Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0144/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0144/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra

8.2.2017 - (2017/2525(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Anne-Marie Mineur, Helmut Scholz, Eleonora Forenza, Lola Sánchez Caldentey, Patrick Le Hyaric, Stelios Kouloglou, Marina Albiol Guzmán, Martina Anderson, Xabier Benito Ziluaga, Malin Björk, Lynn Boylan, Matt Carthy, Nikolaos Chountis, Kostas Chrysogonos, Javier Couso Permuy, Dennis de Jong, Fabio De Masi, Stefan Eck, Cornelia Ernst, Luke Ming Flanagan, Tania González Peñas, Takis Hadjigeorgiou, Thomas Händel, Anja Hazekamp, Josu Juaristi Abaunz, Jaromír Kohlíček, Kateřina Konečná, Kostadinka Kuneva, Merja Kyllönen, Paloma López Bermejo, Sabine Lösing, Curzio Maltese, Jiří Maštálka, Marisa Matias, Jean-Luc Mélenchon, Martina Michels, Liadh Ní Riada, Younous Omarjee, Dimitrios Papadimoulis, Rina Ronja Kari, Sofia Sakorafa, Maria Lidia Senra Rodríguez, Barbara Spinelli, Neoklis Sylikiotis, Estefanía Torres Martínez, Miguel Urbán Crespo, Ángela Vallina, Marie-Christine Vergiat, Gabriele Zimmer f'isem il-Grupp GUE/NGL

Proċedura : 2017/2525(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0144/2017
Testi mressqa :
B8-0144/2017
Testi adottati :

B8-0144/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra

(2017/2525(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali UE-Kanada[1],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Diċembru 2013 li fiha r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar in-negozjati għal Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Kanada[2],

–  wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050" (COM(2011)0112),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-UNCTAD tal-2014 dwar l-Investiment Dinji "Investing in the SDGs: An Action Plan",

–  wara li kkunsidra r-rapport "A Critical Assessment of the Proposed Comprehensive Economic and Trade Agreement Between the European Union and Canada - A joint position of the European Federation of Public Service Unions (EPSU) and the Canadian Union of Public Employees, the National Union of Public and General Employees and the Public Service Alliance of Canada", ta' Jannar 2010,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Friends of the Earth Europe "How trade talks threaten to undermine EU climate policies and bring tar sands to Europe", ta' Fabian Flues et al., ta' Lulju 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Canadian Centre for Policy Alternatives (CCPA), "Making Sense of the CETA - An analysis of the final text of the Canada-European Union Comprehensive Economic and Trade Agreement", ta' Scott Sinclair, Stuart Trew u Hadrian Mertins-Kirkwood (eds.), ta' Settembru 2014,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Imħallfin (EAJ) dwar il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea dwar Sistema ġdida ta' Qorti tal-Investiment, tad-9 ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-EPSU "CETA and TTIP – Potential impacts on health and social services", ta' Thomas Fritz, ta' April 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Public Citizen, "Tens of Thousands of US Firms Would Obtain New Powers to Launch Investor-State Attacks against European Policies via CETA and TTIP", tal-2015[3],

–  wara li kkunsidra d-dokument "Stellungnahme zur Errichtung eines Investitionsgerichts für TTIP – Vorschlag der Europäischen Kommission vom 16.09.2015 und 12.11.2015", Deutscher Richterbund, ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Osservatorju Ewropew Korporattiv (CEO) u oħrajn, "The zombie ISDS – Rebranded as ICS, rights for corporations to sue states refuse to die", ta' Pia Eberhardt, ta' Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra l-artiklu "ISDS in the Revised CETA: Positive Steps, But Is It the "Gold Standard?"", tal-Professur Gus Van Harten tal-Università ta' York, ta' Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' pożizzjoni "TTIP and Dispute Settlement: Potential Consequences for the Autonomous EU Legal Order", ta' Inge Govaere, ta' Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-PSI "Investment Court System (ICS): the wolf in sheep's clothing – the EU's great corporate privilege rebrand", ta' Pia Eberhardt, ta' Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' pożizzjoni tal-Uffiċċju Ewropew tal-Għaqdiet tal-Konsumaturi (BUEC), "CETA fails the Consumer Crash Test - BEUC position on the EU-Canada Comprehensive Economic and Trade Agreement", ta' Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Powershift/Campact "Investment Protection in the EU-Canada Comprehensive Economic and Trade Agreement (CETA): a critical analysis", ta' Peter Fuchs, ta' Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Deutscher Gewerkschaftsbund u Österreichischer Arbeiterkammer, "CETA - Regulatory cooperation jeopardises our democracy and standards", ta' Stefan Körzell et al., ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Deutscher Gewerkschaftsbund u Österreichischer Arbeiterkammer, "CETA - Labour standards not on the agenda", ta' Stefan Körzell et al., ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Deutscher Gewerkschaftsbund u Österreichischer Arbeiterkammer, "CETA - Public services under pressure", ta' Stefan Körzell et al., ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Deutscher Gewerkschaftsbund u Österreichischer Arbeiterkammer, "CETA - No privileged rights to sue states for corporations", ta' Stefan Körzell et al., ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Österreichische Forschungsstiftung für Internationale Entwicklung (ÖFSE) u Arbeiterkammer Wien, "Assess CETA: assessing the claimed benefits of the EU-Canada trade agreement (CETA)", ta' Werner Raza et al., ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport "Food Safety, Agriculture and Regulatory Cooperation in the Canada-EU Comprehensive Economic and Trade Agreement (CETA)", ta' Via Campesina, Transnational Institute u oħrajn, ta' Awwissu 2016,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma ta' Tufts University, "CETA Without Blinders: How Cutting "Trade Costs and More" Will Cause Unemployment, Inequality and Welfare Losses", ta' Pierre Kohler u Servaas Storm, ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Powershift, CCPA u oħrajn, "Making Sense of CETA (2nd edition)", ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra d-dokument "Legal statement on investment protection and investor-state dispute settlement mechanisms in TTIP and CETA", ippubblikat mill-koalizzjoni Stop TTIP u ffirmat minn aktar minn 100 professur tal-liġi, ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' pożizzjoni tal-Alleanza Ewropea għas-Saħħa Pubblika (EPHA), "How CETA could undermine public health", ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' Transport & Environment / Client Earth "Comprehensive Economic and Trade Agreement (CETA) and the environment – A gold standard for the planet or for big business?", ta' Cécile Toubeau u Laurens Ankersmit, ta' Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-verżjoni provviżorja tar-rapport tal-APKE ""New generation" trade agreements and their implications for social rights, public health and sustainable development", ta' Geraint Davies, ta' Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-verżjoni provviżorja tar-rapport tal-APKE "Human Rights compatibility of investor-State arbitration in international investment protection agreements", ta' Pieter Omtzigt, ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-CEO, ""Regulatory cooperation": big business wishes come true in TTIP and CETA", ta' Frar 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi jidher li l-konklużjoni ta' ftehim ta' kummerċ ħieles (FTA) bejn l-UE u l-Kanada hija inkompatibbli mal-avvanz ta' Unjoni Ewropea awtodeterminata li tippromwovi l-għanijiet tagħha f'termini ta' ħarsien ambjentali, applikazzjoni tal-prinċipju ta' prekawzjoni, koeżjoni soċjali, xogħol deċenti, difiża tal-libertajiet ċivili, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tad-data, aċċess għas-servizzi tas-saħħa, politiki kulturali u diversità kulturali, sigurtà tal-ikel u salvagwardja tal-agrikoltura tal-familja; billi t-tnaqqis ta' ċerti dispożizzjonijiet u differenzi regolatorji mhux meħtieġa għandu jkun integrat fi proċessi multilaterali minflok f'FTA bilaterali;

B.  billi l-armonizzazzjoni tar-regoli tal-UE u tal-Kanada taħt l-ebda ċirkustanza m'għandha tipperikola s-saħħa tal-konsumatur jew tnaqqas l-istandards tal-kwalità li jridu jiġu ssodisfati minn prodotti Kanadiżi mqiegħda fis-suq Ewropew;

C.  billi l-istandards fil-qasam tal-prodotti agrikoli jvarjaw ħafna bejn l-UE u l-Kanada, u tnaqqis tal-istandards mhuwiex kompatibbli mal-acquis u mhuwiex aċċettabbli għall-acquis tal-UE;

D.  billi t-titfija tal-piżijiet regolatorji għandha dejjem tiġi vvalutata bir-reqqa fir-rigward tad-dritt tal-konsumaturi għall-informazzjoni dwar il-prodotti li jixtru u tad-dritt taċ-ċittadini għal soċjetà sigura mil-lat ġuridiku;

E.  billi kemm l-Artikolu 1 kif ukoll l-Artikolu 10(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jistipulaw li "d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'mod kemm jista' jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadin";

F.  billi kooperazzjoni regolatorja istituzzjonalizzata kif proposta attwalment mill-Kummissjoni tippreġudika l-prerogattivi leġiżlattivi tal-Parlament Ewropew kif ukoll tal-parlamenti nazzjonali, u għalhekk ikollha effett ta' ffriżar fuq l-applikazzjoni tal-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE;

G.  billi n-natura sigrieta tat-tmexxija tan-negozjati dwar is-CETA rriżultat f'nuqqasijiet f'termini ta' kontroll demokratiku tal-proċess ta' negozjar; billi aċċess sħiħ għal dokumenti essenzjali tan-negozjati għad-deputati f'livelli differenti ta' governanza fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, kif ukoll għall-ġurnalisti, għar-riċerkaturi u għaċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kien ikun manifestazzjoni ta' prinċipju demokratiku; billi t-testi konsolidati għandhom jiġu ppubblikati immedjatament;

H.  billi l-influwenza tal-lobbyists għall-interessi korporattivi hija ferm akbar minn dik tal-lobbyists mis-soċjetà ċivili, u l-kuntatt mal-Kummissjoni huwa sa għaxar darbiet aktar frekwenti;

I.  billi qed inħabbtu wiċċna ma' globalizzazzjoni li mhijiex regolamentata biżżejjed, u ftehim ta' kummerċ b'enfasi fuq saħansitra aktar deregolamentazzjoni billi tindirizza l-aktar l-ostakli nontariffarji eżistenti u futuri jkun ta' detriment għad-drittijiet tal-ħaddiema u tal-konsumaturi, filwaqt li l-korporazzjonijiet u l-fondi tal-investiment il-kbar ikomplu jisfruttaw dan it-tip ta' liberalizzazzjoni; billi jenħtieġ ftehim ta' kooperazzjoni li jiffoka fuq il-protezzjoni tal-ħaddiema, il-konsumaturi u l-ambjent; billi ftehim ta' kummerċ jista' jkun biss komplementari għal sforz kbir skont il-linji msemmija hawn fuq biex ir-regolamentazzjoni tissaħħaħ u ssir tal-ogħla standards fil-livell globali, sabiex jiġi evitat id-dumping soċjali u ambjentali;

J.  billi l-esportazzjonijiet permezz tal-kummerċ u t-tkabbir permezz tal-investiment, pjuttost milli jkunu xpruni fundamentali tal-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku li ma jirrikjedux investimenti mill-gvern, jistgħu jikkawżaw telf tal-impjiegi u tnaqqis fir-ritmu ekonomiku;

K.  billi huwa diffiċli li jiġi vvalutat l-impatt reali tas-CETA kemm fuq l-ekonomija tal-UE kif ukoll fuq dik tal-Kanada meta l-istudji jagħtu riżultati kontradittorji; billi s-CETA mhuwiex se jsolvi l-problemi ekonomiċi strutturali li ilhom jeżistu jew il-kawżi sottostanti tagħhom fl-UE;

L.  billi 87 % tal-aktar minn 20 miljun SME fl-UE jiddependu mid-domanda domestika u mhumiex involuti fil-kummerċ internazzjonali, u billi għalihom il-progress fl-iżvilupp ulterjuri tas-swieq lokali u reġjonali u tas-suq komuni Ewropew huwa ta' prijorità ferm ogħla;

M.  billi l-ġenerazzjoni tal-benesseri tas-CETA hija l-iktar ir-riżultat ta' devjazzjoni tal-kummerċ u mhux ta' żieda fil-kummerċ;

N.  billi s-CETA ma jinkludix kapitolu dwar l-SMEs;

O.  billi l-bdiewa Ewropej joperaw f'suq dejjem aktar globali u għalhekk jesperjenzaw esponiment akbar għall-volatilità tal-prezzijiet minn setturi oħra; billi ftehimiet ta' kummerċ bħas-CETA jxekklu l-ħolqien tal-impjiegi fiż-żoni rurali u l-ħolqien ta' kundizzjonijiet li jappoġġjaw l-għajxien agrikolu;

P.  billi r-rapport tal-Kummissjoni stess dwar l-impatt kumulattiv ta' ftehimiet ta' kummerċ futuri (inkluż is-CETA) dwar l-agrikoltura tal-UE jinnota li se jkun hemm żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet agrikoli, iżda tkabbir modest biss fl-esportazzjonijiet, u dan jirriżulta fi pressjoni 'l isfel diretta fuq il-prezzijiet tal-produtturi tal-UE; billi dan ir-rapport ikompli jbassar tnaqqis qawwi fil-prezzijiet tal-laħam taċ-ċanga, tnaqqis fil-volum tal-produzzjoni lokali u tnaqqis fil-valur tal-produzzjoni tal-prodotti tal-UE; billi din id-data tindika effetti detrimentali futuri fuq il-prezzijiet mal-ħruġ mill-farm għall-bdiewa ż-żgħar;

Q.  billi żoni fil-biċċa l-kbira tagħhom rurali li jiffukaw fuq attivitajiet speċifiċi u b'alternattivi limitati huma vulnerabbli ħafna għall-effetti tas-CETA; billi ż-żoni rurali u l-impjiegi rurali se jkunu mhedda mill-bidla lil hinn minn mudelli tradizzjonali tal-biedja li dan il-ftehim se jġib;

1.  Jirrifjuta l-ftehim attwali tas-CETA;

2.  Iqis li l-"istandards globali" ambizzjużi li l-Kummissjoni twiegħed li tistabbilixxi permezz ta' ftehimiet bħat-TTIP u s-CETA huma ħrafa, peress li dawn il-ftehimiet jinkludu biss rikonoxximent reċiproku bilaterali;

3.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkun konxja li s-CETA u ftehimiet ta' kummerċ enormi oħra se jimponu de facto standards, filwaqt li b'hekk ikunu diskriminatorji, billi jeskludu madwar 130 pajjiż min-negozjati u bir-riskju li jitwarrbu kwistjonijiet importanti għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw bħas-sigurtà tal-ikel, is-sussidji agrikoli u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi biex tavvanza fil-fora multilaterali demokratiċi, pereżempju f'konformità mal-approċċ tal-COP 21;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm f'moħħha li t-Trattat ta' Lisbona jiddefinixxi l-politika kummerċjali tal-UE bħala parti integrali mill-azzjoni esterna ġenerali tal-Unjoni, u li dik il-politika għalhekk trid tindirizza l-objettivi dwar l-iżvilupp u l-ambjent u dawk soċjali, filwaqt li tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi l-oħra stabbiliti fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; għaldaqstant jirrifjuta s-CETA peress li għandu l-għan li jżid il-profitti għall-kumpaniji multinazzjonali minflok ma jsaħħaħ lis-soċjetà;

 

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli jkollu l-għan li jilħaq ir-ratifikazzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar sħaħ u effettivi tat-tmien konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-kontenut tagħhom, l-Aġenda tax-Xogħol Deċfcetaenti tal-ILO kif ukoll il-ftehimiet ambjentali internazzjonali ewlenin; iqis li d-dispożizzjonijiet iridu jkunu mmirati biex itejbu ulterjorment il-livelli ta' protezzjoni tal-istandards fil-qasam tax-xogħol u f'dak ambjentali;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-istandards tax-xogħol u dawk ambjentali ma jkunux limitati għall-kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, iżda jkunu inklużi wkoll f'oqsma oħra tal-ftehim;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar ix-xogħol u l-konformità magħhom ikunu soġġetti għal proċess effikaċi ta' monitoraġġ, li jinvolvi lis-sħab soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili;

8.  Jenfasizza li l-partijiet m'għandhomx jippromwovu l-kummerċ jew l-investiment dirett barrani billi jnaqqsu l-livell tal-leġiżlazzjoni domestika dwar ix-xogħol, u li l-ebda element fil-ftehim ma għandu jwaqqaf lill-partijiet milli japplikaw il-liġijiet nazzjonali tagħhom;

9.  Jenfasizza li l-kompetizzjoni msaħħa dwar l-investiment bejn banek ibbażati fl-UE u fil-Kanada u fornituri ta' servizzi finanzjarji oħrajn tagħmel is-sistemi ta' finanzjament, kemm fil-Kanada kif ukoll fl-UE, aktar interkonnessi u aktar vulnerabbli għal xokkijiet u kontaġju estern;

10.  Jinnota li ż-żieda fil-kompetizzjoni prevista fis-CETA tfisser li l-industrija finanzjarja, sabiex tattira s-swieq, se tadotta mġiba ta' teħid ta' riskju aktar evidenti, se tbiegħ iktar prodotti finanzjarji ta' riskju għoli, u se tnaqqas is-servizzi għal klijenti anqas affluwenti;

11.  Jenfasizza li, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li l-SMEs Ewropej li jesportaw lejn il-Kanada huma tassew ftit, huwa fundamentali li s-CETA u ftehimiet ta' kummerċ ħieles kumparabbli oħrajn jiġu rrifjutati, peress li dawn ma jirrappreżentawx l-interessi leġittimi tal-SMEs jew impenn konġunt miż-żewġ partijiet fin-negozjati, u jkomplu jżidu l-vulnerabilità tal-SMEs f'dak fir-rigward ta' kumpaniji multinazzjonali; jenfasizza li għalhekk huwa ċar li s-CETA mhuwiex immirat biex joħloq opportunitajiet ġodda fil-Kanada għall-SMEs Ewropej;

12.  Jinnota li s-CETA u ftehimiet simili huma mmirati lejn il-liberalizzazzjoni ulterjuri tal-ekonomiji tagħna, u li n-nisa ħafna drabi jintlaqtu b'mod sproporzjonat minn liberalizzazzjoni ulterjuri minħabba li huma aktar probabbli li jaħdmu fis-settur pubbliku;

13.  Ifakkar li matul il-konsultazzjoni pubblika dwar is-sistemi għall-protezzjoni tal-investiment, 97 % ta' dawk li wieġbu kienu negattivi fir-rigward ta' kwalunkwe arbitraġġ bejn l-investitur u l-istat, u dan jikkonferma waħda mill-problemi ewlenin b'tali aġġudikazzjoni, jiġifieri li l-investitur pretendent u l-gvern nazzjonali tal-pajjiż intimat biss jistgħu jkunu partijiet;

14.  Jinnota li s-sistema ta' qorti tal-investiment proposta mhux qed tissodifa l-ħtiġijiet demokratiċi u tagħti lill-korporazzjonijiet id-dritt li jevitaw il-qrati nazzjonali, u b'hekk tagħmilha possibbli għall-investituri barranin biex ikollhom aċċess speċjali għal proċess ta' aġġudikazzjoni internazzjonali straordinarjament b'saħħtu li potenzjalment jinvolvi biljuni ta' euro fi flus pubbliċi, u b'hekk tagħti lok biex dawn ikunu jistgħu jinfurzaw id-drittijiet tagħhom mingħajr ir-responsabbiltajiet korrispondenti fl-istess proċess;

15.  Jinnota li skont is-sistema ta' qorti tal-investiment proposta, l-arbitri mhux se jkunu marbuta b'ġurisprudenza;

16.  Jinnota li l-arbitri se jitħallsu abbażi tan-numru ta' każijiet li jaslu l-qorti u ż-żmien investit, u li dan se joħloq inċentiv biex litigazzjoni tieħu iktar fit-tul, bi spiża sinifikanti għall-kontribwenti;

17.  Jinnota li 80 % tal-kumpaniji tal-Istati Uniti għandhom sehem sinifikanti f'kumpanija Kanadiża, u li jekk tiffirma dan il-ftehim l-UE se tagħtihom l-opportunità li jiftħu kawżi kontra l-gvernijiet tal-Istati Membri tagħha a skapitu tal-kontribwenti;

18.  Jiddispjaċih dwar l-użu tat-terminu vag ħafna "trattament ġust u ekwu" fit-test tas-CETA fid-dawl tal-bosta każijiet ta' arbitraġġ dwar l-investiment li qajmu din il-kwistjoni;

19.  Jinnota li s-CETA jippermetti li kumpaniji ta' investiment barranin iħarrku lill-Istati Membri minħabba liġijiet li jgħaddu li jistgħu jolqtu l-profitti tal-investituri, inklużi dawk imfassla biex jipproteġu s-saħħa pubblika, l-ambjent u d-drittijiet tal-ħaddiema; jinnota, barra minn hekk, li Esperti Indipendenti tan-NU ddikjaraw li s-CETA mhuwiex kompatibbli mal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem u ddikjaraw li l-ftehimiet kummerċjali għandhom jiġu ratifikati biss wara li jkunu twettqu evalwazzjonijiet tal-impatt dwar id-drittijiet tal-bniedem, is-saħħa u l-ambjent, u li dan ma seħħx fir-rigward tas-CETA;

20.  Jinnota li filwaqt li s-CETA ma jeżiġix "attività kummerċjali sostanzjali", is-Sistema ta' Qorti tal-Investiment (ICS) tippermetti forma ta' "għażla opportunistika tat-trattati", li tippermetti li l-investituri jagħżlu skont liema ftehim jixtiequ jressqu talba ta' soluzzjoni ta' tilwim bejn investituri u stati (ISDS);

21.  Jinnota li filwaqt li l-gvern tal-Belġju ħabbar li se jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tagħti opinjoni dwar jekk il-validità ta' sistema ICS hijiex konformi mat-trattati tal-UE, l-ebda istituzzjoni Ewropea ma għamlet hekk, u l-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma ntalbet tagħti opinjoni ġuridika dwar jekk il-validità ta' sistema ICS fil-forma ta' qorti tal-investiment multilaterali hijiex f'konformità mat-trattati tal-UE;

22.  Ifakkar li d-dritt ta' regolamentazzjoni taż-żewġ partijiet qed ikun soġġett għad-dispożizzjonijiet tas-CETA, u b'hekk jitnaqqas l-ispazju regolatorju għall-awtoritajiet nazzjonali;

23.  Jinnota li l-Kumitat Konġunt tas-CETA se jkollu kompetenzi estensivi fil-proċess leġiżlattiv futur mingħajr ma jkun soġġett għal kontroll demokratiku;

24.  Jinnota li, sfortunatament, id-dispożizzjonijiet ta' klawżoli "ratchet" u ta' klawżola ta' sospensjoni fis-CETA għadhom jipprevalu fuq l-approċċ ta' "lista pożittiva", u b'hekk jimblukkaw kwalunkwe liberalizzazzjoni futura possibbli fis-settur pubbliku;

25.  Jirrifjuta l-approċċ tal-hekk imsejjaħ "ftehim ħaj", kif ukoll l-insistenza li l-kwistjonijiet importanti kollha ta' dettall b'rabta mal-ftehim jiġu deċiżi fin-negozjati, minħabba li xejn m'għandu jiġi miftiehem sakemm jintlaħaq qbil dwar kollox; jirrifjuta l-proposta li kwistjonijiet regolatorji għandhom jiġu riferuti sussegwentement lejn gruppi ta' esperti speċifikament stabbiliti, u b'hekk jiġi evitat il-proċess leġiżlattiv demokratiku;

26.  Hu tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tiffoka fuq ftehimiet u trattati li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp sostenibbli, aktar milli fuq il-politika kummerċjali attwali, li hi ta' benefiċċju biss għall-korporazzjonijiet transnazzjonali; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha b'mod attiv fil-grupp ta' ħidma miftuħ tan-NU bil-ħsieb ta' trattat vinkolanti dwar il-korporazzjonijiet multinazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem;

27.  Jinnota b'dispjaċir li d-dispożizzjonijiet tal-kapitolu tas-CETA dwar il-kummerċ transfruntier f'servizzi rigward l-aċċess għas-suq jeliminaw fil-biċċa l-kbira t-testijiet tal-ħtiġijiet ekonomiċi jew ir-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq in-numru ta' fornituri ta' servizz f'settur partikolari; iqis li l-prinċipju ta' prekawzjoni u l-applikazzjoni futura tiegħu mhumiex ankrati b'mod suffiċjenti fis-CETA;

28.  Jirrifjuta l-fatt li l-operaturi tal-ilma pubbliċi ma kienux esklużi b'mod ċar mid-dispożizzjonijiet tas-CETA, u b'hekk inħolqot sitwazzjoni fejn il-politiki governattivi f'dan il-qasam għall-protezzjoni tal-aċċess għal ilma nadif u tajjeb għax-xorb, jistgħu jiffaċċjaw talba skont il-kapitolu dwar l-investiment bħala "ostakoli għall-kummerċ", u dan joħloq preċedent validu għall-politiki kollha fis-settur pubbliku; jinnota, barra minn hekk, li fl-ebda parti tas-CETA ma hemm deskrizzjoni jew definizzjoni ta' servizzi pubbliċi;

29.  Jirrifjuta t-theddid impost mis-CETA fuq il-miżuri ta' politika pubblika fis-settur tas-saħħa pubblika, u jirrifjuta d-dritt tal-investituri barranin li jisfidaw dawk il-miżuri skont id-dispożizzjonijiet ta' investiment barrani; jiddispjaċih għall-fatt li l-interessi kummerċjali tal-kumpaniji multinazzjonali bl-appoġġ ta' sistema ta' arbitraġġ se jipprevalu, filwaqt li l-aspett uman u d-drittijiet tal-pazjenti jiġu traskurati;

30.  Jinnota li s-CETA jħeġġeġ lill-industrija tal-finanzi tieħu riskji akbar - bil-parteċipazzjoni f'investiment spekulattiv - bħala kwistjoni ta' sopravvivenza f'suq internazzjonali iktar kompetittiv; jemmen li s-CETA se jillimita wkoll l-għażliet regolatorji disponibbli għall-gvernijiet biex jindirizzaw l-instabbiltà finanzjarja billi, fost miżuri oħrajn, jagħti vuċi istituzzjonalizzata lill-industrija tal-finanzi fil-proċess regolatorju;

31.  Jirrifjuta l-ftuħ ulterjuri għal servizzi edukattivi ffinanzjati b'mod ikkombinat, b'mod partikolari fl-oqsma tal-edukazzjoni ta' qabel l-iskola, l-iskola u l-edukazzjoni għolja, kif ukoll it-taħriġ ulterjuri u tal-adulti, billi l-Ftehim multilaterali GATS diġà jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-liberalizzazzjoni li huma iktar minn suffiċjenti;

32.  Jinnota li s-CETA se jolqot b'mod negattiv l-aċċess għall-mediċini, speċjalment għall-Kanadiżi, li diġà qegħdin jiffaċċjaw it-tieni l-ogħla prezzjijiet għall-mediċini fid-dinja; Jinnota li s-CETA jista' jdgħajjef l-istandards ta' kwalità u l-affordabilità tas-Servizzi ta' Interess Ġenerali (servizzi soċjali, kura tas-saħħa, edukazzjoni, ilma);

33.  Jinnota li s-CETA ma jinkludix valutazzjoni tal-impatt potenzjali tiegħu fuq il-prezzijiet tal-mediċini, u li mhuwiex rikonoxxut li d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali (DPI) qed jaġixxu ta' ostakolu insormontabbli għal aċċess ekwu għall-mediċini;

34.  Iqis li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inklużi l-indikazzjonijiet ġeografiċi, għandhom jitneħħew mis-CETA, peressli r-regoli proposti huma wisq invażivi u jheddu l-aċċess għal mediċini affordabbli;

35.  Jafferma mill-ġdid li permezz tal-liberalizzazzjoni tas-swieq agrikoli s-CETA se jhedded l-istandards tas-sikurezza tal-ikel minħabba li jimblokka l-bidliet fir-regolamenti u jinkoraġġixxi deregolamentazzjoni ulterjuri permezz tal-Kumitat Konġunt tas-CETA; josserva, b'rabta ma' dan, li s-CETA huwa nieqes minn kull referenza speċifika għall-benessri tal-annimali, u b'hekk titħeġġeġ tendenza li jiġu ssagrifikati valuri soċjali u prinċipji etiċi sinifikanti fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali; jemmen li l-ftehim fil-forma attwali tiegħu joħloq theddida l-agrikoltura lokali fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha bis-sod għall-preservazzjoni stretta ta' standards attwali u futuri dwar is-sikurezza alimentari u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-pjanti u tal-uċuħ tar-raba' u l-protezzjoni ambjentali, il-protezzjoni tal-konsumatur u s-saħħa u l-benessri tal-annimali, kif definit skont il-leġiżlazzjoni tal-UE; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tiżgura li t-titjib ta' dawn l-istandards ma jkun bl-ebda mod imfixkel fil-futur, li l-valuri fundamentali tal-UE, bħalma huma l-prinċipju ta' prekawzjoni u l-biedja sostenibbli ma jiġux mhedda, u li ċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jkomplu jkollhom fiduċja fit-traċċabilità u t-tikkettar ta' prodotti fis-suq tal-UE, u tiddefinixxi miżuri speċifiċi li jirrispettaw il-prinċipju ta' prekawzjoni fin-negozjati;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel kull sforz biex tiżgura li l-importazzjonijiet agrikoli jitħallew jidħlu fl-UE biss jekk ikunu ġew prodotti b'mod konsistenti mal-istandards Ewropej dwar il-ħarsien tal-konsumatur, tal-benessri tal-annimali u tal-ambjent u mal-istandards soċjali minimi;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura protezzjoni legali xierqa fis-suq tal-Istati Uniti għal indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE u prodotti agrikoli ta' kwalità tal-UE, kif ukoll miżuri biex jiġu indirizzati l-użu mhux xieraq u l-informazzjoni u l-prattiki qarrieqa, u tiżgura wkoll protezzjoni fir-rigward tat-tikkettar, it-traċċabbiltà u l-oriġini ġenwina tal-prodotti agrikoli bħala element essenzjali ta' ftehim ibbilanċjat;

39.  Jinnota li l-ispejjeż esterni ta' ħsarat relatati mal-klima kkawżati minn distanzi itwal tat-trasport, volumi akbar ta' kummerċ, agrikoltura industrijali u l-qerda tal-ekonomiji lokali mhumiex ikkunsidrati jew għandhom biss rwol sekondarju fin-negozjati kummerċjali;

40.  Jinnota barra minn hekk li l-miżuri għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima bħat-tneħħija gradwali tal-fjuwils fossili, l-użu ta' sorsi ta' enerġija nodfa u t-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-agrikoltura mhumiex indirizzati, u li tista' tiġi stabbilita l-prattika li dawn jiġu appellati bħala ostakli illegali għall-kummerċ; jirrimarka li l-protezzjoni tal-investiment tagħmel ir-riforma għalja wisq;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm l-objettivi ta' żvilupp ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli u ta' effiċjenzja fl-użu tal-enerġija fil-kuntest taż-żieda fis-sigurtà enerġetika; jenfasizza li l-kapitlu kkonċernat jrid jintegra garanziji ċari li l-istandards ambjentali u l-għanijiet ta' azzjoni dwar il-klima tal-UE ma jiddgħajfux u li l-UE żżomm il-libertà li taġixxi b'mod indipendenti fit-twaqqif ta' standards u ta' għanijiet futuri;

42.  Jinnota li s-CETA jista' biss ikollu l-effett li jmur kontra l-objettiv tagħna li jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, minħabba l-impatt negattiv tiegħu fuq it-tibdil fil-klima u l-imminar tad-drittijiet ambjentali, soċjali u tax-xogħol;

43.  Jirrifjuta l-fatt li s-CETA qed idgħajjef il-ħarsien tad-data personali taċ-ċittadini tal-UE permezz tal-impenji li qed jittieħdu rigward il-flussi ta' data transkonfinali;

44.  Jinnota li l-partijiet għas-CETA ħareġ 38 dikjarazzjoni, stqarrija u dokument simili ieħor, għal raġunijiet ta' ċarezza u ta' interpretazzjoni; jinnota, barra minn hekk, li l-maġġoranza ta' dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom natura unilaterali, li jfisser li ftit li xejn għandhom valur legali u ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala vinkolanti f'termini ta' interpretazzjoni tat-test, u għalhekk huma insuffiċjenti biex ibiddlu jew jemendaw id-dispożizzjonijiet ewlenin tas-CETA biex ikunu konformi mal-interess pubbliku, kif ukoll mal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Gvern ta' Wallonie;

45.  Jinnota li l-Avukat Ġenerali fil-proċedura ta' Opinjoni 15/2, iddikjara li l-FTA bejn l-UE u Singapor huwa ftehim imħallat; iqis li dan huwa applikabbli wkoll għas-CETA u li dan il-ftehim għaldaqstant jeħtieġ ukoll ratifika mill-parlamenti nazzjonali kollha skont il-proċeduri domestiċi tagħhom;

46.  Jirrifjuta l-ftehim CETA u jirrifjuta li jagħti l-approvazzjoni tiegħu;

47.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.