l-Eurojust fil-ġlieda kontra t-traffikanti tal-bnedmin u tan-netwerks kriminali ta' kuntrabandisti, billi jidentifikaw il-modus operandi tagħhom, u jiġu identifikati r-rotot u l-metodi użati mill-gruppi kriminali; jilqa', f'dan ir-rigward, it-Tim Operattiv Konġunt "MARE" imniedi mill-Europol biex jiġġieled kontra l-kriminalità organizzata u n-netwerks ta' kuntrabandisti;

6.      Iħeġġeġ lill-Istati Membri u pajjiżi terzi jistabbilixxu sanzjonijiet kriminali l-aktar qawwija kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu kemm lejn l-UE kif ukoll fi ħdanha, u wkoll kontra individwi jew gruppi li jisfruttaw lill-migranti vulnerabbli fl-UE;

7.      Jenfasizza l-ħtieġa li pajjiżi terzi fir-reġjun ta' żoni ta' tluq jgħassu l-ilmijiet territorjali tagħhom sabiex jinterċettaw bastimenti użati għat-traffikar, u jappella lil pajjiżi terzi jirrispettaw id-dritt internazzjonali rigward is-salvataġġ tal-ħajjiet fuq il-baħar u jiżguraw il-protezzjoni tar-refuġjati u r-rispett tad-drittijiet fundamentali;

8.      Iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-UE jsaħħu l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, b'mod partikolari mal-pajjiżi ta' tluq, fl-indirizzar ta' traffikanti tal-bnedmin; jemmen li tali koperazzjoni fl-identifikar ta' gruppi u individwi kriminali hija essenzjali għall-prevenzjoni u l-prosekuzzjoni tat-traffikar tal-bnedmin u ta' sfruttament ulterjuri u l-imwiet;

9.      Jitlob li jkun hemm koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politiki tal-UE u tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-taħriġ ta' forzi tal-pulizija lokali f'punti ta' tluq ta' bastimenti ta' persuni ttraffikati sabiex jidentifikaw u jwaqqfu gruppi u individwi kriminali, u sabiex jiġu intensifikati s-servizzi ta' informazzjoni fuq il-post sabiex tiżdied il-kuxjenza dwar ir-riskji potenzjali tat-traffikar tal-bnedmin;

10.    Jitlob li operazzjonijiet internazzjonali jikkunsidraw li jagħmlu sforzi sistematiċi sabiex jaqbdu u jeqirdu bastimenti użati mill-kuntrabandisti, f'konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali;

11.    Itenni l-appoġġ tiegħu għall-isforzi kollha mmexxija min-NU u għax-xogħolijiet diplomatiċi intiżi biex jistabbilixxu mill-ġdid l-awtorità tal-gvern fil-Libja, u l-impenn tagħha biex iżżid l-isforzi tagħha biex tindirizza l-kunflitti u l-instabbiltà fil-Libja u fis-Sirja; jenfasizza li l-ħolqien ta' stabbiltà reġjonali f'żoni ta' kunflitt hija essenzjali għat-tnaqqis ta' aktar sosptament ta' individwi;

12.    Jitlob għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-UE ma' pajjiżi sħab fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika sabiex jiġu promossi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; jitlob, f'dan ir-rigward, għal kooperazzjoni akbar ma' pajjiżi fir-reġjun fi ħdan il-Lega Għarbija u l-Unjoni Afrikana sabiex persuni spostati jiġu mmaniġġjati, risistemati u jingħataw asil;

13.    Iqis li l-Istati Membri għandhom jiżguraw it-teħid tal-marki tas-swaba' tal-migranti kollha permezz tas-sistema Eurodac sabiex jiġu identifikati talbiet ripetuti u dawk li ma ntlaqgħux, u sabiex jitħaffu il-proċeduri tal-asil;

14.    Jappoġġja t-twaqqif ta' programm ta' ritorn ġdid għar-ritorn rapidu tal-migranti irregolari kkoordinat mill-Frontex mill-Istati Membri li qegħdin fil-fruntiera; jenfasizza l-ħtieġa li jitħeġġu politiki ta' ritorn volontarju, filwaqt li jkun garantit il-ħarsien tad-drittijiet eżistenti kollha skont id-dritt tal-UE u internazzjonali;

15.    Jirrikonoxxi li huwa importanti li jkun żviluppat approċċ olistiku għall-migrazzjoni; itenni l-ħtieġa li l-politika u l-azzjoni jkunu bbażati fuq fiduċja u responsabbiltà reċiproka, kif ukoll fuq is-solidarjetà, f'termini kemm ta' dawk l-Istati Membri li jirċievu lill-persuni li jfittxu asil u dawk l-Istati Membri li jagħtu asil;

16.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri kollha jimplimentaw kif xieraq il-leġiżlazzjoni tal-UE sabiex jiġu żgurati standards effikaċi, konsisteni u umani għal kondizzjonijiet ta' akkoljenza u għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal asil mal-wasla; jitlob, f'dan ir-rigward, li r-rwol tal-EASO jiġi msaħħaħ f'pajjiżi fejn dan mhux qiegħed jintlaħaq;

17.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.