Proċedura : 2017/2692(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0383/2017

Testi mressqa :

B8-0383/2017

Dibattiti :

PV 31/05/2017 - 15
CRE 31/05/2017 - 15

Votazzjonijiet :

PV 01/06/2017 - 7.12

Testi adottati :

P8_TA(2017)0243

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 424kWORD 52k
29.5.2017
PE605.486v01-00
 
B8-0383/2017

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-ġlieda kontra l-anti-Semitiżmu (2017/2692(RSP))


Roberta Metsola, Heinz K. Becker f'isem il-Grupp PPE
Juan Fernando López Aguilar, Birgit Sippel, Claude Moraes, Monika Flašíková Beňová, Cécile Kashetu Kyenge, Elly Schlein, Ana Gomes, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Marju Lauristin, Emilian Pavel, Tanja Fajon, Viorica Dăncilă f'isem il-Grupp S&D
Cecilia Wikström, Beatriz Becerra Basterrechea, Nathalie Griesbeck f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ġlieda kontra l-anti-Semitiżmu (2017/2692(RSP))  
B8-0383/2017

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari t-tieni inċiż, ir-raba' sas-seba' inċiż, l-Artikolu 2, it-tieni inċiż tal-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 6 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 17 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tat-7 ta' Diċembru 2000,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI(2),

–  wara li kkunsidra l-adozzjoni fl-2015 tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2106 (2016) tal-Kunsill tal-Ewropa tal-20 ta' April 2016 dwar l-impenn imġedded fil-ġlieda kontra l-antisemitiżmu fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Ewwel Seminar Akkademiku Annwali dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Kummissjoni, li sar fi Brussell fl-1 u t-2 ta' Ottubru 2015, bit-titolu ''Tolerance and respect: preventing and combating anti-Semitic and anti-Muslim hatred in Europe'',

–  wara li kkunsidra l-ħatra f'Diċembru 2015 ta' Koordinatur tal-Kummissjoni għall-ġlieda kontra l-anti-Semitiżmu,

–  wara li kkunsidra l-fatt li f'Ġunju 2016 ġie stabbilit Grupp ta' Livell Għoli tal-UE biex jiġu miġġielda r-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta' intolleranza,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta dwar il-ġlieda kontra d-diskors illegali ta' mibegħda onlajn miftiehem fil-31 ta' Mejju 2016 bejn il-Kummissjoni u kumpaniji ewlenin tal-IT, kif ukoll ma' pjattaformi u kumpaniji tal-midja soċjali oħrajn,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2015(3),

–  wara li kkunsidra l-attakki vjolenti u terroristiċi mmirati kontra membri tal-komunità Lhudija li seħħew f'dawn l-aħħar snin f'diversi Stati Membri,

–  wara li kkunsidra r-responsabbiltà primarja tal-gvernijiet għas-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċittadini kollha tagħhom, u għalhekk ir-responsabbiltà primarja tagħhom għall-monitoraġġ, il-prevenzjoni tal-vjolenza, inkluża l-vjolenza anti-Semitika, u li jieħdu passi legali kontra l-awturi tar-reati;

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi n-numru ta' inċidenti anti-Semitiċi fl-Istati Membri tal-UE żdied b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin, kif irrappurtat mill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), fost korpi oħrajn;

B.  billi ġie rrappurtat li miżuri tas-sigurtà mmirati, ladarba fis-seħħ, għenu għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-għadd ta' attakki vjolenti anti-Semitiċi;

C.  billi l-ġlieda kontra l-anti-Semitiżmu hija r-responsabilità tas-soċjetà kollha kemm hi;

1.  Jenfasizza li d-diskors ta' mibegħda u kull tip ta' vjolenza kontra ċittadini Lhud Ewropej huma inkompatibbli mal-valuri tal-Unjoni Ewropea;

2.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni jadottaw u japplikaw id-definizzjoni operattiva ta' anti-Semitiżmu użata mill-Alleanza Internazzjonali għat-Tifkira tal-Olokawstu (IHRA)(4) sabiex jappoġġaw lill-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi fl-isforzi tagħhom biex jidentifikaw u jħarrku l-attakki anti-Semitiċi b'mod aktar effiċjenti u effettiv, u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jsegwu l-eżempju tar-Renju Unit u tal-Awstrija f'dan ir-rigward;

3.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jikkontribwixxu b'mod attiv biex jiżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini Lhud tagħhom u tal-postijiet reliġjużi, edukattivi u kulturali Lhud, f'konsultazzjoni u djalogu mill-qrib ma' komunitajiet Lhud;

4.  Jilqa' l-ħatra ta' Koordinatur tal-Kummissjoni għall-ġlieda kontra l-anti-Semitiżmu, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi l-għodod kollha u l-appoġġ meħtieġa biex din il-funzjoni tkun kemm jista' jkun effettiva;

5.  Jistieden lill-Istati Membri jaħtru koordinaturi nazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-anti-Semitiżmu;

6.  Iħeġġeġ lill-membri tal-parlamenti nazzjonali u reġjonali u lill-mexxejja politiċi jikkundannaw sistematikament u pubblikament id-dikjarazzjonijiet anti-Semitiċi u jinvolvu ruħhom f'diskors li jikkontrobatti dan u f'narrattivi alternattivi, u jwaqqfu gruppi parlamentari mill-partiti kollha kontra l-anti-semitiżmu sabiex tissaħħaħ il-ġlieda fl-ispettru politiku kollu;

7.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-edukazzjoni fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' mibegħda u intolleranza, u jappella għal aktar appoġġ finanzjarju;

8.  Jistieden lill-Istati Membri jħeġġu lill-midja tippromwovi r-rispett għal kull twemmin u apprezzament tad-diversità, kif ukoll taħriġ għal ġurnalisti dwar il-forom kollha ta' anti-Semitiżmu, sabiex jiġi indirizzat kwalunkwe preġudizzju possibbli;

9.  Jistieden lil dawk l-Istati Membri fejn s'issa għad ma kienx hemm invokazzjoni ta' motivi bbażati fuq ir-razza, l-oriġini nazzjonali jew etnika jew reliġjon jew twemmin bħala li jikkostitwixxu fattur aggravanti f'każ ta' reat kriminali, biex jirrimedjaw din is-sitwazzjoni malajr kemm jista' jkun, u biex jaġixxu sabiex ikollhom id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali implimentata u infurzata bis-sħiħ u kif suppost, sabiex jiġi żgurat li l-atti anti-semitiċi kemm fl-ambjent onlajn kif ukoll offlajn jiġu mħarrka mill-awtoritajiet tal-Istati Membri;

10.  Jinsisti fuq l-għoti lill-awtoritajiet ta' infurzar b'taħriġ immirat dwar il-ġlieda kontra r-reati ta' mibegħda u d-diskriminazzjoni, u fuq it-twaqqif ta' unitajiet dedikati kontra r-reati ta' mibegħda fejn tali unitajiet ma jkunux għadhom jeżistu diġà, u jistieden lill-aġenziji tal-UE u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali jassistu lill-Istati Membri fil-provvista ta' taħriġ bħal dan;

11.  Iħeġġeġ kooperazzjoni transkonfinali fil-livelli kollha fil-prosekuzzjoni ta' reati ta' mibegħda, u fuq kollox fil-prosekuzzjoni ta' atti kriminali serji bħal attivitajiet terroristiċi;

12.  Jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jiżguraw li titwaqqaf sistema komprensiva u u effiċjenti għall-ġbir sistematiku ta' data affidabbli, rilevanti u komparabbli dwar ir-reati ta' mibegħda, imqassma skont il-motivazzjoni u li tinkludi atti ta' terroriżmu;

13.  Jistieden lill-Istati Membri, f'dak li għandu x'jaqsam mal-Kodiċi ta' Kondotta miftiehem bejn il-Kummissjoni u kumpaniji ewlenin tal-IT, iħeġġu intermedjarji onlajn u pjattaformi tal-midja soċjali biex jieħdu azzjoni rapida għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda anti-Semitika onlajn;

14.  Jenfasizza li l-iskejjel joffru opportunità unika biex jiġu trażmessi l-valuri tat-tolleranza u r-rispett, peress li jilħqu lit-tfal kollha minn età bikrija;

15.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu t-tagħlim tal-Olokawstu (tax-Shoah) fl-iskejjel u jiżguraw li l-għalliema huma mħarrġa b'mod adegwat għal dan il-kompitu u mgħammra biex jindirizzaw id-diversità fil-klassi; iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jikkunsidraw ir-reviżjoni tal-kotba tal-iskola biex jiżguraw li l-istorja Lhudija u l-ħajja kontemporanja Lhudija huma ppreżentati b'mod komprensiv u bilanċjat u li l-forom kollha ta' anti-Semitiżmu jiġu evitati;

16.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ finanzjarju għal attivitajiet u proġetti edukattivi immirati, biex jibnu u jsaħħu s-sħubijiet ma' komunitajiet u istituzzjonijiet Lhud, u jħeġġu l-iskambji bejn tfal u żgħażagħ ta' twemmin differenti permezz ta' attivitajiet konġunti, filwaqt li jniedu u jappoġġaw kampanji ta' sensibilizzazzjoni f'dan ir-rigward;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib ma' atturi internazzjonali bħall-UNESCO, l-OSKE u l-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll ma' sħab internazzjonali oħra, sabiex jiġu miġġielda l-anti-Semitiżmu fil-livell internazzjonali;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni titlob status konsultattiv fi ħdan l-IHRA;

19.  Jinkoraġġixxi lil kull Stat Membru jikkommemora uffiċjalment il-Jum Internazzjonali għat-Tifkira tal-Olokawstu fis-27 ta' Jannar;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-OSKE u lin-Nazzjonijiet Uniti.

 

(1)

ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55.

(2)

ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2016)0485.

(4)

http://ec.europa.eu/newsroom/just/item-detail.cfm?item_id=50144

Aġġornata l-aħħar: 31 ta' Mejju 2017Avviż legali