Proċedura : 2016/2667(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0611/2016

Testi mressqa :

B8-0611/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/05/2016 - 9.6

Testi adottati :

P8_TA(2016)0223

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 399kWORD 69k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0607/2016
10.5.2016
PE582.629v01-00
 
B8-0611/2016

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-istatus ta' ekonomija tas-suq taċ-Ċina  (2016/2667(RSP))


Emma McClarkin, Roberts Zīle f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istatus ta' ekonomija tas-suq taċ-Ċina  (2016/2667(RSP))  
B8-0611/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-antidumping (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea(1)),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll ta' Adeżjoni taċ-Ċina mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), b'mod partikolari t-Taqsima 15 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina huma tnejn mill-akbar kummerċjanti fid-dinja, fejn iċ-Ċina hija t-tieni l-akbar sieħba kummerċjali tal-UE u l-UE hija l-akbar sieħba kummerċjali taċ-Ċina, b'volum ta' kummerċ li jisboq sewwa l-EUR 1 biljun kuljum;

B.  billi kwalunkwe deċiżjoni dwar kif jittieħed kont tal-iskadenza tat-Taqsima 15(a)(ii) tal-Protokoll ta' Adeżjoni taċ-Ċina mad-WTO u dwar kif għandhom jiġu ttrattati l-importazzjonjiet oġġett ta' sussidji u dumping illegali miċ-Ċina wara Diċembru 2016 trid, bħala prinċipju essenzjali, tiżgura l-konformità kontinwa tad-dritt tal-UE mad-dritt tad-WTO;

C.  billi jeħtieġ li l-effetti ġuridiċi ezżatti li jirriżultaw mill-iskadenza tat-Taqsima 15(a)(ii) tal-Protokoll ta' Adeżjoni f'dak li jirrigwarda l-metodu użat biex jiġi ddeterminat il-valur normali għal skopijiet ta' miżuri ta' antidumping fir-rigward taċ-Ċina jridu jiġu eżaminati u analizzati, inkluż l-effett ġuridiku tal-bqija tal-partijiet tat-Taqsima 15;

1.  Itenni l-importanza tas-sħubija strateġika tal-UE maċ-Ċina, fejn il-kummerċ u l-investiment għandhom rwol ċentrali;

2.  Jinnota li t-Taqsima 15(a)(ii) tal-Protokoll ta' Adeżjoni se tiskadi fil-11 ta' Diċembru 2016; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra, fejn xieraq, x'bidliet jistgħu jkunu meħtieġa li jiġu riflessi fid-dritt tal-UE sabiex jittieħed kont ta' din l-iskadenza;

3.  Jinsisti li kwalunkwe proposta maħsuba mill-Kummissjoni sabiex jittieħed kont tal-iskadenza ta' ċerti partijiet tal-Protokoll ta' Adeżjoni għandha tkun ibbażata bis-sħiħ fuq dawn l-erba' prinċipji ewlenin:

•  il-ħtieġa li tiġi żgurata l-kompatibilità sħiħa tad-dritt tal-UE mal-obbligi tal-UE li jirriżultaw mill-obbligi u l-impenji tagħha b'rabta mad-WTO u l-konsegwenzi ġuridiċi ta' bidliet f'ċerti partijiet tat-Taqsima 15 tal-Protokoll ta' Adeżjoni;

•  il-ħtieġa li mhux biss jittieħed kont tal-effetti ġuridiċ speċifiċi tal-iskadenza tat-Taqsima 15(a)(ii) iżda li jiġi żgurat ukoll li tingħata interpretazzjoni ġuridika sħiħa għal dawk it-taqsimiet tal-Protokoll ta' Adeżjoni li jibqgħu fis-seħħ wara l-11 ta' Diċembru 2016;

•  il-ħtieġa li jkun żgurat li l-UE, bħala kwistjoni ta' importanza kritika u kruċjali, iżżomm il-kapaċità sħiħa u kontinwa li tieħu miżuri f'waqthom, neċessarji u effikaċi sabiex tittratta l-prattiki tas-suq li jkunu antikompetittivi min-naħa tas-sħab kummerċjali tal-UE li jirriżultaw fi ħsara għall-industrija tal-UE, u li jiġi żgurat li l-kumpaniji tal-UE jkomplu joperaw b'kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni globali fl-UE;

•  il-ħtieġa li kwalunkwe proposta leġiżlattiva tkun ibbażata fuq valutazzjoni bir-reqqa u b'attenzjoni mhux biss tal-impatt tal-aspetti ġuridiċi ta' kwalunkwe bidla, iżda wkoll tal-impatti ekonomiċi, soċjali, industrijali, ambjentali u strateġiċi fuq perjodu ta' żmien medju u fit-tul li jistgħu jirriżultaw b'konsegwenza ta' dan;

4.  Jitlob li tali riflessjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-proċess li jirrigwarda r-riforma aktar ġenerali tal-istrumenti ta' difiża kummerċjali tal-UE u li ma ssir l-ebda proposta mill-Kummissjoni waqt li l-Parlament ikun wieqaf;

5.  Jitlob li l-Kummissjoni tikkunsidra t-twaqqif ta' strateġija ċara u effikaċi għall-għoti ta' status ta' ekonomija tas-suq lil pajjiżi terzi, mhux biss sabiex jinżammu kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għan-negozji Ewropej iżda wkoll sabiex titkompla l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' mġiba antikompetittiva fis-suq u ta' distorsjoni fis-suq;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

(1)

ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

Aġġornata l-aħħar: 11 ta' Mejju 2016Avviż legali