Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0450/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0450/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2018

30.6.2017 - (2017/2699(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura u l-ftehim qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea

Anthea McIntyre f'isem il-Grupp ECR

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0434/2017

Proċedura : 2017/2699(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0450/2017
Testi mressqa :
B8-0450/2017
Testi adottati :

B8-0450/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2018

(2017/2699(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-kompetittività tad-19 ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali (FII) bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-24 ta' Lulju 2014 tal-Grupp ta' Livell Għoli ta' Partijiet Interessati Indipendenti dwar il-Piżijiet Amministrattivi, bl-isem "Cutting Red Tape in Europe – Legacy and Outlook" (L-Eliminazzjoni tal-Burokrazija fl-Ewropa – Wirt u Perspettiva",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 bit-titlu "Lejn regolamentazzjoni mtejba tas-suq uniku"[1],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar ir-rapporti annwali 2012-2013 dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità[2],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-aħjar appoġġ ekonomiku u soċjali li l-Istati Membri jistgħu joffru liċ-ċittadini tagħhom biex jiżguraw kwalità ta' ħajja mtejba huwa ekonomija li qed tikber b'inflazzjoni baxxa u rati għolja ta' impjieg u ż-żieda fil-pagi, li jiġġeneraw ir-riżorsi meħtieġa biex jiġi ffinanzjat l-investiment għall-futur, infrastruttura u servizzi pubbliċi mtejba;

B.  billi l-Istati Membri qed iħabbtu wiċċhom ma' sfidi ekonomiċi sinifikanti fi klima diffiċli fis-suq globali li jistgħu jiġu milħuqa biss billi jinħolqu ekonomiji dinamiċi u kompetittivi, b'livelli dejjem jiżdiedu ta' produttività u innovazzjoni;

C.  billi s-sigurtà hija ta' tħassib serju f'era ta' theddid domestiku u internazzjonali;

D.  billi l-opinjoni pubblika saret aktar konxja ta' Unjoni li jidher li donnha qed tieħu setgħat u responsabilitajiet li huma eżerċitati b'mod aktar adatt fil-livell tal-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom jew miċ-ċittadini nfushom;

E.  billi ċ-ċittadini tal-UE, b'mod ċar, qed ifittxu Unjoni sempliċi li tiffaċilita l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri tagħha f'oqsma fejn din tista' żżid il-valur, iżda fuq kollox li tirrispetta l-prinċipji essenzjali tas-sussidjarjetà, il-proporzjonalità u l-għoti tal-kompetenzi;

PARTI 1: L-EWROPA TINSAB F'PUNT KRITIKU

 

Prinċipji ġenerali fit-tfassil tal-programm ta' ħidma 2018

 

1.  Jenfasizza l-fatt li l-Istati Membri huma l-bażi demokratika tal-UE u li l-Kummissjoni fil-proposti tagħha għall-2018 trid tesprimi importanza suffiċjenti għall-involviment tal-gvernijiet nazzjonali u reġjonali fil-ħidma tagħha;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex fl-2018 iżżomm proposti ġodda għal minimu, b'fokus fuq oqsma li fihom il-kooperazzjoni Ewropea tista' żżid il-valur b'konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà, il-proporzjonalità u l-għoti tal-kompetenzi;

3.  Jitlob għat-tfassil mill-ġdid ta' politiki u programmi tal-UE sabiex l-Istati Membri jkollhom aktar kontroll lokali fuq u aktar flessibilità fil-mod kif dawn ifittxu li jilħqu l-għanijiet Ewropej miftiehma;

4.  Jinsisti li l-Kummissjoni żżid il-livell ta' konsultazzjoni dwar proposti futuri possibbli ma' Stati Membri, gvernijiet reġjonali u lokali, u ċ-ċittadini b'mod dirett; jenfasizza l-importanza li jkun hemm biżżejjed żmien għal reazzjoni u l-użu ta' aktar "white Papers" u "green papers" li jistabbilixxu diversi opzjonijiet;

5.  Jenfasizza l-importanza li jitwassal valur għall-flus minfuqa u tiġi segwita politika ta' tolleranza żero f'każijiet ta' ġestjoni ħażina u frodi;

6.  Jissottolinja l-importanza għall-UE li tħares' il barra u li tiżviluppa rabtiet ekonomiċi, kummerċjali u strateġiċi mill-qrib ma' ħbieb u alleati, partikolarment dawk li huma ġirien qrib xulxin;

Prijoritajiet għall-2018

7.  Jistieden lill-Kummissjoni biex fl-2018 tipprijoritizza miżuri li se jippermettu lill-UE tappoġġa lill-Istati Membri tagħha fir-riforma tal-ekonomiji tagħhom sabiex jinkisbu tkabbir sostenibbli, il-ħolqien tal-impjiegi u l-prosperità fuq terminu twil;

8.  Jemmen li, fil-livell tal-UE, strument kruċjali biex titjieb il-perspettiva ekonomika huwa l-avvanz ta' aġenda ta' tfassil ta' liġijiet aħjar; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tfassal l-aġenda b'ambizzjoni, b'mod partikolari:

–  it-testijiet tal-SMEs u tal-kompetittività bħala parti mill-valutazzjonijiet tal-impatt,

–  l-iffissar ta' miri għat-tnaqqis tal-piżijiet,

–  l-Istħarriġ Annwali dwar il-Piżijiet, u

–  il-ħidma tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju;

u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-mikrointrapriżi jkunu eżenti kemm jista' jkun mill-proposti leġiżlattivi kollha sabiex in-negozji u l-intraprendituri l-ġodda jkunu jistgħu jiġu inkoraġġuti;

9.  Jitlob li l-enfasi tibqa' fuq konsolidazzjoni fiskali li tiffavorixxi t-tkabbir; jemmen li l-ispinta lill-investiment m'għandhiex titqies bħala alternattiva għar-riformi strutturali meħtieġa;

10.  Jenfasizza l-importanza tal-infurzar tal-politika tal-kompetizzjoni fil-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwi li jrawmu l-innovazzjoni, il-produttività, il-ħolqien tal-impjiegi u l-investiment mill-parteċipanti kollha fis-suq uniku u fil-mudelli kollha tan-negozju, inklużi l-SMEs;

11.  Jenfasizza l-importanza tal-progress fl-indirizzar tal-kriżi tal-migrazzjoni b'mod li juri ħafna aktar sensittività għat-tħassib mifrux fl-Istati Membri dwar il-migrazzjoni bla kontroll billi jipprovdi suġġerimenti ta' politika fattibbli, u li jirrispettaw il-prerogattivi tal-Istati Membri sovrani f'dan il-qasam;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprijoritizza n-negozjar ta' ftehim ġdid ta' kummerċ ma' pajjiżi terzi biex tiżgura prezzijiet aktar baxxi għall-konsumaturi Ewropej u swieq akbar għall-produtturi Ewropej, tiġġenera impjiegi ġodda u prosperità akbar;

13.  Jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni ta' politiki tal-ekonomija ċirkolari b'enfasi fuq il-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkooperaw u jiskambjaw prattiki tajba;

14.  Itenni l-ħtieġa li jiġu mħarsa d-drittijiet ta' persuni b'diżabilità f'konformità mal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità; jenfasizza l-importanza ġenwina tal-kisba tal-aċċessibilità sħiħa ta' prodotti, servizzi u ambjenti, li hija indispensabbli biex tkun possibbli l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fis-soċjetà;

15.  Ifakkar fil-ħtieġa li jiġi promoss il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għal persuni li jindukraw mhux uffiċjali li jieħdu ħsieb qraba dipendenti (l-anzjani, it-tfal, il-persuni b'diżabilità) mingħajr ma jkunu f'impjiegi uffiċjali;

16.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' konklużjoni pożittiva u amikevoli tan-negozjati dwar il-Brexit, filwaqt li jirrikonoxxi l-kontribut kbir li l-Renju Unit għamel lejn l-UE matul 40 snin, biex tkun żgurata sħubija ekonomika u politika b'saħħitha bejn l-Unjoni u r-Renju Unit għall-futur li tirrispetta r-rekwiżiti raġonevoli u l-interessi tal-partijiet kollha;

PARTI 2: PROPOSTI SPEĊIFIĊI GĦAT-TWASSIL TAL-10 PRIJORITAJIET TAL-PROGRAMM TA' ĦIDMA

1.  "Spinta Ġdida għall-Impjiegi, it-Tkabbir u l-Investiment"

Tfassil ta' liġijiet aħjar

17.  Ifakkar lill-Kummissjoni li kull proposta leġiżlattiva għandha tkun soġġetta għal valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa u analiżi kost-benefiċċji; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li kull valutazzjoni tal-impatt tkun immirata biex turi l-effetti possibbli fuq in-negozji u s-suq, u li l-proposti jsiru biss jekk l-effett maħsub huwa proporzjonat;

18.  Jenfasizza l-importanza tal-Kummissjoni inklużi t-testijiet tal-SMEs u l-kompetittività fil-valutazzjonijiet tal-impatt kollha, peress li dan jgħin biex jiżgura li l-kumpaniji, l-SMEs b'mod partikolari, ma jkollhomx il-piż żejjed tal-leġiżlazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tintroduċi l-użu tat-Test tal-SME fid-DĠs kollha u biex tikkoopera b'mod aktar iktar sistematiku mal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju sabiex tiġi żgurata applikazzjoni aktar strutturata tat-test bl-istess mod kif ġiet eżegwita fir-Regolament (UE) Nru 910/2014 u d-Direttiva 2011/7/UE;

19.  Jissuġġerixxi bil-qawwa li l-Kummissjoni tagħti bidu għal perjodu ta' "riflessjoni" wara l-konklużjoni ta' negozjati tat-trilogu għat-tlestija ta' valutazzjoni tal-impatt u kontroll tas-sussidjarjetà; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi għal evalwazzjoni u segwitu possibbli tal-indipendenza tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju fil-qadi tar-rwol tiegħu ta' superviżjoni u l-għoti ta' parir oġġettiv dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt rispettivi; jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar għandha dimensjoni lokali/reġjonali essenzjali, li mhux bilfors tkun indirizzata permezz tas-sussidjarjetà, billi tespandi l-proċessi tal-valutazzjoni tal-impatt regolatorju tagħha (differenti minn "valutazzjonijiet tal-impatt territorjali") biex teżamina l-impatt finanzjarju u amministrattiv eżistenti u standards ġodda fuq il-gvernijiet lokali/reġjonali;

20.  Jenfasizza l-importanza tal-istħarriġ annwali dwar il-piżijiet (ABS) maqbul bħala parti mill-FII dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, bħala għodda kruċjali biex jiġu identifikati u mmonitorjati, b'mod ċar u trasparenti, ir-riżultati tal-isforzi tal-Unjoni biex tevita u tnaqqas kwalunkwe regolamentazzjoni żejda u piżijiet amministrattivi, speċjalment peress li jaffettwaw lill-SMEs; jemmen li l-ABS irid jintuża biex jiġu identifikati l-piżijiet imposti kemm mill-proposti u l-atti leġiżlattivi individwali tal-Kummissjoni kif ukoll mit-traspożizzjoni u l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni mill-Istati Membri individwali, magħrufa bħala "regolamentazzjoni żejda" (gold-plating);

21.  Jistieden lill-Kummissjoni biex issegwi r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-rapporti annwali tal-2012, l-2013 u l-2014 dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità; jinnota, b'mod partikolari, talbiet li saru fir-rapporti għal analiżi fattwalment sostanzjata tal-proposti kollha mressqa mill-Kummissjoni abbażi tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità; jitlob li tiġi kkunsidrata l-proporzjonalità (minbarra s-sussidjarjetà) f'opinjonijiet motivati mill-parlamenti nazzjonali, li tkun teħtieġ reviżjoni tat-Trattati, għal evalwazzjoni tan-numru ta' parlamenti nazzjonali meħtieġa li tinħareġ karta safra, u biex jiġi estiż il-limitu ta' żmien għall-preżentazzjoni tal-opinjonijiet tas-sussidjarjetà mill-parlamenti nazzjonali;

22.  Jenfasizza t-talbiet magħmula fir-rapporti ta' valutazzjonijiet tal-proporzjonalità tal-Kummissjoni biex jitneħħew proposti b'piżijiet sproporzjonati fuq il-kompetittività u l-SMEs; ifakkar li ġiet mitluba green card għall-parlamenti nazzjonali u li l-Parlament talab lill-Kummissjoni biex twettaq kontroll tas-sussidjarjetà u valutazzjoni tal-impatt kompluta fil-konklużjoni tan-negozjati leġiżlattivi, biex jiġi żgurat li s-sussidjarjetà u l-proporzjonalità jiġu rispettati ladarba l-proposti jiġu emendati;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-FII il-ġdid, biex tressaq proposti li jistabbilixxu miri għat-tnaqqis tal-piżijiet f'setturi ewlenin bħala kwistjoni ta' urġenza; jistieden lill-Kummissjoni timmira għal tnaqqis ta' 25 % sal-2020 tal-ispejjeż ekonomiċi marbuta mal-piżijiet regolatorji għan-negozji f'kull qasam ta' politika, b'mira fuq terminu itwal ta' żmien ta' tnaqqis bin-nofs tal-piż ta' regolamenti tal-Unjoni eżistenti sal-2030; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni tapplika minnufih il-formula "għal kull standard ġdid li jinħoloq, żewġ standards antiki għandhom ikunu mħassra" billi tikkunsidra l-benefiċċji tal-introduzzjoni ta' kumpens regolatorju, li bih ir-regoli ġodda li jżidu l-piżijiet amministrattivi u regolatorji jistgħu jkunu imposti biss jekk jista' jiġi identifikat tnaqqis doppju korrispondenti fil-piżijiet eżistenti;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni (u lill-Parlament) biex jirrikonoxxu li l-gvernijiet lokali u reġjonali eletti demokratikament, u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, huma parti mill-proċess ta' tfassil ta' liġijiet Ewropej; jitlob speċifikament li dawn jiġu eżentati mill-obbligi tar-Reġistru ta' Trasparenza, kif diġà huwa l-każ għal reġjuni individwali;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti aktar attenzjoni bir-reqqa lill-iżgurar tat-trasparenza u s-separazzjoni tas-setgħat permezz ta' konformità iktar stretta mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 290 TFUE, u għalhekk, li ma jintużawx atti delegati biex jgħaddu miżuri leġiżlattivi ġenwini li għandhom jiġu adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

26.  Jenfasizza l-importanza kontinwa tal-aġenda REFIT u proposti leġiżlattivi sussegwenti wara l-valutazzjoni tal-impatt kumulattiv; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinkludi d-Direttiva Seveso III taħt il-programm kontinwu REFIT u biex tiffoka primarjament fuq l-impatt tan-negozji, b'mod partikolari l-SMEs, u l-kapaċità tagħhom li jagħmlu investimenti fit-tul, kif ukoll l-effett tagħha fuq il-possibilità ta' rilokazzjoni tal-produzzjoni tas-sustanzi kimiċi bbażati fl-UE;

27.  Jinnota l-proposti tal-Kummissjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li jfittxu li jsaħħu d-dimensjoni soċjali tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tiżgura, filwaqt li ssegwi l-prijoritajiet tagħha, li l-inizjattivi kollha taħt l-awspiċi tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni biex b'mod sistematiku tirrieżamina l-acquis soċjali, li jikkonsisti f'aktar minn 50 direttiva żviluppati mill-1958, u biex tidentifika opportunitajiet għal aktar simplifikazzjoni u tnaqqis tal-piżijiet, inkluż permezz tal-irtirar jew ir-revoka ta' leġiżlazzjoni fejn xieraq;

29.  Jirrikonoxxi li n-nisa għadhom mhumiex rappreżentati biżżejjed fis-suq tax-xogħol; jemmen f'dan ir-rigward li l-kuntratti tal-impjieg flessibbli, inklużi dawk temporanji u part-time, jistgħu jaqdu rwol importanti sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni ta' gruppi li kieku jistgħu jiġu esklużi mis-suq tax-xogħol; iqis li mhuwiex xieraq li l-Kummissjoni tressaq proposti leġiżlattivi, fosthom direttiva ta' qafas dwar xogħol deċenti, li tfittex li tillimita l-użu ta' tali kuntratti fl-Istati Membri;

30.  Ifakkar fl-Artikolu 155 tat-TFUE; jistieden lis-sħab soċjali, fil-kuntest ta' ftehimiet qafas attwali u futuri, jinkorporaw l-istrumenti ta' regolamentazzjoni mtejba, iżidu l-użu tal-valutazzjonijiet tal-impatt, u jirreferu ftehimiet li jipproponu azzjoni leġiżlattiva lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju tal-Kummissjoni;

Il-mezzi baġitarji

31.  Jinnota li l-Kummissjoni għandha tippubblika l-proposta tagħha għal qafas finanzjarju pluriennali ġdid (QFP) qabel l-1 ta' Jannar 2018, kif stipulat fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013; iqis li l-QFP li jmiss għandu jiżviluppa perkors lejn baġit modern għall-UE li jindirizza b'mod adegwat l-isfidi attwali, bħalma huma l-kriżi migratorja u tar-rifuġjati, it-theddida tat-terroriżmu, u tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni; jemmen li l-Kummissjoni għandha għalhekk twettaq rieżami komprensiv tal-infiq qabel in-negozjati dwar il-QFP li jmiss, sabiex tevalwa b'mod sistematiku kull qasam ta' politika taħt il-baġit tal-UE f'termini ta' effiċjenza, valur miżjud u kontribut lejn il-prijoritajiet globali tal-UE; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tallinja l-QFP li jmiss maċ-ċikli politiċi tal-Kummissjoni u tal-Parlament sabiex ittejjeb is-sjieda politika u, b'hekk, ir-responsabilità tal-baġit pluriennali tal-Unjoni; jemmen li l-limiti massimi tal-QFP maqbula fl-2013 għandhom jinżammu;

32.  Jinnota li l-Kummissjoni se tikkunsidra proposti mill-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji, inklużi kandidati ġodda għar-riżorsi proprji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ma titlobx setgħat li jżidu t-taxxi fl-UE; jirrakkomanda li ma jiġux abbandunati l-linji gwida stabbiliti dwar is-sistema attwali tar-riżorsi proprji, bħalma huma l-bilanċ attwali bejn il-baġit u r-riżorsi proprji tradizzjonali attwali (pereżempju tariffi u imposti fuq iz-zokkor), jew dawk dwar riżorsi proprji bbażati fuq id-dħul nazzjonali gross (DNG), u jemmen li r-riżorsi proprji għandhom jiġu ppreżentati b'mod ċar u uniformi fil-baġits nazzjonali sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u l-komparabilità tad-dħul tal-UE;

33.  Iqis li jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżviluppa sistema mtejba ta' kontroll baġitarju li jkun proporzjonat għall-benefiċċji miksuba permezz tal-finanzjament tal-UE; iqis li jenħtieġ li parti integrali ta' din is-sistema tkun tar-rappurtar tagħha, li għandu jkun trasparenti u ddettaljat biżżejjed, inkluż ir-rappurtar ta' informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-fondi tal-UE u jekk il-pagamenti jkunux tħallsu fil-ħin; jemmen li l-prestazzjoni, il-kosteffikaċja u r-riżultati miksuba permezz ta' finanzjament mill-UE dejjem jenħtieġ li jiġu skrutinizzati sabiex jiġu żgurati l-effetti sostenibbli fit-tul tan-nefqa tal-UE; ifakkar fit-talba tal-Parlament għal Kummissarju dedikat għall-Kontroll tal-Baġit, li jissostitwixxi wieħed mill-Kummissarji eżistenti, biex jaħdem mal-Istati Membri biex isolvu każijiet ta' frodi u ta' amministrazzjoni ħażina; jitlob li jitħejjew proposti biex tiġi riformata l-Qorti tal-Awdituri biex isservi kemm bħala awtorità tal-awditjar kif ukoll tal-evalwazzjoni, li twettaq jew tikkummissjona evawazzjonijiet indipendenti tal-programmi tal-Unjoni;

Trasport

34.  Jissottolinja l-ħtieġa li jitkompla l-iżvilupp tan-Netwerks trans-Ewropej tat-Trasport (TEN-T) u l-kurituri tan-netwerk ewlieni tagħhom bħala prijorità, sabiex tinħoloq rabta bejn in-netwerks tat-trasport tar-reġjuni kollha tal-UE u jiġu solvuti problemi bħan-nuqqas ta' infrastruttura xierqa u ta' aċċessibilità u bħall-interoperabilità baxxa bejn il-parti tal-lvant u dik tal-punent tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa ta' sinerġija bejn ir-riżorsi finanzjarji tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS), il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej sabiex jiġi żgurat l-aħjar użu tal-fondi disponibbli kollha tal-UE; jenfasizza, madankollu, li filwaqt li l-enfasi tas-CEF 2.0 jenħtieġ li tkun fuq għodod ta' finanzjament innovattivi u l-ikkombinar ta' diversi tipi ta' riżorsi, proporzjon suffiċjenti tal-għotjiet tagħha jenħtieġ li jitwarrbu għal proġetti ta' infrastruttura tat-trasport li kieku ma kinux jattiraw investiment privat minħabba kundizzjonijiet tas-suq differenti f'partijiet differenti tal-UE;

Riċerka

35.  Jistieden lill-Kummissjoni, fir-rieżami ta' nofs it-terminu u minħabba l-livell ta' dettall meħtieġ fi proposta ta' proġett tal-Orizzont 2020, biex tintroduċi kriterji ta' għażla aktar stretti waqt l-ewwel fażi ta' applikazzjoni, minħabba li għadd kbir ta' applikanti qed jinvestu ħin u sforz biex jipproduċu proposta sħiħa fit-tieni stadju bi ftit probabilità jew fiduċja ta' suċċess; huwa mħasseb li din il-problema hija partikolarment serja għall-SMEs;

36.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' riċerka applikata, b'mod partikolari riċerka li twassal għal għarfien, ħiliet u prattiki aħjar, sabiex jiġi żgurat li t-teknoloġiji l-ġodda jintużaw bl-aħjar mod possibbli; jistieden lill-Kummissjoni tibbilanċja aħjar il-bżonnijiet ta' riċerka u żvilupp fundamentali, applikati u translazzjonali biex tiġi żgurata t-trasformazzjoni effiċjenti u rapida ta' skoperti ġodda f'teknoloġiji u prodotti reali;

Ħiliet u programmi edukattivi

37.  Jenfasizza li l-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET2020) u l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet tal-Kummissjoni jenħtieġ li jikkumplimentaw azzjonijiet nazzjonali u jappoġġjaw l-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw edukazzjoni u sistemi ta' taħriġ formali u informali, partikolarment bil-ħsieb li jtejbu l-ħiliet fil-qari, fil-kitba u fl-aritmetika;

38.  jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-komunità esperta u l-partijiet interessati rilevanti, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-ġenituri, ikunu suffiċjentement involuti fl-iżvilupp ta' politika;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-effettività u l-valur miżjud tal-programmi ta' kultura u ta' edukazzjoni tal-UE, b'attenzjoni partikolari għall-programm Ewropa għaċ-Ċittadini, u li tippromwovi s-simplifikazzjoni tal-proċeduri u l-ġestjoni finanzjarja tajba fil-livelli kollha;

L-iżvilupp reġjonali u l-politika ta' koeżjoni

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi indikazzjoni qawwija ta' kif tipprevedi li se tiġi ffinanzjata u strutturata l-politika ta' koeżjoni ta' wara l-2020 u dwar kwalunkwe riforma fir-reġim attwali; jemmen li d-djalogu bejn l-istituzzjonijiet kollha jrid jiġi prijoritizzati sabiex jinħoloq proċess trasparenti ta' teħid ta' deċiżjonijiet; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu espressi l-limiti massimi attwali għal approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament taħt l-intestatura 1(b) bħala proporzjon tal-PDG tal-UE fil-baġit ġenerali tal-UE;

41.  Jitlob lill-Kummissjoni twettaq studji ulterjuri biex jiġi żgurat li l-politika ta' koeżjoni qed ikollha l-impatt maħsub tagħha fuq il-livell tal-benefiċjarji jew tal-proġetti; jemmen li dan huwa partikolarment importanti peress li huwa stmat li 25 % biss tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 se jkun ġie allokat sa tmiem l-2018;

42.  Jirrikonoxxi li r-Regolament Omnibus għamel numru ta' bidliet importanti ffokati fuq is-simplifikazzjoni, ir-razzjonalizzazzjoni u l-flessibilità; jemmen li jista' jsir aktar biex jiġi żgurat li l-assistenza teknika tkun immirata, sorveljata u evalwata sew; jemmen, barra minn hekk, li jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħti s-setgħa lill-atturi lokali billi tindirizza proċeduri kumplessi ta' approvazzjoni, ħlasijiet tard lill-benefiċjarji u problemi fl-ikkombinar ta' sorsi ta' finanzjament, u permezz tal-promozzjoni ta' approċċi lokali bħalma hu l-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità;

2.  "Suq Uniku Diġitali Konness"

43.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposti biex tistabbilixxi l-prinċipju ġenerali tal-moviment liberu tad-data u biex tneħħi r-restrizzjonijiet ta' lokalizzazzjoni tad-data fl-UE kollha;

3.  "Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti li Tħares 'il Quddiem fil-Politika dwar it-Tibdil fil-Klima"

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-konsegwenzi soċjoekonomiċi tad-disinn il-ġdid tas-suq tal-elettriku, b'mod partikolari fir-reġjun tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, li x'aktarx se jbati spejjeż ogħla għat-tranżizzjoni tal-enerġija minn Stati Membri oħra tal-UE;

45.  Jinsab imħasseb dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri skont linji gwida konsistenti biex tiżgura implimentazzjoni effettiva; jappoġġja, fejn ikun xieraq, il-prinċipju "l-Effiċjenza tiġi l-Ewwel", u jemmen li jenħtieġ li l-objettivi jkunu proporzjonati u realistiċi;

4.  "Suq Intern Aktar Profond u Ġust b'Bażi Industrijali Msaħħa"

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposti abbażi tal-valutazzjoni tagħha tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur (Direttiva 2009/103/KE), b'mod partikolari dwar ir-riżoluzzjoni ta' kwistjonijiet li jiffaċċjaw l-utenti tal-vetturi li jirriżultaw mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea Vnuk vs Triglav, u biex tikkunsidra titjib ieħor għal ċittadini li jkunu qed ifittxu li tingħatalhom assigurazzjoni, bħar-rikonoxximent ta' perjodi mingħajr pretensjonijiet tal-assigurazzjoni fi Stati Membri għajr l-Istat li fih l-assigurazzjoni tkun qed titfittex, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jibbenefikaw minn offerti disponibbli għall-konsumaturi ta' dawk l-Istati Membri;

47.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, meta tkun qed tfassal ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Ħaddiema Stazzjonati (Direttiva 96/71/KE) tqis kemm il-funzjonament xieraq tas-suq intern kif ukoll il-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, meta tkun qed tfassal regoli ta' dritt ċivili dwar ir-robotika, tikkunsidra l-approċċ speċifiku għas-settur propost mill-Parlament sabiex tħeġġeġ l-innovazzjoni u tirrispetta l-istadji differenti ta' żvilupp robotiku f'setturi differenti u bejn l-Istati Membri;

48.  Jitlob l-adozzjoni rapida tat-tielet u r-raba' pakketti dwar l-emissjonijiet f'sewqan reali (RDE), b'segwitu għall-eżiti tal-Kumitat ta' Inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku, bl-għan li tiġi stabbilita definizzjoni preċiża tal-kundizzjonijiet li taħthom il-limiti attwali tas-CO2 u l-NOx iridu jiġu ssodisfati;

49.  Jinnota li d-dispożizzjonijiet ewlenin taħt ir-Regolament tal-Prodotti Bijoċidali dwar l-approvazzjoni ta' fornituri u r-reġistrazzjoni ta' sustanzi attivi użati għal oġġetti ttrattati jiffaċċjaw kwistjonijiet ta' konformità sinifikanti minħabba nuqqas ta' sensibilizzazzjoni fost in-negozji affettwati; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni biex tibni fuq il-ħidma li diġà twettqet fil-qafas tal-kontroll tal-idoneità dwar il-leġiżlazzjoni l-aktar rilevanti dwar is-sustanzi kimiċi (ħlief REACH), kif ukoll dwar aspetti tal-leġiżlazzjoni relatati applikati għal industriji downstream, u biex tinkludi r-Regolament taħt l-aġenda REFIT tagħha tal-2018, b'mod partikolari fir-rigward tal-piżijiet finanzjarji u amministrattivi li jiffaċċjaw l-SMEs u l-mikrointrapriżi meta jħejju d-dossiers ta' approvazzjoni għall-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA);

50.  Jinnota l-isfidi finanzjarji u regolatorji għall-Istati Membri biex jikkonformaw mad-Direttiva dwar in-Nitrati (Direttiva 91/676/KEE), ta' spiss meqjusa bħala eżempju fqir ta' leġiżlazzjoni tal-UE effettiva, b'diversi każijiet ta' ksur li għadhom pendenti; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi armonizzat iċ-ċiklu ta' rappurtar tagħha ma' dak tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (Direttiva 2000/60/KE) sabiex l-istess data ta' monitoraġġ tkun tista' tintuża għar-rieżamijiet taż-żewġ Direttivi, u li jiġu llimitati u ssimplifikati r-rekwiżiti ta' ppjanar tan-nitrati, li kienu ta' piż burokratiku żejjed għas-settur agrikolu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid il-ħidma tagħha tal-2012 dwar il-kontroll tal-idoneità tal-politika tal-ilma ħelu tal-UE, u biex tinkludi rieżami sistematiku tad-Direttiva dwar in-Nitrati fl-Aġenda REFIT tal-2018 tagħha sabiex tissimplifika r-rekwiżiti kumplikati u tnaqqas l-ispejjeż tal-konformità;

51.  Jinnota li l-oqfsa u l-istrumenti tad-data operattivi attwali rigward ir-regoli għall-vitamini u l-minerali użati bħala ingredjenti ta' supplimenti tal-ikel taħt id-Direttiva dwar is-Supplimenti tal-Ikel (2002/46/KE) ta' spiss jissemmew bħala eżempju ta' leġiżlazzjoni tal-UE dgħajfa u li ħarġet mill-użu, b'għadd kbir ta' lakuni ta' armonizzazzjoni fl-UE kollha, mhux biss f'termini ta' oqsma regolatorji u kooperazzjoni bejn l-aġenziji, iżda wkoll ta' diverġenzi nazzjonali dwar firxa wiesgħa ta' nutrijenti u ingredjenti li jistgħu wkoll ikunu preżenti fl-ikel; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-ħidma li diġà saret u li tikkoopera mill-qrib mal-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel (EFSA) fir-rieżami tas-sitwazzjoni attwali tas-suq Ewropew tal-ikel tajjeb għas-saħħa, billi tagħmel użu xieraq ta' riċerka xjentifika;

52.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat investiment kontinwu tul iċ-ċiklu kreattiv u aċċess għal kontenut ta' media awdjoviżiva ta' kwalità għolja għall-konsumaturi, filwaqt li tittejjeb il-protezzjoni tal-minuri u jiġu appoġġjati l-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tkompli bl-impenn tagħha biex jitwettqu valutazzjonijiet tal-impatt u t-teħid ta' miżuri bbażati fuq l-evidenza, u tħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri u l-industrija, filwaqt li jfakkar fil-prinċipju tas-sovranità kulturali;

Is-sajd

53.  Jilqa' l-progress li qed isir minn flotot tas-sajd tal-UE biex jintlaħqu l-għanijiet u l-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), b'mod partikolari l-Artikolu 2 dwar sajd ambjentalment sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja u tkompli tippromwovi t-tikketti (Eco-) bħala mekkaniżmu għar-rikonoxximent ta' ħut ta' kwalità tajba maqbud b'mod sostenibbli u biex tiġi garantita traċċabilità mill-baħar sal-platt; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-PKS u l-obbligu ta' ħatt l-art jiġu implimentati b'mod korrett f'perjodi ta' żmien realistiċi; jistieden lill-Kummissjoni tkompli taħdem mill-qrib mas-sajjieda u max-xjenzjati biex tidentifika u tbassar fejn jistgħu jinsabu speċijiet bi kwota limitanti u biex tiżviluppa soluzzjonijiet ta' riċerka bħal tekniki tas-sajd innovattivi, per eżempju, sajd intensiv perjodiku;

54.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tirrevedi r-Regolament (KE) Nru 1967/2006 (ir-Regolament dwar il-Mediterran), b'mod partikolari l-parti li tirreferi għall-projbizzjoni fuq l-użu ta' ċertu tagħmir tradizzjonali u d-dispożizzjonijiet relatati mal-karatteristiċi speċifiċi tat-tagħmir tas-sajd; huwa mħasseb dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan pluriennali għal stokkijiet pelaġiċi żgħar fil-Baħar Adrijatiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li tinkludi qafas ġdid ta' ġestjoni;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni ssib soluzzjoni prammatika fir-rigward tas-sajd industrijali sabiex tiġi regolata u limitata l-prattika tal-użu ta' riżorsi tal-ħut ta' valur għall-ħut mitħun, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-ekosistemi vulnerabbli fil-Baħar Baltiku; jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina l-leġiżlazzjoni eżistenti biex tappoġġja s-sajd fuq skala żgħira b'mod partikolari, u telabora d-definizzjoni tiegħu; jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni tirrieżamina l-leġiżlazzjoni eżistenti bl-għan li jiġi introdott perjodu ta' għeluq staġjonali għas-sajd tal-bakkaljaw fil-Baħar Baltiku, biex jiġi limitat is-sajd tal-bakkaljaw li jkun għadu qed jikber;

Agrikoltura

56.  Jilqa' l-fatt li konsultazzjoni pubblika mifruxa fuq tnax-il ġimgħa miżmuma mill-Kummissjoni u l-fatt li l-President Juncker u l-Kummissarju Hogan irrikonoxxew li l-PAK teħtieġ li tingħata ħajja ġdida u li tirċievi finanzjament suffiċjenti; jittama li l-input mingħand il-bdiewa, iċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet akkwistat waqt din il-konsultazzjoni se jsawwar il-ġejjieni tal-PAK; jenfasizza li jenħtieġ li l-PAK tiżgura li l-kontribwenti jirċievu valur għall-flus mill-investiment li jagħmlu fl-agrikoltura, filwaqt li toqrob lejn l-ugwalizzazzjoni tal-ħlasijiet diretti bejn l-Istati Membri u tiżgura li l-UE tkun tista' żżomm u żżid il-potenzjal tal-produzzjoni tal-ikel;

57.  Huwa diżappuntat bin-nuqqas ta' azzjoni għall-iżgurar ta' użu aktar effiċjenti ta' nutrijenti bħan-nitroġenu, il-fosfru u l-potassju, li ttejjeb il-produzzjoni tal-ikel u tal-enerġija; jenfasizza li d-degradazzjoni tal-ħamrija qed tkompli tkun restrizzjoni kbira fil-produzzjoni agrikola tal-UE;

58.  Huwa mħasseb dwar il-mod kif il-Kummissjoni ttrattat għadd ta' atti delegati; ifakkar lill-Kummissjoni li jenħtieġ li l-atti delegati jindirizzaw aġġustamenti tekniċi u amministrattivi u ma jintroduċux miżuri agrikoli istigati minn motivazzjoni politika fil-PAK, u b'hekk tiġi evitata l-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

59.  Jenfasizza li jridu jkunu disponibbli aktar għodod volontarji għall-bdiewa tal-UE taħt il-Pilastru II sabiex ikunu jistgħu jittrattaw iż-żieda fil-volatilità tal-prezzijiet u perjodi twal ta' prezzijiet baxxi; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri biex tiżviluppa ġabra ta' għodod għall-ġestjoni tar-riskju tal-UE; jenfasizza li l-għodda prinċipali tal-istabilizzazzjoni tad-dħul għall-bdiewa hija l-pagamenti diretti taħt il-Pilastru I; jistieden lill-Kummissjoni tesplora miżuri li jiżguraw it-trasparenza tas-suq tul il-katina kollha tal-provvista tal-ikel;

60.  Jistieden lid-DĠ AGRI jaħdem mill-qrib mad-DĠ EMPL u d-DĠ GROW biex tiġi żgurata attenzjoni reali għas-settur agroalimentari; jinnota li jekk is-settur agroalimentari tal-UE jrid ikun kompetittiv fuq is-suq dinji, l-isforzi jridu jkunu kkonċentrati fuq il-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment fl-azjendi agrikoli kollha irrispettivament mit-tip u d-daqs, sabiex jiġi massimizzat il-potenzjal tal-produzzjoni; jenfasizza li jekk l-Ewropa trid tiżviluppa l-metodi ta' biedja ta' preċiżjoni u l-agriteknoloġiji tagħha, jenħtieġ li l-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri biex tippjana investiment f'taħriġ u edukazzjoni agrikoli tekniċi jew ta' livell għoli;

5.  "Unjoni Ekonomika u Monetarja Aktar Profonda u Aktar Ġusta"

61.  Jenfasizza l-importanza tal-kisba ta' Unjoni tas-Swieq Kapitali; jenfasizza, madankollu, li kwalunkwe proposta leġiżlattiva ulterjuri jenħtieġ li ssir biss jekk l-effetti mixtieqa ma jkunux jistgħu jinkisbu b'mezzi mhux leġiżlattivi;

62.  Jirrileva li l-miżuri mhux leġiżlattivi, fosthom l-inkoraġġiment ta' soluzzjonijiet immexxija mis-suq u l-infurzar effettiv tal-liġijiet dwar il-kompetizzjoni u s-suq uniku jistgħu joffru l-aħjar triq 'il quddiem f'xi oqsma;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi li d-diversità bejn il-mudelli tan-negozju u s-swieq finanzjarji tal-Istati Membri jistgħu jikkostitwixxu elementi pożittivi li jkun tajjeb li jiġu mħarsa għall-Ewropa kollha kemm hi;

64.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġi emendat ir-regolament biex dan jiġi allinjat mal-ftehimiet internazzjonali, pereżempju l-impenji ta' Basel li għaddejjin bħalissa;

65.  Jilqa' l-ħidma li saret min-naħa tal-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jippromwovu b'mod attiv il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-użu tar-rifuġji fiskali, permezz tal-użu tal-għarfien espert tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) fit-trawwim ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa;

66.  Jitlob li jkun hemm aderenza stretta mal-klawsola li tipprojbixxi s-salvataġġ finanzjarju bħala opzjoni lodevoli għar-riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika;

67.  Jenfasizza l-importanza tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni Bankarja u tat-tisħiħ tad-djalogu mal-esperti tas-settur għall-evalwazzjoni tal-impatt u l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni adottata;

6.  "Il-kummerċ"

68.  Jappoġġa l-isforzi kontinwati tal-Kummissjoni biex tinnegozja dispożizzjonijiet speċifiċi maħsuba biex itejbu l-kapaċità tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju li jinvolvu ruħhom fil-kummerċ u l-investiment; jirrikonoxxi l-proliferazzjoni tal-ktajjen tal-provvista globali integrati fix-xejriet kummerċjali internazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi strateġija għall-kummerċ diġitali li tqis l-opportunitajiet li toffri lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju billi tiffaċilita l-aċċess għas-swieq globali; jirrakkomanda li din l-istrateġija tagħmel ħiltha biex ittejjeb il-konnettività u l-bini tal-kapaċitajiet għall-kummerċ elettroniku billi telimina restrizzjonijiet mhux ġustifikati fuq il-flussi tad-data transfruntiera, dment li jkunu hemm regoli adegwati li jippromwovu kummerċ diġitali miftuħ, affidabbli u sikur; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel progress f'dak li jikkonċerna l-aġenda kummerċjali diġitali fin-negozjati ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles li għaddejjin bħalissa u li għad irid isiru, kif ukoll fil-livell tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), peress li l-organizzazzjoni jeħtieġ li tkompli tirrappreżenta forum flessibbli u dinamiku għan-negozjati;

69.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq rieżami tal-qafas kummerċjali AKP-UE rregolat mill-Ftehim ta' Cotonou, li se jiskadi fl-2020; jinnota li din hija opportunità tajba biex tiġi evalwata r-rabta u ssir ħidma fuq mudell ġdid li jqis is-sejbiet bbażati fuq l-evidenza dwar l-impatt, l-effikaċja, il-valur miżjud tal-UE u l-bidliet attwali fil-kuntest internazzjonali; jemmen li l-qafas il-ġdid għandu jkollu l-għan li jappoġġa t-tkabbir ekonomiku fil-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u l-integrazzjoni tagħhom fl-ekonomija globali; jitlob, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tiżviluppa politika kummerċjali ċara u b'saħħitha li tinkludi, iżda ma tkunx limitata għal, l-iżvilupp tas-settur privat, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u l-liberalizzazzjoni reċiproka; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel dan f'konformità mal-prinċipju ta' koerenza tal-politika għall-iżvilupp;

70.  Jirrikonoxxi u jappoġġa l-approċċ meħud fl-Istrateġija Kummerċ għal Kulħadd, b'mod partikolari inklużi d-dispożizzjonijiet kontra l-korruzzjoni fi ftehimiet kummerċjali futuri, fid-dawl tar-rwol magħruf li l-korruzzjoni għandha fil-faċilitazzjoni tal-kummerċ illegali; jitlob lill-Kummissjoni ssegwi politika kummerċjali li tindirizza l-kummerċ illegali meta jkun qed isir negozjar ma' sħab kummerċjali; jirrakkomanda li tagħmel dan f'konformità mal-oqfsa eżistenti ta' kummerċ internazzjonali nnegozjati fuq livell multilaterali;

7.  "Żona ta' Ġustizzja u Drittijiet Fundamentali Bbażata fuq il-Fiduċja Reċiproka"

71.  Jemmen li l-interoperabilità sħiħa tal-bażijiet tad-data tal-UE fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni, li għalihom l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti għandhom aċċess adegwat, inkluża d-data bijometrika, hija essenzjali għal ġlieda aktar effikaċi kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa standards għall-bażijiet tad-data attwali u futuri li jinkorporaw il-prinċipji tas-sigurtà fid-disinn u, fejn applikabbli, il-limitazzjoni tal-iskop b'mod awtomatiku; jemmen, barra minn hekk, li l-UE u l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jagħmlu użu minn informazzjoni u skambju ta' informazzjoni ma' bażijiet tad-data internazzjonali, bħal dawk ġestiti mill-Interpol; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri biex jiġi żgurat li fil-bażijiet tad-data tal-UE tittella' informazzjoni rilevanti permanenti u ta' kwalità tajba;

72.  Jemmen li l-ħidma fuq bażijiet tad-data ġodda jew aġġornati għandha tkun prijorità, inkluż is-Sistema ta' Dħul/Ħruġ, is-Sistema tal-UE ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS), il-pakkett SIS II, l-Eurodac, Sistema ta' Indiċi Ewropea tar-Rekords tal-Pulizija (EPRIS) u s-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali (ECRIS), u li għandu jkun disponibbli finanzjament xieraq biex dawn jitwettqu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi kontinwament l-iżviluppi teknoloġiċi bil-għan li ttejjeb is-sistemi tal-informazzjoni, b'kont meħud tal-importanza tal-veloċità u l-affidabilità għall-utilizzabilità tagħhom;

73.  Jappoġġa li r-reviżjoni li jmiss tal-Istrateġija taċ-Ċibersigurtà; jistieden lill-Kummissjoni twettaq rieżami tal-leġiżlazzjoni eżistenti fil-qasam taċ-ċiberkriminalità u tressaq proposta li tistabbilixxi qafas ċar għar-relazzjonijiet bejn il-kumpaniji privati u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u r-radikalizzazzjoni online, filwaqt li tqis is-sigurtà tal-ipproċessar tad-data persunali u r-riskju ta' ksur tad-data;

74.  Jitlob li ssir aktar ħidma fil-ġlieda kontra l-propaganda online, b'mod partikolari l-propaganda li tippromwovi ideoloġiji estremisti, iżda wkoll li l-għan tagħha huwa li tiddestabbilizza, bħall-isforzi ta' propaganda kkoordinati mir-Russja; jitlob li jkun hemm aktar finanzjament xieraq tal-Unità ta' Indikazzjoni ta' Kontenut fuq l-Internet tal-Europol;

75.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina l-iskambju tal-aħjar prattiki f'dak li jikkonċerna l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet fl-UE;

8.  "Lejn Politika Ġdida dwar il-Migrazzjoni"

76.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha sabiex tikkonkludi ftehim mal-partijiet rilevanti kollha fil-Libja bil-għan li jitwaqqaf l-influss illegali ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fit-territorju tal-UE;

77.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli n-negozjati ma' pajjiżi terzi dwar il-ftehimiet ta' ritorn u riammissjoni bħala parti kruċjali minn sistema ta' asil ġusta u biex twettaq rieżami tad-Direttiva dwar ir-Ritorn (Direttiva 2008/115/KE) bil-għan li tevalwa jekk din għadhiex tipprovdi qafas legali adegwat għal politika tal-UE dwar ir-ritorn; jemmen li, fil-livell tal-Istat Membri, ir-risistemazzjoni volontarja tista' tintuża bħala strument biex tingħata protezzjoni internazzjonali;

78.  Jappoġġa l-għan li fl-Istati Membri jiġu stabbiliti proċeduri u kundizzjonijiet stretti f'dak li jikkonċerna l-asil; jemmen, madankollu, li fl-aħħar mill-aħħar l-Istati Membri huma, u għandhom jibqgħu, responsabbli għall-fruntieri tagħhom, il-politiki tas-suq tax-xogħol, u l-aċċess għas-sigurtà soċjali, il-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-edukazzjoni;

79.  Jemmen li jeħtieġ li jsiru aktar sforzi biex jiġi żgurat appoġġ għall-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta, fosthom permezz tal-ġbir tar-riżorsi, meta din tieħu f'idejha kompiti ġodda importanti, inkluża l-Unità Ċentrali futura tal-ETIAS;

9.  "Attur Globali Aktar b'Saħħtu"

80.  Jappella għal reviżjonijiet regolari tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) biex jiġi żgurat li din tindirizza s-sitwazzjonijiet li jevolvu b'mod kostanti fuq il-fruntieri tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-UE; barra minn hekk jinsisti li l-ħidma u l-baġits tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jiġu skrutinizzati u ġustifikati b'mod xieraq; jemmen li din l-evalwazzjoni m'għandhiex tiffoka biss fuq jekk il-flus jintefqux tajjeb jew le, iżda wkoll jekk l-objettivi tal-PEV humiex qed jintlaħqu;

81.  Iħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi n-NU, in-NATO u l-Commonwealth, biex b'hekk jiġi żgurat ir-rikonoxximent ta' politika barranija globali kondiviża, tal-isfidi tas-sigurtà u dawk umanitarji, u tal-kompetenza nazzjonali f'dawn l-oqsma;

82.  Jinsisti li l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tibqa' dimensjoni importanti tal-objettivi tal-politika barranija tal-UE u r-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi, inkluż f'oqsma bħal-libertà reliġjuża, il-libertà tal-espressjoni, il-libertà politika, id-drittijiet tan-nisa, it-tfal u l-persuni b'diżabilità, u d-drittijiet tal-gruppi minoritarji, inklużi l-persuni LGBTI;

83.  Jitlob li tinżamm pressjoni diplomatika, inkluż l-użu ta' sanzjonijiet immirati kontra individwi, gruppi u l-Gvern Russu, sabiex jissolva bil-paċi l-kunflitt fl-Ukrajna; jinsisti fuq konformità stretta mal-politika ta' nonrikonoxximent għall-Krimea okkupata mir-Russja;

84.  Iħeġġeġ kooperazzjoni internazzjonali ulterjuri sabiex tinstab soluzzjoni nnegozjata tal-kunflitt bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, sabiex Stat Iżraeljan sigur u rikonoxxut b'mod universali jkun jista' jeżisti maġenb Stat Palestinjan sovran u vijabbli;

Is-sigurtà

85.  Jirrikonoxxi lin-NATO bħala l-pedament tal-politika Ewropea fejn jidħlu d-difiża u s-sigurtà, u jirreżisti kwalunkwe miżura li ddgħajjef ir-rabtiet tal-UE mas-sħab internazzjonali fil-qasam tad-difiża; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem flimkien mal-Istati Membri biex tilħaq il-mira stabbilita għall-membri tan-NATO li jonfqu 2 % tal-PDG fuq id-difiża;

86.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-objettivi u l-kosteffikaċja tal-missjonijiet ċivili tal-UE taħt il-Politika Ewropea ta' Sigurtà u Difiża Komuni (PSDK) bil-għan li tiġi żviluppata b'mod aktar effikaċi żona ġenwina u utli ta' komplementarjetà mar-rwol ta' organizzazzjonijiet oħra;

87.  Iħeġġeġ, bħala l-akbar kontributur internazzjonali fl-azzjoni kontra l-mini tal-art antipersuna, li jsir rieżami tal-indirizzar u l-finanzjament min-naħa tal-UE tal-azzjoni fil-qasam tal-mini bil-għan li tali azzjoni tiġi konkluża b'suċċess fl-iqsar żmien possibbli;

88.  Jipproponi l-identifikazzjoni tal-finanzjament għar-riċerka u l-azzjoni prattika fil-qasam taċ-ċibersigurtà, b'mod partikolari l-protezzjoni tal-infrastruttura u t-tisħiħ tar-reżiljenza nazzjonali, bil-għan li jiġi determinat fejn jinsab l-akbar valur miżjud, filwaqt li titqies il-ħidma mwettqa minn organizzazzjonijiet oħrajn;

L-iżvilupp

89.  Jemmen li r-rwol tas-settur pubbliku huwa fundamentali għall-ksib tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs); jemmen li s-settur privat, taħt kundizzjonijiet ta' kummerċ ħielsa u ġusti, huwa l-mutur tal-ħolqien tal-ġid u t-tkabbir ekonomiku fl-ekonomiji tas-suq kollha, u jiġġenera 90 % tal-impjiegi u d-dħul fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jinnota li, skont in-NU, is-settur privat jammonta għal 84 % tal-PDG fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u għandu l-kapaċità li jipprovdi bażi sostenibbli biex ikun hemm anqas dipendenza fuq l-għajnuna u ssir mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi;

90.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas ċar, strutturat, trasparenti u responsabbli li jirregola s-sħubijiet u l-alleanzi mas-settur privat fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jappella, barra minn hekk, li fil-livell tal-UE jitwaqqfu pjattaformi settorjali u li jinvolvu bosta partijiet ikkonċernati, biex b'hekk jingħaqdu s-settur privat, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ), l-NGOs, it-think tanks, il-gvernijiet sħab, id-donaturi u partijiet ikkonċernati oħra, bil-għan li tiġi pprovduta informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta' parteċipazzjoni fi sħubijiet pubbliċi-privati, ikun hemm skambji tal-aħjar prassi u jingħata appoġġ tekniku fir-rigward tal-qafas ġuridiku u tal-isfidi mistennija li jirriżultaw mill-interventi kollaborattivi ta' żvilupp;

91.  Jilqa' r-rwol tal-BEI fl-iżvilupp tas-settur privat fil-livell lokali; jissottolinja l-fatt li s-sostenn tal-BEI għall-mikrofinanzjament diġà kien partikolarment ta' suċċess, b'sostenn ta' EUR 184 miljun f'mikrokrediti għal 230 500 impjieg f'mikrointrapriżi fid-dinja kollha, u li dawn l-mikrokrediti għandhom perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi qawwija, fattur li jiġġenera d-doppju ta' impjiegi għan-nisa kif ukoll għall-irġiel; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu s-suċċess tal-politiki ta' mikrofinanzjament permezz ta' żieda fir-riżorsi finanzjarji disponibbli; jinnota li l-BEI jiddedika riżorsi addizzjonali għall-mikrofinanzjament permezz tal-mandat ta' self estern tal-UE fil-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw u li fihom hija attiva l-UE;

92.  Ifakkar li l-SDG 3 jiddikjara b'mod ċar li sal-2030 kulħadd għandu jkun jista' jgawdi minn saħħa mentali u fiżika tajba tul ħajjithom kollha; jissottolinja l-fatt li, kull sena, 100 miljun ruħ jaqgħu fil-faqar bħala konsegwenza tal-ispejjeż relatati tas-saħħa li huma sproporzjonati meta mqabbla mad-dħul tagħhom, u li, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), aktar minn terz tal-popolazzjoni tad-dinja, u aktar minn 50 % fl-Afrika, m'għandhomx aċċess għall-mediċini minħabba inugwaljanzi bħal livelli inferjuri ta' edukazzjoni u ta' introjtu, aċċess limitat għall-informazzjoni, infrastruttura fqira u aċċess limitat għall-punti mediċi fiż-żoni rurali, b'nuqqas korrispondenti ta' dijanjożi, li jwassal għal nuqqas ta' trattament u aċċess minimu għall-medikazzjoni;

93.  Ifakkar li l-għan għandu jkun li jintlaħqu n-nies li jeħtieġu kura tas-saħħa kull fejn u kull meta jkollhom bżonnha, bir-rispett dovut lejn is-sovranità tal-pajjiżi terzi kkonċernati, filwaqt li għandu jiġi rikonoxxut li d-disponibilità tal-mediċini, kif ukoll is-sistemi tal-kura tas-saħħa, huma milquta mill-kunflitti u l-kriżijiet; jemmen li, f'każijiet bħal dawn, is-sistemi ta' rispons għall-emerġenzi huma meħtieġa biex jiġu impediti t-tifqigħat possibbli u/jew jingħata rispons effikaċi għalihom;

10. "Unjoni ta' Bidla Demokratika"

94.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti bidu għal ftehim interistituzzjonali bil-għan li tippermetti involviment ġenwin tan-netwerk tal-parlamenti nazzjonali fil-proċess leġiżlattiv tal-UE, f'konformità mal-prinċipji inseparabbli tal-għoti tal-kompetenzi, is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità; jistieden lill-Kummissjoni, għal dan il-għan, biex:

–  ittawwal, de facto, il-perjodu ta' skrutinju li matulu l-parlamenti nazzjonali jistgħu joħorġu opinjoni motivata minn tmien ġimgħat sa tnax-il ġimgħa;

–  tħeġġeġ u teżamina opinjonijiet motivati fuq inizjattiva proprja minn parlamenti nazzjonali li jissuġġerixxu li l-Kummissjoni tagħti bidu għal att leġiżlattiv fi ħdan dan il-qasam ta' kompetenzi tagħha (is-sistema tal-"green card");

–  tikkunsidra kwalunkwe opinjoni motivata dwar in-nuqqas ta' konformità ta' abbozz ta' att leġiżlattiv tal-Unjoni mal-prinċipju tas-sussidjarjetà bħala "politikament vinkolanti" jekk din tkun laħqet il-limitu stabbilit ta' terz tal-voti allokati lill-parlamenti nazzjonali, u b'hekk timpenja ruħha li tneħħi minnufih u għalkollox l-abbozz tal-att ikkontestat;

–  tilqa' l-parlamentarizzazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-Kompromess tal-Lussemburgu fir-rigward tal-opinjonijiet motivati maħruġa mill-parlamenti nazzjonali dwar temi li huma jqisu bħala ta' "interess nazzjonali importanti ħafna" li jopponu l-adozzjoni jew il-parteċipazzjoni f'abbozz ta' att partikolari, u jistieden lill-Kunsill biex ikollu diskussjonijiet komprensivi bil-ħsieb li jintlaħaq consensus;

–  tilqa' d-dritt tal-parlamenti nazzjonali li jirtiraw u jwettqu rieżami l-atti ta' implimentazzjoni jew l-atti delegati adottati mill-Kummissjoni, kif ukoll id-dritt tagħhom għal kooperazzjoni sħiħa fuq talbiet ippreżentati minn kwalunkwe kumitat ta' inkjesta parlamentari nazzjonali meta tkun ikkonċernata kwistjoni Ewropea;

–  twettaq rieżami ta' kwalunkwe direttiva jew regolament jekk tintalab tagħmel dan mill-parlamenti nazzjonali;

–  tintroduċi klawsola ta' estinzjoni awtomatika għal ċerti atti wara ħames jew għaxar snin;

–  tibda tagħti lura l-hekk imsejħa kompetenzi kondiviżi f'każ li l-parlamenti nazzjonali li jilħqu terz tal-voti jqisu li, fid-dawl tal-esperjenza miksuba, l-objettivi ma jkunux ntlaħqu b'mod suffiċjenti permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, u li l-aħjar ikun li l-kompetenzi jingħataw lura lill-Istati Membri u/jew l-awtoritajiet reġjonali u lokali;

95.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti bidu għal proċedura ta' reviżjoni ordinarja tat-trattati skont l-Artikolu 48 tat-TUE bil-ħsieb li jipproponi tibdil fl-Artikolu 341 tat-TFUE u fil-Protokoll 6, meħtieġa biex jippermettu lill-Parlament jiddeċiedi fejn se jkunu s-sede u l-organizzazzjoni interna tiegħu;

96.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta biex jiġi emendat l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea b'tali mod li "Kwalunkwe mħallef li jkun ħa sehem fl-eżami tal-kawża minn Awla jew mill-Awla Manja, mad-deċiżjoni jista' jehmeż l-opinjoni separata tiegħu konkordanti jew ta' dissens, jew dikjarazzjoni ta' dissens sempliċi";

o

o o

97.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kunsill Ewropew u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.