Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0133/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0133/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mis-sojja ġenetikament modifikata FG72 (MST-FGØ72-2) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

26.1.2016 - D042684 – 2015/2547(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura

Giovanni La Via f'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel


Proċedura : 2016/2547(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0133/2016
Testi mressqa :
B8-0133/2016
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0133/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mis-sojja ġenetikament modifikata FG72 (MST-FGØ72-2) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(D042684 – 2015/2547(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mis-sojja ġenetikament modifikata MON 87708 × MON 89788 (MON-877Ø5-9 × MON-89788-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat[1], u b'mod partikolari l-Artikoli 7(3) u 19(3) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni[2],

–  wara li kkunsidra l-fatt li, fit-18 ta' Novembru 2015, il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 ivvota favur li ma jagħtix opinjoni,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni mogħtija mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fis-16 ta' Lulju 2015[3],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2279 tal-4 ta' Diċembru 2015 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 × T25 (MON-ØØ6Ø3-6 × ACS-ZMØØ3-2) jew li jikkonsistu jew li jkunu prodotti minnu skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[4],

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mressqa mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, fl-24 ta' Ġunju 2011, Bayer CropScience AG ressqet applikazzjoni quddiem l-awtorità kompetenti tal-Belġju, skont l-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti tal-ikel, ingredjenti tal-ikel, u għalf li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mis-sojja FG72;

B.  billi s-sojja ġenetikament modifikata MST-FGØ72-2, kif deskritta fl-applikazzjoni, tesprimi l-proteina 2mEPSPS li tagħti tolleranza għall-erbiċidi tal-glifosat u l-proteina HPPD W336 li tagħti tolleranza għall-erbiċidi tal-isoksaflutol; billi l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer, li hija l-aġenzija tad-WHO speċjalizzata fil-kanċer, fl-20 ta' Marzu 2015 ikklassifikat il-glifosat bħala sustanza x'aktarx karċinoġenika għall-bniedem[5];

C.  billi l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni ttieħed vot dwaru fil-Kumitat Permanenti fit-18 ta' Novembru 2015, mingħajr ma ngħatat opinjoni;

D.  billi fit-22 ta' April 2015, fil-memorandum ta' spjegazzjoni tal-proposta leġiżlattiva tagħha li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003, il-Kummissjoni ddeplorat il-fatt li mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, id-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni kienu ġew adottati mill-Kummissjoni, b'konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli, mingħajr l-appoġġ tal-opinjonijiet tal-kumitati tal-Istati Membri, u li r-ritorn tad-dossier għand il-Kummissjoni għad-deċiżjoni finali, li kienet deċiżament eċċezzjoni għall-proċedura kollha kemm hi, kienet saret in-norma għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar awtorizzazzjonijiet rigward ikel u għalf ġenetikament modifikat (ĠM);

E.  billi, fit-28 ta' Ottubru 2015, il-proposta leġiżlattiva tat-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 ġiet miċħuda mill-Parlament[6] fuq il-bażi li, filwaqt li l-kultivazzjoni sseħħ neċessarjament fit-territorju ta' Stat Membru, il-kummerċ tal-OĠM hu wieħed transkonfinali, li jfisser li l-infurzar tal-proposta tal-Kummissjoni għal projbizzjoni nazzjonali fuq "il-bejgħ u l-użu" jista' jkun impossibbli mingħajr ma jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli tal-importazzjonijiet fil-fruntieri; billi l-Parlament ċaħad il-proposta leġiżlattiva li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u stieden lill-Kummissjoni tirtira l-proposta tagħha u tressaq waħda ġdida;

1.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, għaliex mhuwiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u r-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[7], li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[8], huwa li jipprovdi l-bażi biex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumaturi fir-rigward ta' ikel u għalf ġenetikament modifikati, filwaqt li jiżgura t-tħaddim effettiv tas-suq intern;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva ġdida abbażi tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li filwaqt li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tqis it-tħassib muri ta' sikwit minn diversi pajjiżi u li mhuwiex marbut biss ma' kwistjonijiet dwar kemm l-OĠM huma sikuri għas-saħħa jew għall-ambjent;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.