Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-1348/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-1348/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi

9.12.2015 - (2015/2973(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Raffaele Fitto, Notis Marias f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1348/2015

Proċedura : 2015/2973(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-1348/2015
Testi mressqa :
B8-1348/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-1348/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi

(2015/2973(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Burundi, b'mod partikulari dawk tat-18 ta' Settembru 2014[1], it-12 ta' Frar 2015[2] u d-9 ta' Lulju 2015[3],

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-5 ta' Novembru 2015 tal-kelliem għas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-25 ta' Novembru 2015 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi mill-inqas 240 persuna nqatlu waqt li aktar minn 210 000 persuna ħarbu mill-pajjiż minn mindu l-President Pierre Nkurunziza nieda t-tentattiv kontroversjali li jtawwal il-mandat tiegħu f’April li għadda;

B.  billi s-sitwazzjoni fil-Burundi ddeterjorat b'mod perikoluż fil-ġimgħat li għaddew, u l-forzi tas-sigurtà għadhom qed jonqsu mir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem taċ-ċittadini tal-Burundi, fost klima ġenerali ta' impunità;

C.  billi r-Rapporteurs Speċjali tan-NU ddikjaraw fit-13 ta’ Novembru 2015 li s-sitwazzjoni f’Burundi qed tkompli tiddeterjora, b’rapporti ta’ kuljum ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom każijiet ta' qtil extraġudizzjarju, arresti u detenzjonijiet arbitrarji, torturi, attakki fuq il-midja indipendenti u fastidju u qtil ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u limitazzjonijiet mhux ġustifikati fuq il-libertajiet tal-assemblea paċifika u tal-espressjoni, apparti l-fatt li aktar minn 200 000 persuna sfaw spostati minħabba l-vjolenza;

D.  billi r-Riżoluzzjoni 2248 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, adottata unanimament fit-12 ta’ Novembru 2015, tħeġġeġ lill-Gvern tal-Burundi jirrispetta, jipproteġi u jiggarantixxi d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha ta' kulħadd, u biex jikkoopera mal-isforzi ta’ medjazzjoni mmexxija mill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant (EAC) u approvata mill-Unjoni Afrikana biex jitlaqqa’ b’mod immedjat djalogu inter-Burundjan inklużiv u ġenwin li jinvolvi l-partijiet konċernati paċifiċi kollha, kemm dawk fil-Burundi kif ukoll dawk barra mill-pajjiż, sabiex tinstab soluzzjoni kunsenswali u b’appartenenza nazzjonali għall-kriżi attwali;

E.  billi d-Deputat Segretarju Ġenerali tan-NU Jan Eliasson, iċ-Chairperson tal-Unjoni Afrikana Nkosazana Dlamini-Zuma u r-Rappreżentant Għoli / Viċi President tal-UE Federica Mogherini wegħdu f’dikjarazzjoni konġunta fit-12 ta’ Novembru 2015 li jaħdmu mill-qrib flimkien u li jimmobilizzaw il-mezzi u l-istrumenti kollha biex iżommu s-sitwazzjoni fil-Burundi milli tkompli teħżien, u qablu fuq il-ħtieġa urġenti li tissejjaħ laqgħa ta’ rappreżentanti tal-gvern u tal-oppożizzjoni tal-Burundi f’Addis Ababa jew f’Kampala, ippreseduta mill-President Museveni tal-Uganda;

F.  billi l-Gvern tal-Burundi ssospenda għaxar gruppi tas-soċjetà ċivili li kellhom rwol ewlieni fil-protesti kontra t-tentattiv tal-President Nkurunziza għat-tielet mandat. Dawn il-gruppi huma mmexxija minn difensuri prominenti tad-drittijiet ċivili li ħarbu fl-eżilju wara li l-kontijiet bankarji tagħhom ġew iffriżati;

G.  billi qed ifeġġ diskors ta’ mibegħda etnika li jfakkar fl-atroċitajiet li seħħew fir-Rwanda;

H.  billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt huma element essenzjali tar-relazzjoni bejn l-UE u l-Burundi, li hija regolata mill-Ftehim ta’ Cotonou, u billi l-UE talbet li jinfetħu konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim;

I.  billi l-UE u l-Istati Uniti imponew sanzjonijiet fuq ċerti uffiċjali tal-Burundi li huma meqjusa bħala theddida għall-paċi u s-sigurtà fil-Burundi, li qed idgħajfu l-proċess demokratiku, jew li huma responsabbli għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u atroċitajiet allegati jew kompliċi fihom; billi fir-Riżoluzzjoni 2248  (2015) tiegħu, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU esprima l-intenzjoni tiegħu li jikkunsidra miżuri addizzjonali kontra l-atturi Burundjani kollha li l-azzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tagħhom jikkontribwixxu biex il-vjolenza tkompli u biex tixxekkel it-tiftixa għal soluzzjoni paċifika;

J.  billi l-prospetti tas-saħħa u tal-kenn għal rifuġjati Burundjani fit-Tanzanija huma mistennija jiddeterjoraw f’kampijiet li diġà m'għandhomx ir-riżorsi meħtieġa, billi l-istaġun tax-xita fit-Tanzanija diġà wassal għal żieda fl-għadd ta' rifuġjati morda bil-malarja u b'mard enteriku li jittieħed mill-ilma, u din is-sitwazzjoni se tmur għall-agħar hekk kif il-kampijiet jispiċċaw mgħarrqa waqt li t-tined u t-toilets issirilhom il-ħsara minħabba x-xita qawwija;

1.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar iż-żieda fl-abbużi u tad-drittijiet tal-bniedem u l-vjolenza fil-Burundi, id-diviżjonijiet li qed ikomplu jikbru u n-nuqqas ta’ djalogu bejn il-partijiet konċernati Burundjani, u t-theddida ta’ kriżi reġjonali;

2.  Jistieden lill-partijiet kollha fil-Burundi iżommu l-vjolenza milli tkompli tikber;

3.  Iħeġġeġ lill-Gvern Burundjan biex jikkoopera bis-sħiħ mal-isforzi ta’ medjazzjoni mmexxija mill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant sabiex tinkiseb soluzzjoni politika dejjiema permezz ta’ djalogu inter-Burundjan kredibbli u inklużiv imsejjes fuq il-prinċipji tal-ftehim tal-paċi ta’ Arusha, u biex iġibu lura l-ambjent paċifiku u sikur li jinkoraġġixxi r-ritorn tar-refuġjati;

4.  Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kunsill għall-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana li jniedi investigazzjoni fil-fond dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u abbużi oħra kontra persuni ċivili fil-Burundi, kif ukoll li jiġu skjerati aktar osservaturi tad-drittijiet umani u esperti militari;

5.  Ifakkar li l-Burundi huwa Stat Parti tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) u ħa fuqu l-obbligu li jiġġieled l-impunità għal delitti li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu, u, abbażi tal-ġurisdizzjoni tal-QKI fuq dawk li jikkommettu jew jinċitaw atti ta’ vjolenza tal-massa, jistieden lill-Prosekutur tal-QKI tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni fil-Burundi;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jissospendu parzjalment l-għajnuna għall-Iżvilupp tagħhom lill-Burundi, u jagħtuha orjentament ġdid;

7.  Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li l-fondi ta' għajnuna għar-rifuġjati mill-Burundi fil-pajjiżi ġirien jeħtieġ li jiġu rilaxxati b'aktar ħeffa, sabiex jiġi evitat li jfaqqa' l-mard;

8.  Iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Federica Mogherini, tintervjeni għall-ħelsien immedjat ta’ Richard Spiros Hagabimana, li hu ta' oriġini Griega u huwa uffiċjal tal-pulizija fil-Burundi, li qed jinżamm il-ħabs illegalment u ttorturat għaliex bħala pulizija rrifjuta li jispara fuq il-folla fit-28 ta’ Lulju 2015;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Gvern tal-Burundi u lill-gvernijiet tal-pajjiżi tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar, lill-gvernijiet tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, lill-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Presidenti Konġunti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lill-Parlament Pan-Afrikan.