Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0977/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0977/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-iżviluppi reċenti fil-Polonja u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

7.9.2016 - (2016/2774(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Manfred Weber, Esteban González Pons f'isem il-Grupp PPE
Gianni Pittella, Tanja Fajon, Josef Weidenholzer, Péter Niedermüller, Birgit Sippel, Marc Tarabella f'isem il-Grupp S&D
Guy Verhofstadt f'isem il-Grupp ALDE
Barbara Spinelli, Marie-Christine Vergiat, Gabriele Zimmer, Cornelia Ernst, Patrick Le Hyaric, Sofia Sakorafa, Kateřina Konečná, Takis Hadjigeorgiou, Xabier Benito Ziluaga, Tania González Peñas, Lola Sánchez Caldentey, Miguel Urbán Crespo, Estefanía Torres Martínez, Josu Juaristi Abaunz, Merja Kyllönen f'isem il-Grupp GUE/NGL
Rebecca Harms, Judith Sargentini, Ulrike Lunacek, Terry Reintke, Benedek Jávor, Helga Trüpel f'isem il-Grupp Verts/ALE


Proċedura : 2016/2774(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0977/2016
Testi mressqa :
B8-0977/2016
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0977/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-iżviluppi reċenti fil-Polonja u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

(2016/2774(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattati u b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 4 u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-ġurisprudenza relatata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2014 bit-titolu "Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt" (COM(2014)0158),

–  wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Polonja,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' April 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Polonja[1],

–  wara li kkunsidra l-adozzjoni mill-Kummissjoni fl-1 ta' Ġunju 2016 ta' opinjoni dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Lulju 2016 rigward l-istat tad-dritt fil-Polonja,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni ta' esperti tal-Kunsill tal-Ewropa tas-6 ta' Ġunju 2016 dwar it-tliet abbozzi ta' atti fir-rigward tal-midja tas-servizz pubbliku Pollakk,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-11 ta' Marzu 2016 dwar l-emendi għall-Att tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar it-Tribunal Kostituzzjonali tal-Polonja,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja tat-13 ta' Ġunju 2016 dwar l-Att tal-15 ta' Jannar 2016 li jemenda l-Att dwar il-Pulizija u ċerti atti oħra,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa tal-15 ta' Ġunju 2016 wara ż-żjara tiegħu fil-Polonja bejn id-9 u t-12 ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, billi dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn il-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel huma prevalenti u billi dawn ġew approvati mill-poplu Pollakk fl-okkażjoni tar-referendum li sar fl-2003;

B.  billi l-Artikolu 6(3) tat-TUE jikkonferma li d-drittijiet fundamentali, kif garantiti mill-KEDB u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, jikkostitwixxu prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE;

C.  billi l-UE topera abbażi tal-preżunzjoni ta' fiduċja reċiproka li l-Istati Membri jikkonformaw mad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, kif minquxa fil-KEDB u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

D.  billi l-Artikolu 9 tal-Kostituzzjoni Pollakka jiddikjara li r-Repubblika tal-Polonja tirrispetta d-dritt internazzjonali li huwa vinkolanti għaliha;

E.  billi l-istat tad-dritt huwa wieħed mill-valuri komuni li fuqhom hija msejsa l-UE, u billi l-Kummissjoni, flimkien mal-Parlament u l-Kunsill, hija responsabbli skont it-Trattati biex tiggarantixxi r-rispett għall-istat tad-dritt bħala valur fundamentali tal-Unjoni u biex tiżgura li d-dritt, il-valuri u l-prinċipji tal-UE jiġu rispettati;

F.  billi l-indipendenza tal-ġudikatura hija minquxa fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 6 tal-KEDB u hija rekwiżit essenzjali tal-prinċipju demokratiku tas-separazzjoni tas-setgħat, li huwa wkoll rifless fl-Artikolu 10 tal-Kostituzzjoni Pollakka;

G.  billi s-separazzjoni tas-setgħat u l-indipendenza tal-ġudikatura huma essenzjali għas-sistema demokratika u ma jridux jiġu mminati;

H.  billi l-avvenimenti reċenti fil-Polonja, b'mod partikolari t-tilwim rigward il-kompożizzjoni u l-funzjonament tat-Tribunal Kostituzzjonali, u n-nuqqas ta' pubblikazzjoni ta' sentenzi mogħtija mit-Tribunal Kostituzzjonali, taw lok għal tħassib rigward il-garanziji tar-rispett għall-istat tad-dritt;

I.  billi fl-opinjoni tagħha dwar l-emendi għall-Att dwar it-Tribunal Kostituzzjonali, il-Kummissjoni ta' Venezja talbet lill-korpi tal-Istat Pollakk jippubblikaw, jirrispettaw bis-sħiħ u jimplimentaw is-sentenzi tat-Tribunal, filwaqt li fl-istess ħin enfasizzat li l-emendi msemmija hawn fuq idgħajfu serjament il-ħidma tat-Tribunal u jagħmluh ineffikaċi bħala gwardjan tal-Kostituzzjoni;

J.  billi l-paraliżi tat-Tribunal Kostituzzjonali wasslet sabiex il-Kummissjoni tiftaħ djalogu mal-Gvern Pollakk taħt il-Qafas tal-Istat tad-Dritt bl-għan li jiġi żgurat rispett sħiħ għall-istat tad-dritt; billi, wara djalogu intensiv mal-awtoritajiet Pollakki u fid-dawl tan-nuqqas ta' progress min-naħa tal-Gvern Pollakk biex isolvi l-kriżi kostituzzjonali, il-Kummissjoni qieset li huwa neċessarju li tifformalizza l-valutazzjoni tagħha tas-sitwazzjoni attwali f'opinjoni;

K.  billi, minkejja d-diskussjonijiet ulterjuri li saru mal-awtoritajiet Pollakki, il-kwistjonijiet li jheddu l-istat tad-dritt fil-Polonja ma ġewx solvuti b'mod sodisfaċenti u l-Kummissjoni temmen li teżisti theddida sistemika għall-istat tad-dritt fil-Polonja; billi, għaldaqstant, għamlet rakkomandazzjonijiet konkreti lill-awtoritajiet Pollakki dwar kif għandhom jindirizzaw it-tħassib tagħha bħala kwistjoni ta' urġenza;

L.  billi l-Qafas tal-Istat tad-Dritt huwa intiż biex jindirizza theddidiet sistemiċi għall-istat tad-dritt fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri tal-UE, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet li ma jistgħux jiġu indirizzati b'mod effikaċi permezz ta' proċeduri ta' ksur u meta s-"salvagwardji tal-istat tad-dritt" li jeżistu fil-livell nazzjonali ma jibqgħux jidhru li huma kapaċi biex jindirizzaw dawn it-theddidiet b'mod effikaċi;

M.  billi l-UE ħadet l-impenn li tirrispetta l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja kif ukoll id-dritt għall-informazzjoni u l-libertà tal-espressjoni minquxa fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fl-Artikolu 10 tal-KEDB, kif huwa rifless ukoll fl-Artikolu 14 tal-Kostituzzjoni Pollakka;

N.  billi l-bidliet li diġà ġew adottati u li għadhom kif ġew issuġġeriti fil-liġi Pollakka dwar il-midja, speċjalment fir-rigward tal-governanza, l-indipendenza editorjali u l-awtonomija istituzzjonali tal-midja tas-servizz pubbliku, qajmu tħassib dwar jekk il-libertà tal-espressjoni u l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja humiex rispettati;

O.  billi esperti mill-Kunsill tal-Ewropa, wara li kellhom djalogu bejn l-esperti mal-awtoritajiet Pollakki dwar il-pakkett tat-tliet abbozzi ta' liġi dwar il-midja tas-servizz pubbliku, ikkonkludew li jeħtieġ li jkun hemm titjib, speċjalment fil-qasam tal-governanza, il-kontenut u l-missjoni pubblika u l-protezzjoni tal-ġurnalisti;

P.  billi d-drittijiet għal-libertà, għas-sigurtà, għar-rispett għall-ħajja privata kif ukoll għall-protezzjoni tad-data personali huma minquxa fl-Artikoli 6, 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fl-Artikoli 5 u 8 tal-KEDB, kif ukoll fl-Artikoli 31 u 47 tal-Kostituzzjoni Pollakka;

Q.  billi l-Kummissjoni ta' Venezja, fl-opinjoni tagħha dwar emendi għall-Att dwar il-Pulizija u ċerti atti oħra, ikkonkludiet li s-salvagwardji proċedurali u l-kundizzjonijiet materjali stabbiliti fl-Att dwar il-Pulizija għall-implimentazzjoni tas-sorveljanza sigrieta mhumiex biżżejjed biex jiġi evitat l-użu eċċessiv ta' tali sorveljanza jew l-interferenza mhux ġustifikata fil-privatezza u l-protezzjoni tad-data tal-individwi; ifakkar, f'dan ir-rigward, li kemm il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem enfasizzaw il-ħtieġa li jiġu introdotti mekkaniżmi ta' sorveljanza effikaċi, u preferibbilment kontroll ġudizzjarju, sabiex tiġi garantita s-superviżjoni ta' tali attivitajiet;

R.  billi l-liġi l-ġdida kontra t-terroriżmu tqajjem tħassib simili fir-rigward tal-konformità, b'mod partikolari, mal-Artikoli 5, 8, 10 u 11 tal-KEDB u mal-Kostituzzjoni Pollakka;

S.  billi l-Kummissjoni Ewropea tqis li, sakemm it-Tribunal Kostituzzjonali jiġi impedut milli jiżgura bis-sħiħ rieżami kostituzzjonali effikaċi, mhux se jkun hemm skrutinju effikaċi ta' jekk strumenti leġiżlattivi bħalma huma l-atti leġiżlattivi ġodda, partikolarment sensittivi, li ġew adottati reċentement mis-Sejm humiex konformi mal-Kostituzzjoni, inklużi d-dispożizzjonijiet tagħha dwar id-drittijiet fundamentali;

T.  billi l-Kummissjoni ta' Venezja hija magħmula minn esperti indipendenti fid-dritt kostituzzjonali maħtura mill-membri kollha tal-Kunsill tal-Ewropa, inkluża l-Polonja, u billi l-opinjoni tagħha hija l-aktar interpretazzjoni awtorevoli tal-obbligi tal-istati membri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-istat tad-dritt u d-demokrazija; billi l-Gvern Pollakk attwali fittex direttament l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja;

U.  billi d-dritt għal proċess ġust, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt għad-difiża huma drittijiet inkorporati fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni u l-Artikolu 6 tal-KEDB, u fl-Artikoli 41, 42 u 45 tal-Kostituzzjoni Pollakka;

V.  billi l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, fir-rapport tiegħu wara ż-żjara tiegħu fil-Polonja, ikkonkluda li l-bidliet adottati reċentement fil-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali u l-Att dwar il-Prosekuzzjoni jistgħu jipperikolaw il-protezzjoni tad-dritt għal proċess ġust fi proċedimenti kriminali, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt għad-difiża, speċjalment f'każijiet fejn is-salvagwardji li ġew stabbiliti mhumiex biżżejjed biex jiġu evitati abbużi ta' poter, u l-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat;

W.  billi, skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-KEDB u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-saħħa sesswali u riproduttiva tan-nisa hija relatata ma' diversi drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dritt għall-ħajja u għad-dinjità, il-libertà minn trattament inuman u degradanti, id-dritt ta' aċċess għall-kura tas-saħħa, id-dritt għall-privatezza, id-dritt għall-edukazzjoni u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, kif huwa rifless ukoll fil-Kostituzzjoni Pollakka;

X.  billi sistema tas-servizz ċivili effiċjenti, imparzjali, professjonali u politikament newtrali tikkostitwixxi element fundamentali tal-governanza demokratika, iżda billi l-liġi l-ġdida dwar is-servizz ċivili tidher li timmina dan il-prinċipju kif ukoll l-Artikolu 153 tal-Kostituzzjoni Pollakka;

Y.  billi t-Tribunal Kostituzzjonali tal-Polonja ddikjara li għadd ta' dispożizzjonijiet tal-liġi adottata fit-22 ta' Lulju għadhom antikostituzzjonali;

Z.  billi l-Ministru Pollakk għall-Ambjent approva pjan biex iżid l-estrazzjoni tal-injam fil-Foresta Białowieża; billi, meta l-Kunsill Nazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura oġġezzjona għal dan il-pjan, il-Gvern issostitwixxa 32 mid-39 membru tiegħu; billi l-qtugħ tas-siġar fil-Foresta Białowieża beda f'Mejju; billi fis-16 ta' Ġunju 2016 il-Kummissjoni bdiet proċedura ta' ksur fir-rigward tal-qtugħ tas-siġar fil-Foresta Białowieża;

1.  Jenfasizza li huwa ta' importanza fundamentali li jiġi garantit li l-valuri komuni Ewropej elenkati fl-Artikolu 2 tat-TUE u fil-Kostituzzjoni Pollakka jiġu rispettati bis-sħiħ u li d-drittijiet fundamentali kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jiġu garantiti;

2.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu kif esprimieha fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' April 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Polonja, b'mod partikolari rigward il-paraliżi tat-Tribunal Kostituzzjonali, li qed tipperikola d-demokrazija, id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt fil-Polonja;

3.  Jesprimi d-dispjaċir u t-tħassib tiegħu li sa issa ma nstabet l-ebda soluzzjoni ta' kompromess u li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-11 ta' Marzu 2016 ma ġewx implimentati; jiddispjaċih ukoll għar-rifjut tal-Gvern Pollakk li jippubblika s-sentenzi kollha tat-Tribunal Kostituzzjonali, inklużi dawk tad-9 ta Marzu 2016 u tal-11 ta' Awwissu 2016;

4.  Jilqa' d-determinazzjoni tal-Kummissjoni li ssegwi djalogu kostruttiv u produttiv mal-Gvern Pollakk bl-għan li jinstabu soluzzjonijiet rapidi u konkreti għat-theddid sistemiku għall-istat tad-dritt spjegati hawn fuq; jenfasizza li tali djalogu jeħtieġ li jiżvolġi b'mod imparzjali, kooperattiv u li jkun ibbażat fuq l-evidenza, filwaqt li jirrispetta l-kompetenzi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha kif minqux fit-Trattati, u l-prinċipju tas-sussidjarjetà;

5.  Jieħu nota tal-adozzjoni tal-opinjoni tal-Kummissjoni u tar-rakkomandazzjoni sussegwenti tagħha skont il-Qafas tal-Istat tad-Dritt, wara valutazzjoni tas-sitwazzjoni fil-Polonja; jistenna li l-Kummissjoni tagħti aċċess lill-Parlament għal din l-opinjoni, f'konformità mal-Anness II tal-Ftehim ta' Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea;

6.  Jistieden lill-Gvern Pollakk jikkoopera mal-Kummissjoni skont il-prinċipju ta' kooperazzjoni leali kif stabbilit fit-Trattat, u jħeġġu juża t-tliet xhur mogħtija lilu mill-Kummissjoni biex jinvolvi lill-partijiet kollha rappreżentati fis-Sejm Pollakk ħalli jsibu kompromess li jkun kapaċi jsolvi l-kriżi kostituzzjonali li għaddejja bħalissa, b'rispett sħiħ għall-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja u r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni, bħala l-gwardjana tat-Trattati, biex timmonitorja, bħala l-pass li jmiss, is-segwitu mogħti mill-awtoritajiet Pollakki għar-rakkomandazzjonijiet, filwaqt li tkompli toffri appoġġ sħiħ lill-Polonja biex jinstabu soluzzjonijiet adegwati għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt;

8.  Jinsab imħasseb, fin-nuqqas ta' Tribunal Kostituzzjonali li jiffunzjona bis-sħiħ, dwar l-iżviluppi leġiżlattivi reċenti u rapidi li qed isiru f'oqsma oħra mingħajr konsultazzjonijiet xierqa, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-leġiżlazzjoni adottata fir-rigward tal-kompatibilità tagħha mad-dritt primarju u sekondarju tal-UE u mal-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, filwaqt li jittieħed kont tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Kummissjoni ta' Venezja fil-11 ta' Ġunju 2016 u mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa fil-15 ta' Ġunju 2016 u tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Dritt tas-27 ta' Lulju 2016, b'mod partikolari:

–  l-Att dwar il-Midja Pubblika, b'kont meħud tal-ħtieġa ta' qafas li jirregola l-midja tas-servizz pubbliku li jkun jiżgura li din tipprovdi kontenut indipendenti, imparzjali u preċiż li jirrifletti d-diversità tas-soċjetà Pollakka, kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-acquis tal-UE fil-qasam tal-midja awdjoviżiva;

–  l-Att li jemenda l-Att dwar il-Pulizija u ċerti atti oħra, b'kont meħud tal-interferenza sproporzjonata fid-dritt għall-privatezza u l-inkompatibilità ta' attivitajiet ta' sorveljanza tal-massa ġeneralizzata u l-ipproċessar f'daqqa ta' data personali taċ-ċittadini mal-ġurisprudenza tal-UE u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

–  l-Att li jemenda l-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali u l-Att dwar il-Prosekuzzjoni, b'kont meħud tal-ħtieġa ta' konformità mal-acquis tal-UE fil-qasam tad-drittijiet proċedurali kif ukoll id-dritt fundamentali għal proċess ġust;

–  l-Att li jemenda l-Att dwar is-Servizz Ċivili, b'kont meħud tar-riskju serju ta' politiċizzazzjoni tal-amministrazzjoni Pollakka, li jista' jimmina l-imparzjalità tas-servizz ċivili;

–  l-Att dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu, b'kont meħud tat-theddida serja għad-dritt għall-privatezza u d-dritt għal-libertà tal-espressjoni rappreżentati bl-espansjoni tal-poteri tal-Aġenzija tas-Sigurtà Interna mingħajr salvagwardji ġudizzjarji xierqa;

–  kwistjonijiet oħra li huma ta' tħassib peress li jistgħu jikkostitwixxu ksur tad-dritt tal-UE, tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tan-nisa;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament infurmat regolarment u mill-qrib, b'mod trasparenti, dwar il-progress li jsir u l-azzjoni meħuda;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-President tar-Repubblika tal-Polonja.