Proċedura : 2016/2727(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0623/2016

Testi mressqa :

B8-0623/2016

Dibattiti :

PV 25/05/2016 - 18
CRE 25/05/2016 - 18

Votazzjonijiet :

PV 26/05/2016 - 6.6

Testi adottati :

P8_TA(2016)0233

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 449kWORD 109k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0623/2016
19.5.2016
PE582.644v01-00
 
B8-0623/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-flussi ta' data transatlantiċi (2016/2727(RSP))


Axel Voss, Monika Hohlmeier, Michał Boni, Roberta Metsola, Esteban González Pons, Anna Maria Corazza Bildt f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-flussi ta' data transatlantiċi (2016/2727(RSP))  
B8-0623/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikoli 6, 7, 8, 11, 16, 47 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (minn hawn 'il quddiem "id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data")(1),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta' data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2016/679 tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), kif ukoll id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI(3),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/520/KE tas-26 ta' Lulju 2000 (id-Deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza (Safe Harbour)),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2013 dwar il-bini mill-ġdid tal-fiduċja fil-flussi tad-dejta bejn l-UE u l-Istati Uniti (COM(2013)0846),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2013 dwar il-funzjonament tal-isfera ta' sikurezza mill-perspettiva taċ-ċittadini tal-UE u tal-kumpaniji stabbiliti fl-UE (il-komunikazzjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza) (COM(2013)0847),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Ottubru 2015 fil-kawża C-362/14 Maximillian Schrems vs Data Protection Commissioner (EU:C:2015:650),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2015 dwar it-trasferiment ta' dejta personali mill-UE lejn l-Istati Uniti tal-Amerka skont id-Direttiva 95/46/KE wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża C-362/14 (Schrems) (COM(2015)0566),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-3 ta' Frar 2016 tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-konsegwenzi tas-sentenza Schrems,

–  wara li kkunsidra l-Judicial Redress Act tal-2015, iffirmat mill-President Obama fl-24 ta' Frar 2016 (H.R.1428),

–  wara li kkunsidra l-USA Freedom Act tal-2015(4),

–  wara li kkunsidra r-riformi tal-Istati Uniti ta' attivitajiet ta' intelligence ta' sinjali stabbiliti fid-Direttiva Presidenzjali 28 (PPD-28)(5),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tad-29 ta' Frar 2016 bit-titolu "Flussi ta' Dejta Transatlantiċi: Nirritornaw il-Fiduċja permezz ta' Salvagwardji Qawwija" (COM(2016)0117),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni 01/2016 tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 tat-13 ta' April 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni dwar l-adegwatezza tat-Tarka tal-Privatezza UE-US,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-protezzjoni tad-data personali, ir-rispett għall-ħajja privata u għall-komunikazzjoni, id-dritt għas-sigurtà, id-dritt li wieħed jirċievi u jaqsam informazzjoni u d-dritt li wieħed imexxi negozju huma lkoll drittijiet fundamentali li għandhom jiġu mħarsa u bbilanċjati ma' xulxin mill-UE u fi ħdanha fil-qafas tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

B.  billi kwalunkwe restrizzjoni fil-konfront ta' dawn id-drittijiet fundamentali tista' ssir biss jekk tkun meħtieġa u tkun tissodisfa verament l-objettivi ta' interess ġenerali rikonoxxuti mill-UE jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn; billi l-qafas tal-UE għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u t-twettiq ta' objettivi ta' interess ġenerali qiegħed jevolvi l-ħin kollu;

C.  billi l-ekonomiji tal-UE u tal-Istati Uniti jirrappreżentaw 'il fuq minn 50 % tal-PDG dinji, 25 % tal-esportazzjonijiet globali u 'l fuq minn 30 % tal-importazzjonijiet tad-dinja kollha; billi l-valur tar-relazzjoni ekonomika bejn l-UE u l-Istati Uniti huwa l-ogħla wieħed fid-dinja, meta wieħed iqis li fl-2014 il-kummerċ transatlantiku totali kien ekwivalenti għal USD 1.09 triljun, filwaqt li l-valur totali tal-kummerċ tal-Istati Uniti mal-Kanada u ċ-Ċina kien ta' USD 741 biljun u USD 646 biljun rispettivament;

D.  billi r-relazzjoni transatlantika f'dak li għandu x'jaqsam mal-investiment hija wkoll l-akbar waħda fid-dinja, hekk kif l-istokk totali ta' investiment li l-Istati Uniti u l-Ewropa investew f'xulxin għandu valur ta' madwar USD 4 triljuni;

E.  billi l-flussi ta' data bejn l-Istati Uniti u l-UE, f'madwar 15 il-terabit kull sekonda, huma bla dubju l-akbar fid-dinja – madwar 55 % akbar mill-flussi ta' data bejn l-Istati Uniti u l-Asja u 40 % akbar mill-flussi ta' data bejn l-Istati Uniti u l-Amerka Latina;

F.  billi l-kapaċità li wieħed jikseb aċċess, jakkumula u jittrasferixxi data minn naħa għal oħra tal-fruntieri hija marbuta mal-globalizzazzjoni tal-internet, u billi l-volum tal-flussi ta' data transatlantiċi jirrifletti l-penetrazzjoni tal-internet fl-Istati Uniti u fl-UE, li hija ta' madwar 85 % fl-Istati Uniti u 90 % fl-UE, u l-importanza tad-data biex tiġi sostnuta u ffaċilitata r-relazzjoni ekonomika bilaterali;

G.  billi l-flussi ta' data transkonfinali liberi bejn l-Istati Uniti u l-UE huma ta' importanza kbira għall-kummerċ u l-investiment tal-Istati Uniti u l-UE, peress li l-konsumaturi miż-żewġ naħat tal-Atlantiku qegħdin jużaw l-internet dejjem aktar ta' spiss biex jixtru prodotti u servizzi mis-swieq ta' xulxin, it-tranżazzjonijiet u s-servizzi transatlantici bejn in-negozji huma realtà, il-fluss liberu ta' data fi ħdan l-istess kumpaniji saret ħaġa ta' kuljum, u l-investiment fiċ-ċentri tad-data li jipprovdu aċċess għall-cloud fl-Istati Uniti u l-UE jiddependi fuq il-flussi ta' data transkonfinali;

H.  billi l-flussi ta' data transatlantiċi joħolqu wkoll opportunitajiet għall-Istati Uniti u l-UE biex jespandu l-kummerċ u l-investiment fid-dinja li qed tiżviluppa hekk kif l-aċċess għall-internet madwar id-dinja qed jiżdied, li jenfasizza l-potenzjal tat-tkabbir tal-kummerċ internazzjonali online u l-ħtieġa ta' flussi ta' data liberi;

I.  billi l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) jikkostitwixxu mutur ewlieni għall-ekonomiji tal-UE u tal-Istati Uniti u huma l-aktar fatturi importanti f'dak li għandu x'jaqsam mal-impjiegi, u billi l-fluss liberu ta' data ħoloq opportunitajiet ġodda għall-SMEs biex jinvolvu ruħhom fil-kummerċ internazzjonali u jiksbu aċċess aħjar għal swieq ġodda f'kontinenti oħra;

J.  billi d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomiji tal-Istati Uniti u tal-UE tirrendi l-fluss ta' data transkonfinali element ewlieni tal-kompetittività tan-negozji, kemm lokalment kif ukoll globalment, b'mod partikolari għal dawk li huma involuti fil-kummerċ elettroniku, u billi l-Istati Uniti u l-UE huma l-akbar żewġ esportaturi netti ta' servizzi li jistgħu jitwasslu b'mod diġitali fid-dinja;

K.  billi fl-2012 l-UE esportat USD 465 biljun f'servizzi li jistgħu jitwasslu b'mod diġitali, u importat biss ammont ekwivalenti għal USD 297 biljun, li rriżulta f'bilanċ pożittiv ta' USD 168 biljun; billi, fl-2014, l-importazzjonijiet mill-Istati Uniti ta' servizzi li jistgħu jitwasslu b'mod diġitali mill-UE kienu jammontaw għal 54 % tas-servizzi importati bilaterali kollha;

L.  billi s-servizzi li jistgħu jitwasslu b'mod diġitali kienu katalizzaturi għat-tkabbir tal-ekonomija tal-internet fl-Ewropa, u kienu aktar minn 400 000 iċ-ċittadini Ewropej li bnew applikazzjonijiet għall-mobile, filwaqt li fl-2013 l-ekonomija tal-applikazzjonijiet kollha kemm hi sostniet 1.8 miljun impjieg fl-Ewropa, u kkontribwiet EUR 17.5-il biljun għall-ekonomija tal-UE; billi s-suq tal-applikazzjonijiet huwa suq diġitali globali;

M.  billi d-Direttiva tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Data, adottata fl-1995, li tirregola l-protezzjoni tad-data personali fl-UE, se tiġi sostitwita fil-futur qrib mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR); billi l-GDPR jipprevedi li t-trasferiment ta' data personali mill-UE lejn pajjiż terz jista' jsir biss fil-qafas ta' kundizzjonijiet speċifiċi, bħalma hija l-konstatazzjoni tal-adegwatezza, li tikkostitwixxi mekkaniżmu importanti li jippermetti t-trasferiment ta' data personali lejn pajjiż terz jekk il-Kummissjoni ssib li l-pajjiż jipprovdi livell adegwat ta' protezzjoni tal-privatezza;

N.  billi, s'issa, il-pajjiżi u t-territorji li ġejjin: Andorra, l-Arġentina, il-Kanada, il-Gżejjer Faeroe, Guernsey, Isle of Man, Jersey, l-Urugwaj, Iżrael, l-Iżvizzera, l-Awstralja u New Zealand, ġew rikonoxxuti bħala li jipprovdu livelli adegwati ta' protezzjoni tad-data, u l-Istati Uniti, il-Kanada u l-Awstralja ġew rikonoxxuti bħala adegwati għall-finijiet ta' trasferimenti ta' reġistri tal-ismijiet tal-passiġġieri;

O.  billi fis-26 ta' Lulju 2000 il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-Prinċipji li Jipprovdu Livell ta' Protezzjoni Xieraq u l-Mistoqsijiet Frekwenti maħruġa mid-Dipartiment tal-Kummerċ jipprovdu protezzjoni adegwata għall-iskopijiet ta' trasferimenti ta' data personali mill-UE, u billi din id-deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza ppermettiet it-trasferiment ta' informazzjoni personali mill-UE għal kumpaniji fl-Istati Uniti li aċċettaw il-prinċipji tal-Isfera ta' Sikurezza;

P.  billi l-Istati Uniti u l-UE ilhom mill-2014 'l hawn jinnegozjaw mill-ġdid il-qafas tal-Isfera ta' Sikurezza wara r-rivelazzjonijiet ta' Edward Snowden u l-allegazzjonijiet ta' sorveljanza elettronika tal-massa ta' ċittadini tal-UE permezz tal-programm ta' sorveljanza tal-NSA u l-użu ta' data miġbura minn kumpaniji privati Amerikani, bil-għan li jiġi indirizzat in-nuqqas ta' fiduċja li jeżisti fl-UE fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza ta' data personali ttrasferita lejn l-Istati Uniti;

Q.  billi fil-kawża C-362/14 Maximillian Schrems vs Data Protection Commissioner, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddikjarat li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li fil-qafas tal-Isfera ta' Sikurezza l-Istati Uniti tipprovdi livell adegwat ta' protezzjoni ta' informazzjoni personali tal-UE hija invalida, u dan wassal għall-ħtieġa urġenti li jiġu ffinalizzati n-negozjati dwar it-Tarka tal-Privatezza UE-US sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali dwar kif id-data personali għandha tiġi ttrasferita mill-UE lejn l-Istati Uniti;

R.  billi, wara d-deċiżjoni Schrems, il-Kummissjoni reġgħet fetħet in-negozjati mal-Istati Uniti għal qafas ġdid bil-ħsieb li tindirizza t-tħassib espress mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u billi fit-2 ta' Frar 2016 il-Kummissjoni u l-Istati Uniti qablu dwar qafas ġdid għall-flussi ta' data transatlantiċi, l-hekk imsejħa "Tarka tal-Privatezza UE-US";

S.  billi fl-Opinjoni 01/2016 tiegħu, il-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 laqa' t-titjib sinifikanti li ġġib magħha t-Tarka tal-Privatezza meta mqabbel mad-Deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza, u billi huwa kkonkluda, b'mod partikolari, li l-introduzzjoni ta' definizzjonijiet ewlenin, il-mekkaniżmi stabbiliti biex tiġi żgurata s-sorveljanza tal-lista tat-Tarka tal-Privatezza u r-rieżami tal-konformità esterna u interna – li issa sar obbligatorju – jikkostitwixxu pass pożittiv 'il quddiem; billi l-Grupp ta' Ħidma qajjem ukoll tħassib serju kemm dwar l-aspetti kummerċjali u kemm dwar l-aċċess mill-awtoritajiet pubbliċi għad-data ttrasferita fil-qafas tat-Tarka tal-Privatezza;

T.  billi l-proċedura għall-adozzjoni ta' deċiżjoni dwar l-adegwatezza ma tipprevedix proċess ta' konsultazzjoni formali u adegwat mal-partijiet ikkonċernati li tapplika għalihom, u b'mod partikolari l-kumpaniji u l-SMEs li l-impatt fuqhom huwa sinifikanti;

U.  billi l-Judicial Redress Act tal-Istati Uniti, li jagħti liċ-ċittadini Ewropej u ċittadini ta' alleati oħrajn tal-Istati Uniti d-dritt li jirrevedu u jikkoreġu informazzjoni ineżatta dwarhom miżmuma mill-aġenziji federali Amerikani skont il-Privacy Act tal-Istati Uniti, ġie adottat mill-Kamra tar-Rappreżentanti fl-20 ta' Ottubru 2015, għadda mill-Kumitat Ġudizzjarju tas-Senat fit-28 ta' Jannar 2016 u ġie ffirmat mill-President tal-Istati Uniti Barack Obama fl-24 ta' Frar 2016;

V.  billi l-adozzjoni tal-Judicial Redress Act kienet il-kundizzjoni essenzjali ewlenija li l-Parlament Ewropew għamel biex jagħti l-kunsens tiegħu għall-Ftehim Komprensiv bejn l-UE u l-Istati Uniti, u aspett importanti tan-negozjati dwar it-Tarka tal-Privatezza UE-US;

W.  billi l-SMEs jirrappreżentaw 60 % tal-kumpaniji li jiddependu fuq il-Ftehim dwar l-Isfera ta' Sikurezza, li ppermettielhom jibbenefikaw minn proċeduri ta' konformità simplifikati u kosteffikaċi minflok jistrieħu fuq regoli korporattivi vinkolanti jew klawsoli kuntrattwali standard, li jiżguraw livell ekwivalenti ta' protezzjoni iżda jirrikjedu investiment ferm akbar f'termini ta' riżorsi amministrattivi; billi l-SMEs huma dawk li għandhom x'jakkwistaw l-aktar mit-Tarka tal-Privatezza l-ġdida;

X.  billi l-protezzjoni tal-privatezza u tad-data fl-Istati Uniti huma integrati f'sistema komprensiva li tirregola l-protezzjoni tal-privatezza tad-data, b'mod partikolari fir-rigward tal-aktar kategoriji sensittivi ta' data personali bħal dawk dwar is-saħħa, il-finanzi, il-komunikazzjoni elettronika u l-minorenni;

Y.  billi l-liġijiet tas-sorveljanza nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE huma kkaratterizzati minn varjetà u diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward tal-ħtieġa ta' sorveljanza u s-salvagwardji implimentati biex tiġi ristretta l-interferenza mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali;

1.  Jilqa' l-konklużjoni tan-negozjati bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar it-Tarka tal-Privatezza wara aktar minn sentejn ta' negozjati bejn il-Kummissjoni u d-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti;

2.  Jilqa' l-adozzjoni tal-Judicial Redress Act min-naħa tal-Kungress tal-Istati Uniti, u jfakkar li ilu żmien twil jitlob liġi bħal din bħala kundizzjoni essenzjali għall-finalizzazzjoni tal-Ftehim Komprensiv bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-konklużjoni tan-negozjati dwar it-Tarka tal-Privatezza;

3.  Jirrikonoxxi li t-Tarka tal-Privatezza UE-US hija differenti ħafna mill-qafas tal-Isfera ta' Sikurezza, u tipprevedi dokumentazzjoni ferm aktar dettaljata li timponi obbligi aktar speċifiċi fuq il-kumpaniji li jixtiequ jissieħbu fil-qafas, inkluża sistema ta' kontrokontrolli li tiżgura li d-drittijiet tas-suġġetti tad-data tal-UE jkunu jistgħu jiġu eżerċitati meta d-data tagħhom tiġi pproċessata fl-Istati Uniti;

4.  Jilqa' l-fatt li l-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 irrikonoxxa t-titjib sinifikanti li ġabet magħha t-Tarka tal-Privatezza meta mqabbel mal-qafas tal-Isfera ta' Sikurezza;

5.  Jieħu nota tat-tħassib imqajjem mill-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 u l-approċċ kostruttiv tiegħu, u jenfasizza wkoll li l-prinċipju ta' limitazzjoni għaż-żamma tad-data, kif imsemmi fl-opinjoni, għandu l-ewwel jiġi ċċarat fl-Unjoni Ewropea, peress li s-sitwazzjoni u l-istandards fl-UE għadhom inċerti wara d-deċiżjoni tal-2014 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

6.  Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-President tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 li tgħid li l-garanziji essenzjali identifikati mill-Grupp ta' Ħidma għandhom ikunu validi għall-Istati Membri tal-UE wkoll;

7.  Jiddispjaċih li l-proċedura għall-adozzjoni ta' deċiżjoni dwar l-adegwatezza ma tipprevedix proċess ta' konsultazzjoni formali ma' partijiet ikkonċernati rilevanti bħalma huma l-kumpaniji, u b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-SMEs;

8.  Jinnota li filwaqt li l-qafas dwar l-Isfera ta' Sikurezza ma kienx jirreferi għal xi restrizzjonijiet speċifiċi għall-aċċess min-naħa tal-Gvern Amerikan għad-data ttrasferita lejn l-Istati Uniti, id-dokumentazzjoni tal-qafas tat-Tarka tal-Privatezza issa tinkludi impenji vinkolanti min-naħa tal-Gvern Amerikan fl-għamla ta' ittri mingħand id-Direttur tal-Intelligence Nazzjonali, is-Segretarju tal-Istat u d-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti;

9.  Jenfasizza li mill-2013 'l hawn il-Kungress u l-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti għaddew aktar minn għoxrin riforma ta' liġijiet u programmi ta' sorveljanza, inkluż il-USA Freedom Act, li jipprojbixxi l-ġbir massiv ta' data, id-Direttiva Presidenzjali 28, li tagħmel il-protezzjoni tad-drittijiet tal-privatezza u l-libertajiet ċivili taċ-ċittadini barra mill-Istati Uniti parti integrali mill-politika ta' sorveljanza tal-Istati Uniti, l-emendi għall-Foreign Intelligence Act, u l-Judicial Redress Act, li jestendi l-miżuri tal-protezzjoni tad-data għaċ-ċittadini tal-UE; iqis li dawn ir-riformi huma kruċjali fl-evalwazzjoni tal-effett tal-interferenza mad-drittijiet fundamentali tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data, kif stabbilit fl-Artikolu 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

10.  Jirrikonoxxi u jilqa' l-inizjattivi reċenti ħafna meħuda mill-Amministrazzjoni u l-Kungress tal-Istati Uniti, bħall-Email Privacy Bill, li ġie approvat unanimament mill-Kamra tar-Rappreżentanti f'April 2016 u li jemenda l-Electronic Communications Privacy Act (ECPA) tal-1986, kif ukoll l-adozzjoni tal-Freedom of Information Improvement Act (FOIA) mill-Kamra tar-Rappreżentanti f'Jannar 2016 u s-Senat f'Marzu 2016, u jappoġġja bis-sħiħ l-iffirmar tal-abbozz fl-liġi, li juri sforzi politiċi sostanzjali min-naħa tal-Istati Uniti biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-privatezza għal kull individwu;

11.  Jilqa' l-ħolqien tal-mekkaniżmu tal-Ombudsman fi ħdan id-Dipartiment tal-Istat, li se jkun indipendenti mis-servizzi tas-sigurtà nazzjonali u se jgħin biex jiġu żgurati r-rimedju individwali u s-sorveljanza indipendenti;

12.  Jinnota b'sodisfazzjon li, skont il-qafas tat-Tarka tal-Privatezza, is-suġġetti tad-data tal-UE għandhom diversi modi kif ifittxu rimedji legali fl-Istati Uniti: l-ewwel nett, l-ilmenti jistgħu jsiru direttament mal-kumpanija jew permezz tad-Dipartiment tal-Kummerċ wara riferiment minn Awtorità għall-Protezzjoni tad-Data (DPA) jew korp indipendenti għar-riżoluzzjoni tat-tilwim; it-tieni, fir-rigward tal-interferenza mad-drittijiet fundamentali għal finijiet ta' sigurtà nazzjonali, tista' titressaq kawża ċivili quddiem qorti tal-Istati Uniti; ilmenti simili jistgħu jiġu indirizzati wkoll permezz tal-Ombudsman indipendenti li għadu kif twaqqaf; fl-aħħar nett, l-ilmenti dwar l-interferenza mad-drittijiet fundamentali għal finijiet ta' infurzar tal-liġi u l-interess pubbliku jistgħu jiġu indirizzati permezz ta' mozzjonijiet fil-konfront tat-taħrikiet; jinkoraġġixxi aktar gwida min-naħa tal-Kummissjoni u d-DPAs biex dawn ir-rimedji legali kollha jsiru aktar aċċessibbli u disponibbli faċilment;

13.  Jilqa' r-rwol prominenti mogħti mill-qafas tat-Tarka tal-Privatezza lid-DPAs tal-Istati Membri fl-istudju u l-investigazzjoni ta' lmenti marbuta mal-protezzjoni tad-drittijiet għall-privatezza u l-ħajja tal-familja fil-qafas tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u s-sospenzjoni tat-trasferimenti tad-data, kif ukoll l-obbligu impost fuq id-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti biex isolvi dawn l-ilmenti;

14.  Ifakkar li wieħed mill-objettivi fundamentali tal-UE f'din il-kwistjoni għandu jkun il-protezzjoni tad-data personali ttrasferita lejn is-sieħeb kummerċjali internazzjonali ewlieni tagħha, u li t-Tarka tal-Privatezza se tgħin biex jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data tal-UE jkunu protetti waqt it-trasferiment tad-data;

15.  Ifakkar ukoll li ċ-ċertezza legali, partikolarment regoli ċari u uniformi, jikkostitwixxu element ewlieni fl-iżvilupp u t-tkabbir tal-intrapriżi, b'mod partikolari għall-SMEs, u għalhekk iwissi kontra kwalunkwe tentattiv li jipperikola t-tlestija tat-Tarka tal-Privatezza u li jwassal biex eluf ta' kumpaniji ta' kull tip u daqs – kemm fl-Unjoni Ewropea u kemm fl-Istati Uniti – jiffaċċjaw inċertezza kbira, isibu ruħhom f'sitwazzjoni inċerta mil-lat legali u jsofru impatti serji fuq l-operazzjonijiet tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jwettqu negozju minn naħa għal oħra tal-Atlantiku;

16.  Jenfasizza li l-SMEs jirrappreżentaw 60 % tal-kumpaniji li jiddependu fuq il-Ftehim dwar l-Isfera ta' Sikurezza, u li l-SMEs huma dawk li għandhom x'jakkwistaw l-aktar mit-Tarka tal-Privatezza l-ġdida; jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mad-DPAs, tassigura aktar ċarezza, preċiżjoni u aċċessibbiltà fl-implimentazzjoni u l-funzjonament tat-Tarka tal-Privatezza għal dawn il-kumpaniji;

17.  Iqis li t-Tarka tal-Privatezza hija kruċjali biex jitnaqqas id-distakk bejn l-approċċi Ewropej u Amerikani għall-privatezza, u li għalhekk hija essenzjali biex tinbena mill-ġdid il-fiduċja fil-livell transatlantiku; jesprimi l-fiduċja tiegħu li, malli ssir qafas stabbilit għall-konformità, it-Tarka tal-Privatezza se tkun soġġetta għal skrutinju strett min-naħa tar-regolaturi u tal-Kummissjoni permezz tal-mekkaniżmu ta' rieżami konġunt annwali, biex b'hekk tiġi żgurata r-robustezza u l-validità legali tagħha;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta bis-sħiħ ir-responsabbiltà tagħha fil-qafas tat-Tarka tal-Privatezza biex twettaq rieżami perjodiku tal-konstatazzjoni tal-adegwatezza u tal-ġustifikazzjonijiet legali tagħha, bil-għan li jkun żgurat kemm li d-data personali tkun protetta b'mod adegwat u kemm li l-qafas ikun qed jiffunzjona b'mod effiċjenti u mingħajr xkiel bla bżonn għad-drittijiet fundamentali bħad-dritt għall-privatezza u s-sigurtà, id-dritt li wieħed jirċievi u jaqsam informazzjoni u d-dritt li wieħed imexxi negozju, u tirrapporta kull sena lill-Parlament dwar ir-riżultati preċiżi u r-rimedji li tkun ħadet;

19.  Jirrikonoxxi li t-Tarka tal-Privatezza hija parti minn djalogu usa' bejn l-UE u l-pajjiżi terzi, inklużi l-Istati Uniti, f'dak li għandu x'jaqsam mal-privatezza tad-data, il-kummerċ, is-sigurtà, kif ukoll drittijiet u objettivi relatati ta' interess komuni; jistieden lill-partijiet kollha, għaldaqstant, jaħdmu flimkien lejn il-ħolqien u t-titjib kontinwu ta' oqfsa internazzjonali u liġijiet domestiċi prattiċi u armonizzati li jilħqu dawn l-objettivi;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Kungress u l-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti.

(1)

ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(2)

ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60.

(3)

ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89.

(4)

https://www.congress.gov/114/plaws/publ23/PLAW-114publ23.pdf

(5)

https://www.whitehouse.gov/the-press-office/2014/01/17/presidential-policy-directive-signals-intelligence-activities

Aġġornata l-aħħar: 25 ta' Mejju 2016Avviż legali