Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0152/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0152/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen

27.1.2016 - (2016/2515(RSP))

imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Alyn Smith, Bodil Valero, Igor Šoltes, Barbara Lochbihler f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0151/2016

Proċedura : 2016/2515(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0152/2016

B8-0152/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen

(2016/2515(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Jemen, b'mod partikolari dik tad-9 ta' Lulju 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen[1],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-10 ta' Jannar 2016 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, u tal-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, dwar l-attakk fuq ċentru tas-saħħa tal-MSF fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-15 ta' Diċembru 2015 mill-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar it-tkomplija tat-taħdidiet iffaċilitati min-NU dwar il-Jemen u d-dikjarazzjoni konġunta tat-2 ta' Ottubru 2015 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli, Federica Mogherini, u l-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, dwar il-Jemen,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2201 (2015), 2204 (2015), 2216 (2015) dwar il-Jemen, u 2140 (2014) li jimponu sanzjonijiet,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Panel ta' Esperti tan-NU dwar il-Jemen stabbilit skont ir-riżoluzzjoni 2140 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-kelliem tas-SEAE dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen tal-20 ta' Marzu, tas-26 ta' Marzu, tal-1 ta' April u tad-9 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Jemen tal-20 ta' April 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-10 ta' Jannar 2016 u tat-8 ta' Jannar 2016 attribwibbli għall-kelliem għas-Segretarju Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, minn Marzu 2015 u l-bidu tal-intervent immexxi mill-Arabja Sawdija fil-Jemen, il-kriżi umanitarja f'dak il-pajjiż laħqet proporzjonijiet katastrofiċi - aktar minn kwalunkwe post ieħor fid-dinja f'dak li għandu x'jaqsam man-numru ta' persuni milquta direttament;

B.  billi l-attakki mill-arju Sawdin taw prova li huma indiskriminati ħafna, fejn ibbumbardjaw diversi sptarijiet, skejjel, swieq, imħażen tal-qamħ, portijiet, tiġijiet, kamp għal persuni spostati internament u siti ta' wirt storiku dinji, li lkoll jammontaw għal delitti tal-gwerra, bl-aħħar eżempji tagħhom ikunu l-użu ta' munizzjonijiet raggruppati f'żoni residenzjali b'popolazzjoni kbira fis-6 ta' Jannar 2016;

C.  billi l-imblokki tal-arja, tal-ilma u tal-art imposti mill-Arabja Sawdija u l-alleati tagħha intensifikaw it-tiċħid u ġew biss immodifikati reċentament sabiex jippermettu t-twassil ta' kwantitajiet limitati ħafna ta' għajnuna umanitarja bażika;

D.  billi l-kunflitt bejn il-parti Houthi tal-popolazzjoni u l-gvern ċentrali Jemenit għandu għeruq storiċi, li huma parzjalment ibbażati fuq ilmenti tal-Houthi dwar diskriminazzjoni, marġinalizzazzjoni soċjali, ekonomika u politika u tentattivi biex ixerrdu l-ideoloġija Wahabi fil-Jemen; billi fl-imgħoddi seħħew kunflitti armati simili, għalkemm ta' intensità aktar baxxa;

E.  billi n-nuqqas ta' inklużività politika ħolqot il-kondizzjonijiet għal żieda ta' milizja tal-Houthi, li ġejja mit-Tramuntana tal-pajjiż, li sfruttat il-vakwu fil-governanza u fis-sigurtà u ħatfet il-belt kapitali ta' Sanaa f'Settembru 2014, li wasslet biex il-President tal-Jemen, Abd Rabbu Mansour Hadi, jaħrab lejn l-Arabja Sawdija;

F.  billi d-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti ddikjara pubblikament l-appoġġ tiegħu għall-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija u pprovda skambju ta' intelligence, iddirezzjona l-assistenza u l-konsulenza u l-appoġġ loġistiku, filwaqt li l-Gvern tar-Renju Unit qed iħarreġ bdoti Sawdin u mhux qed jiċħad li l-konsultenti Brittaniċi kienu preżenti fil-kmamar ta' operazzjoni waqt ir-rejds Sawdin fil-Jemen; billi l-koalizzjoni sa issa naqset milli terġa' tistabbilixxi s-sigurtà u l-istabbiltà fil-pajjiż jew li terġa' ġġib lura lill-President Abd Rabbu Mansour Hadi fil-poter;

G.  billi, minflok, skont in-NU, eluf ta' ċivili ġew maqtula jew midruba fl-2015 u l-gwerra wasslet għall-ispostament intern ta' aktar minn 2.5 miljun Jemenit; billi aktar minn 20 miljun persuna - 80 % tal-popolazzjoni  - jeħtieġu xi forma ta' protezzjoni umanitarja jew assistenza; billi aktar minn 2.2 miljun tifel u tifla qegħdin ibatu jew qegħdin f'riskju ta' malnutrizzjoni, u madwar 14.4 miljun persuna issa qed jiffaċċjaw sitwazzjoni ta' insigurtà tal-ikel;

H.  billi l-attakki mill-ajru qerdu ħafna mill-infrastruttura bażika, bħal pontijiet, toroq, tankijiet tal-ilma, stazzjonijiet tat-telekomunikazzjoni u impjanti tal-enerġija, f'pajjiż li diġà qabel il-gwerra kien mitqies bħala fost l-inqas żviluppat; billi ħafna monumenti storiċi u siti arkeoloġiċi saritilhom ħsara irreparabbli jew meqruda, inklużi partijiet tal-Belt qadima ta' Sanaa, sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO;

I.  billi, minħabba l-persistenza tal-imblokk navali, 15 % biss tal-volum ta' importazzjonijiet ta' qabel il-kriżi qed jidħol f'pajjiż li jiddependi mill-importazzjonijiet għall-90 % tal-ikel tiegħu; billi 10 mit-22 provinċja tal-Jemen ġew ikklassifikati mill-Programm Dinji tal-Ikel bħala li qegħdin f'livell ta' "emerġenza" f'termini ta' sigurtà tal-ikel - fix-xifer ta' "ġuħ";

J.  billi l-imblokkar tat-trasport ta' fjuwil qiegħed ifarrak il-provvista tal-elettriku tal-pajjiz u jisforza l-għeluq bil-massa ta' sptarijiet u skejjel; billi l-aktar problema urġenti hija li l-imblokk waqqaf pompi tal-ilma milli jaħdmu, li wassal għal 16-il miljun — kważi żewġ terzi tal-popolazzjoni — l-għadd totali ta' Jemeniti mingħajr aċċess għal ilma nadif għax-xorb u sanità, b'implikazzjonijiet koroh għat-tixrid ta' mard, inklużi l-kolera u d-deni dengue;

K.  billi, skont l-UNICEF, il-kunflitt fil-Jemen kellu wkoll impatt iebes fuq l-aċċess tat-tfal għall-edukazzjoni, li waqaf għal kważi 2 miljun tifel u tifla, bi 3 584 skola - jew waħda minn kull erbgħa - jingħalqu; billi 860 minn dawn l-iskejjel saritilhom ħsara jew jilqgħu lill-persuni spostati;

L.  billi fil-15 ta' Diċembru 2015 ġie ddikjarat waqfien mill-ġlied man-nazzjon kollu iżda sussegwentement ġie miksur diversi drabi; billi taħdidiet ta' paċi bejn fl-Iżvizzera mill-partijiet f'kunflitt f'nofs Diċembru 2015 naqsu milli jagħmlu xi progress sinifikanti bil-ħsieb li jtemmu l-kunflitt; billi t-tkomplija ta' taħditiet ta' paċi mmexxija min-NU taħt l-awspiċi tal-mibgħut tan-NU lejn il-Jemen, Ismail Ould Cheikh Ahmed, li kienet skedata għall-14 ta' Jannar 2016, ġiet posposta temporanjament fost vjolenza kontinwa;

M.  billi minkejja li f'April 2015 l-Arabja Sawdija wiegħdet li tiffinanzja USD 274 miljun f'fond għal għajnuna umanitarja ta' emerġenza tan-NU għall-Jemen, sa issa ma ġew trasferiti ebda flus lill-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji; billi, għalkemm in-NU nedew appell f'Ġunju 2015 għal USD 1.6 biljun biex ikun jista' jiġi permess lilhom jassistu 11.7 miljun persuna, sat-18 ta' Novembru 2015, waslu biss 43 % tal-fondi;

N.  billi l-UE pprovdiet EUR 52 miljun f'għajnuna umanitarja ġdida għall-kriżi fil-Jemen u l-impatt tagħha fil-Qarn tal-Afrika fl-2015;

O.  billi, skont l-Istitut Internazzjonali ta' Riċerka dwar il-Paċi ta' Stokkolma (SIPRI), l-Arabja Sawdija hija fost l-erbgħa l-aktar li jonfqu fid-dinja, bi 17 % żieda fix-xiri fl-2014;

P.  billi l-Al-Qaeda fil-Peniżola Għarbija (AQAP) u l-IS/Daesh approfittaw mid-deterjorament tas-sitwazzjoni politika u tas-sigurtà fil-Jemen, fejn espandew il-preżenza tagħhom u huma ta' theddida addizzjonali għall-istabbiltà u s-sigurtà tar-reġjun;

Q.  billi, f'Jannar 2016, l-Oman għalaq żewġ punti ta' qsim tal-fruntieri mal-Jemen minħabba biża' ta' attakki militanti, li ċaħħdu lill-Jemeniti mill-uniku ħruġ mhux restritt permezz tal-art mill-pajjiż u fil-biċċa l-kbira sakkruhom mid-dinja ta' barra;

R.  billi l-Istati Membri tal-UE, b'mod partikolari r-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja, l-Italja u l-Belġju, komplew jawtorizzaw trasferimenti ta' armi u oġġetti relatati lejn l-Arabja Sawdija minn mindu bdiet il-gwerra; billi Franza ffirmat sensiela ta' kuntratti strateġiċi ta' volum għoli mal-Arabja Sawdija matul il-ħarifa tal-2015; billi, mill-2015, ir-Renju Unit ħareġ aktar minn 100 liċenzja għall-esportazzjoni tal-armi lejn Riyadh, bil-biċċa l-kbira tagħhom il-valur ikun għal inġenji tal-ajru tal-ġlied u bombi għall-Forza tal-Ajru Rjali Sawdija, bl-aħħar rapporti tal-gvern juru kemm il-valur ta' liċenzji tar-Renju Unit lill-Arabja Sawdija laħqu livell għoli ħafna ta' aktar minn GBP 1 biljun f'bombi, missili u rokits fit-tliet xhur minn Lulju sa Settembru 2015;

S.  billi l-Pożizzjoni Komuni tal-UE dwar l-esportazzjoni tal-armi teskludi b'mod espliċitu l-awtorizzazzjoni ta' liċenzji tal-armi mill-Istati Membri jekk ikun hemm riskju ċar li t-teknoloġija jew it-tagħmir militari li ser jiġi esportat jista' jintuża fit-twettiq ta' ksur serju tal-liġi umanitarja internazzjonali;

T.  billi l-Gvern tal-Istati Uniti jkompli jintervjeni direttament fil-gwerra permezz ta' attakki bid-drones diretti lejn militanti tal-"Al Qaeda" f'isem id-dritt għal ritaljazzjoni kontra l-attakki terroristiċi 9/11, abbażi tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1368 (2001) u 1372 (2001);

1.  Jesprimi tħassib serju dwar il-katastrofi umanitarja li qiegħda sseħħ fil-Jemen, li hija kkaraterizzata minn insigurtà tal-ikel u malnutrizzjoni gravi, attakki indiskriminati kontra ċ-ċivili u l-ħaddiema mediċi u umanitarji, u l-qerda ta' infrastruttura ċivili u medika bħala riżultat tal-intensifikazzjoni ta' attakki mill-ajru u ġlied fuq l-art u bumbardamenti;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki mill-ajru u l-imblokk navali tal-Jemen impost mill-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija u l-azzjonijiet unilaterali destabbilizzanti meħuda mill-Houthis u unitajiet militari leali lejn l-ex President Saleh, li qed ikomplu jdgħajfu l-Jemen u r-reġjun kollu, filwaqt li joħolqu kondizzjonijiet aħjar għall-espansjoni ta' organizzazzjonijiet terroristiċi u estremisti bħall-IS/Daesh u l-AQAP u jħarrxu s-sitwazzjoni umanitarja diġà kritika;

3.  Jappella lill-partijiet kollha biex itemmu l-konfront militari minnufih u mill-inqas jaqblu fuq pawża umanitarja;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' azzjoni umanitarja kkoordinata taħt it-tmexxija tan-NU, u jħeġġeġ lill-pajjiżi kollha jikkontribwixxu għall-indirizzar tal-ħtiġijiet umanitarji; jappella lill-partijiet kollha biex jippermettu d-dħul u t-twassil ta' ikel, mediċini, fjuwil u assistenza oħra meħtieġa b'mod urġenti permezz ta' kanali tan-NU u internazzjonali umanitarji sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet urġenti tal-persuni ċivili milquta mill-kriżi, b'konformità mal-prinċipji ta' imparzjalità, newtralità u indipendenza; ifakkar li għalhekk huwa essenzjali li l-aċċess tat-tbaħħir kummerċjali lejn il-Jemen jiġi ffaċilitat aktar;

5.  Itenni l-appell tiegħu lill-partijiet kollha biex jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, sabiex jiżguraw il-protezzjoni taċ-ċivili u biex iżommu lura milli jimmiraw direttament lejn infrastruttura ċivili, b'mod partikolari l-faċilitajiet mediċi u s-sistemi tal-ilma, u milli jużaw binjiet ċivili għal skopijiet militari;

6.  Ifakkar lill-partijiet kollha li l-isptarijiet u l-persunal mediku huma espliċitament protetti taħt id-dritt umanitarju internazzjonali u li t-tqegħid fil-mira indiskriminat, jekk mhux intenzjonat, ta' ċivili u infrastruttura ċivili jammonta għal delitti tal-gwerra; jenfasizza l-importanza li titjieb is-sigurtà tal-ħaddiema umanitarji;

7.  Jappella għal investigazzjoni imparzjali u indipendenti dwar il-ksur allegat tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, inklużi l-aħħar attakki mmirati fuq infrastruttura u persunal umanitarju;

8.  Jinsab maħsud sew mill-fatt li l-Istati Membri tal-UE jkomplu jawtorizzaw l-għoti ta' liċenzji tal-armi u taħriġ militari lill-Arabja Sawdija u l-koalizzjoni ta' alleati tagħha u jenfasizza l-fatt li l-forniment tal-armi passat, preżenti u futur minn Stati Membri tal-UE lejn l-Arabja Sawdija jikkostitwixxi mhux biss ksur ta' regoli legalment vinkolanti tal-UE dwar l-esportazzjonijiet tal-armi skont il-Pożizzjoni Komuni 944/2008 iżda wkoll jikser diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi u l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti;

9.  Jenfasizza li dan il-ħruġ ta' liċenzji, u t-taħriġ militari dirett mill-Istati Membri tal-UE, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala kompliċità f'delitti tal-gwerra u ksur gravi ieħor tad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

10.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jissospendu immedjatament it-trasferimenti tal-armi kollha u kull appoġġ militari ieħor lejn l-Arabja Sawdija u l-alleati tagħha fil-kunflitt fil-Jemen; iħeġġeġ lill-Viċi President / lir-Rappreżentant Għoli jagħti bidu għal embargo fuq l-armi kontra l-Arabja Sawdija, fil-kuntest tal-gwerra fil-Jemen, fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill Affarijiet Barranin fil-5-6 ta' Frar 2016;

11.  Jikkundanna wkoll l-attakki bid-drones tal-Istati Uniti u jtenni l-pożizzjoni tiegħu li għandu jkun hemm projbizzjoni internazzjonali fuq l-użu ta' drones li għandhom l-għan li jwettqu qtil extraġudizzjarji;

12.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħhom lejn il-Pjan ta' Rispons Umanitarju tal-Jemen sabiex jintlaħqu r-rekwiżiti ta' finanzjament tal-2016; iħeġġeġ lill-UE tagħmel pressjoni fuq id-donaturi kollha biex iwettqu l-wegħdiet tagħhom b'mod rapidu;

13.  Jenfasizza li jista' jkun hemm biss soluzzjoni politika, inklużiva u nnegozjata għall-kunflitt; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jimpenjaw ruħhom in bona fide f'ċiklu ġdid ta' negozjati ta' paċi mmexxija min-NU kemm jista' jkun malajr; jappoġġja l-isforzi bla waqfien tar-Rappreżentant Speċjali tan-NU, Ismail Ould Cheikh Ahmed, li jkollu taħdidiet ta' paċi dwar il-Jemen f'konformità mal-inizjattiva tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, l-eżiti tal-Konferenza Nazzjonali għad-Djalogu, u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 2140 u 2216;

14.  Jistieden lill-UE tippromwovi b'mod effikaċi l-konformità mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u mad-dritt umanitarju internazzjonali, kif previst fil-linji gwida rilevanti tal-UE; jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħtieġa li l-UE, fid-djalogu politiku tagħha mal-Arabja Sawdija, iżżid il-ħtieġa ta' konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali; jistieden lill-Kunsill, jekk tali djalogu ma jirrendi ebda riżultati, biex jikkunsidra jimponi miżuri restrittivi u sanzjonijiet fuq stati jew individwi involuti fi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, bħalma huma l-Arabja Sawdija u l-Emirati Għarab Magħquda, minbarra l-miżuri restrittivi eżistenti kontra l-mexxejja Houthi Abdulmalik Al-Houti u Ahmed Ali Abdullah Saleh, iben l-ex President tal-Jemen;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Jemen, lill-Gvernijiet tal-Jemen u tar-Renju tal-Arabja Sawdija, u lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati li jagħmlu parti mill-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf u mil-Lega tal-Istati Għarab.