Proċedura : 2018/2553(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0090/2018

Testi mressqa :

B8-0090/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 08/02/2018 - 12.12

Testi adottati :

P8_TA(2018)0042

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 424kWORD 54k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0085/2018
5.2.2018
PE614.399v01-00
 
B8-0090/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni tal-UNRWA (2018/2553(RSP))


Tamás Meszerics, Margrete Auken, Molly Scott Cato, Florent Marcellesi, Pascal Durand, Bart Staes, Jill Evans, Judith Sargentini, Klaus Buchner, Eva Joly, Bodil Valero, Heidi Hautala, Jakop Dalunde, Jordi Solé, Keith Taylor, Josep-Maria Terricabras f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Rosa D’Amato

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tal-UNRWA (2018/2553(RSP))  
B8‑0090/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Unjoni Ewropea u l-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) tas-7 ta' Ġunju 2017 dwar l-appoġġ tal-UE għall-UNRWA (2017-2020),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani, b'mod partikolari dawk tat-18 ta' Jannar 2016 u tal-20 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar id-dritt umanitarju internazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni 2334 adottata fis-26 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Assemblea Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, sa mill-1950, l-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) ingħatat il-mandat li tipprovdi edukazzjoni, kura tas-saħħa, servizzi soċjali u ta' għajnuna, infrastruttura u titjib tal-kampijiet, protezzjoni, mikrofinanzjament u għajnuna umanitarja lir-rifuġjati Palestinjani, wara li dawn tkeċċew jew ħarbu minn djarhom fil-gwerra tal-1948 li faqqgħet wara l-ħolqien tal-Istat ta' Iżrael;

B.  billi huwa stmat li hemm madwar 5,3 miljun rifuġjat Palestinjan taħt il-mandat tal-UNRWA, fosthom 1,5 miljun li jgħixu f'kampijiet tal-UNRWA, mifruxin bejn il-Palestina, il-Libanu, il-Ġordan u s-Sirja;

C.  billi d-dritt ta' ritorn tar-rifuġjati Palestinjani huwa minqux f'diversi riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU; billi, skont id-dritt umanitarju internazzjonali, ir-responsabbiltà primarja għall-benessri tal-popolazzjoni lokali tinsab f'idejn is-setgħa okkupanti; billi l-kwistjoni tar-rifuġjati Palestinjani kienet waħda mill-aktar kwistjonijiet ċentrali u kontroversjali tal-isforzi ta' paċi suċċessivi u għadha ma ġietx solvuta sal-lum;

D.  billi l-mandat tal-UNRWA ġie stabbilit permezz ta' riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u ġġedded ripetutament, bis-sostenn ta' maġġoranza assoluta tal-Istati membri tan-NU, u billi l-aktar votazzjoni reċenti, li ġabret il-vot favorevoli ta' 167 Stat, ġeddet tali mandat sat-30 ta' Ġunju 2020;

E.  billi, sakemm tinstab soluzzjoni ġusta għall-kwistjoni tar-rifuġjati Palestinjani, l-Assemblea Ġenerali tan-NU kompliet tenfasizza l-ħtieġa li l-UNRWA tkompli għaddejja bil-ħidma tagħha kif ukoll ir-rwol essenzjali li qed tiżvolġi din l-aġenzija fil-forniment ta' servizzi vitali lir-rifuġjati Palestinjani;

F.  billi għadd dejjem jiżdied ta' rifuġjati Palestinjani jiddependu mis-servizzi tal-UNRWA minħabba l-kunflitti fil-Lvant Nofsani, inklużi l-gwerra fis-Sirja u l-konsegwenzi tagħha fil-Libanu u l-Ġordan, l-okkupazzjoni fit-tul tal-Palestina u l-għaxar snin ta' mblokk fl-Istrixxa ta' Gaża u l-kunflitti rikorrenti li jseħħu fiha, kif ukoll minħabba d-deterjorament tal-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi u t-tkabbir demografiku; billi l-operazzjonijiet tal-UNRWA qed jiffaċċjaw ostakli serji u ta' firxa wiesgħa fil-Palestina u partikolarment f'Gaża minħabba l-imblokk taż-żona minn Iżrael; billi l-faċilitajiet tal-UNRWA sfaw ibbumbardjati seba' darbiet matul il-kunflitt bejn Iżrael u Gaża tal-2014 u dan wassal għall-qtil ta' mill-anqas 44 persuna ċivili, fosthom 10 membri tal-persunal tan-NU;

G.  billi l-UNRWA hija ffinanzjata prinċipalment minn kontribuzzjonijiet volontarji; billi Iżrael ma jikkontribwix għall-finanzjament tal-UNRWA; billi, fis-16 ta' Jannar 2018, il-Gvern tal-Istati Uniti ħabbar li se jissospendi l-ammont ta' USD 65 miljun mill-kontribuzzjoni bikrija mistennija ta' USD 125 miljun għall-baġit tal-programm tal-UNRWA għall-2018, filwaqt li stqarr li kwalunkwe pagament fil-futur se jkun marbut mal-kundizzjoni li jsiru bidliet maġġuri fil-mod kif topera l-UNRWA; billi, peress li fl-2017 l-Istati Uniti kkontribwew l-ammont ta' USD 364 miljun għall-baġit tal-UNRWA, din id-deċiżjoni għal għarrieda mill-President Trump għandha mnejn tiġġenera tnaqqis ta' kważi USD 300 miljun;

H.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha, meqjusin flimkien, huma l-akbar donatur tal-UNRWA u fl-2017 ikkontribwew l-ammont ta' EUR 441 miljun; billi l-UE, abbażi tad-dikjarazzjonijiet konġunti pluriennali tagħha, ilha tipprovdi sostenn politiku u finanzjarju prevedibbli u affidabbli lill-UNRWA; billi l-Parlament Ewropew esprima b'mod konsistenti s-sostenn tiegħu biex l-UE tkompli tagħti kontribuzzjonijiet sostanzjali lill-UNRWA;

I.  billi l-UNWRA ilha tiffaċċja nuqqasijiet strutturali kbar ta' natura finanzjarja għal ħafna snin u, indipendentement mid-deċiżjoni tal-Gvern tal-Istati Uniti, xorta kienet se tkompli tiffaċċja diffikultajiet;

J.  billi, fil-perjodu reċenti, l-UNRWA ħadet miżuri interni biex tissemplifika l-istruttura tal-ispejjeż tagħha u ssaħħaħ il-kontrolli fuq l-infiq; billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU għamel diversi rakkomandazzjonijiet fir-rapport tiegħu tat-30 ta' Marzu 2017 bil-għan li jiġi żgurat finanzjament adegwat, prevedibbli u sostenibbli għall-UNRWA;

1.  Iġedded l-espressjoni ta' solidarjetà profonda tiegħu mal-miljuni ta' rifuġjati Palestinjani li, b'dinjità u reżiljenza mill-ogħla u minn ġenerazzjoni għal oħra, ġarrbu spostament mingħajr tmiem, tbatija u inġustizzja estremi u stat fit-tul ta' apolidija;

2.  Jiddenunzja l-fatt li l-komunità internazzjonali, u b'mod speċjali l-Unjoni Ewropea, ma rnexxilhiex tiżgura soluzzjoni ġusta u dejjiema għall-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina; jisħaq fuq il-punt li din tinkludi soluzzjoni ġusta għall-kwistjoni tar-rifuġjati Palestinjani; ifakkar lill-partijiet kollha dwar l-importanza ċentrali li għandu d-dritt ta' ritorn tar-rifuġjati Palestinjani f'dan il-kuntest;

3.  Ifaħħar il-ħidma ammirevoli tal-UNWRA u tal-persunal tagħha, li jipprovdu għajnuna vitali, edukazzjoni u protezzjoni lil miljuni ta' rifuġjati Palestinjani madwar il-Lvant Nofsani;

4.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġu żgurati l-operat mingħajr xkiel tal-UNRWA u l-forniment ta' servizzi min-naħa tagħha għall-benessri, il-protezzjoni u l-iżvilupp uman tar-rifuġjati Palestinjani, iżda wkoll għall-istabbiltà tar-reġjun kollu kemm; jistieden lil Iżrael, bħala s-setgħa okkupanti, biex ineħħi r-restrizzjonijiet multipli li jxekklu l-operazzjonijiet ta' kuljum tal-UNRWA fix-Xatt tal-Punent, inkluża Ġerusalemm tal-Lvant, u Gaża, u biex jirrispetta n-newtralità tal-installazzjonijiet tal-UNRWA f'konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali u l-istatus diplomatiku tan-NU tal-UNRWA;

5.  Jikkritika bil-qawwa d-deċiżjoni reċenti tal-Gvern tal-Istati Uniti li jaqta' aktar minn nofs il-finanzjament ippjanat tiegħu għall-UNRWA, deċiżjoni li se jkollha konsegwenzi mill-aktar serji għar-rifuġjati Palestinjani, speċjalment it-tfal, li jiddependu mill-UNRWA għall-edukazzjoni tagħhom u għall-aċċess tagħhom għall-provvisti ta' ikel ta' emerġenza u sorsi oħra ta' għajnuna vitali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti jikkunsidraw mill-ġdid id-deċiżjoni tagħhom u jissoktaw is-sostenn tagħhom għall-UNRWA;

6.  Jopponi l-politiċizzazzjoni tal-għajnuna umanitarja u jfakkar lid-donaturi kollha, inklużi l-Istati Uniti, li l-għajnuna umanitarja ma tistax tintuża bħala pedina politika fin-negozjati internazzjonali;

7.  Jistieden lill-Gvern Iżraeljan jikkontribwixxi għall-UNRWA, anke fid-dawl tal-interess dirett tiegħu li jevita kollass totali fl-issodisfar tal-ħtiġijiet bażiċi tar-rifuġjati Palestinjani;

8.  Jiddeplora l-fatt li l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Għarab għall-baġit tal-programm tal-UNRWA ma kinux biżżejjed biex jonoraw l-impenn meħud mil-Lega tal-Istati Għarab biex tkopri 8 % ta' dan il-baġit fl-2017; jistieden lill-Istati Għarab, speċjalment lill-pajjiżi tal-Golf, biex juru t-tkomplija tal-impenn tagħhom favur ir-rifuġjati Palestinjani billi jsaħħu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħhom;

9.  Jisħaq fuq il-punt li s-sejbien ta' soluzzjoni għall-qagħda finanzjarja tal-UNRWA huwa responsabbiltà kollettiva u ilu żmien twil jippreżenta sfida li d-deċiżjoni reċenti tal-Gvern tal-Istati Uniti ma għamlitx għajr tiggravaha; jistieden ukoll lill-UE, inkluż lill-Istati Membri tagħha, biex tassumi rwol ta' tmexxija fil-livell internazzjonali bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet kollettivi għall-qagħda finanzjarja tal-UNRWA;

10.  Jilqa' d-deċiżjoni meħuda mill-UE u minn diversi Stati Membri li jgħaġġlu l-pagamenti lill-UNRWA sabiex jippreservaw it-twassil ta' servizzi vitali fl-ewwel xhur tas-sena; iħeġġeġ lil ħaddieħor isegwi dan l-eżempju sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil fit-twassil ta' servizzi u sabiex l-UNRWA u l-komunità internazzjonali jitħallielhom ftit marġni biex jikkunsidraw soluzzjonijiet aktar fit-tul;

11.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, iżda wkoll lill-pajjiżi mhux Ewropej, biex jimmobilizzaw finanzjament addizzjonali għall-baġit tal-programm tal-UNRWA fl-2018 u b'hekk jagħtu sostenn lill-UNRWA fl-isforzi tagħha biex tindirizza l-ħtiġijiet finanzjarji tagħha immedjati u fuq perjodu qasir, għall-bżonn anke permezz ta' riżervi ta' għajnuna f'emerġenza;

12.  Jesprimi għadab għax-xkiel kontinwu u mhux ġustifikat li qed jagħmlu l-awtoritajiet Iżraeljani għal kwalunkwe żjara minn korpi uffiċjali jew minn Membri individwali tal-Parlament Ewropew fl-Istrixxa ta' Gaża; jissottolinja li dan ix-xkiel qed jimpedixxi lill-Parlament milli jeżerċita r-responsabbiltà bażika tiegħu ta' monitoraġġ tal-azzjoni tal-UE, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-finanzjament tal-UNRWA;

13.  Jiddeċiedi li jibgħat delegazzjoni ad hoc lejn Gaża/il-Palestina biex tivvaluta s-sitwazzjoni fuq il-post, speċjalment l-isfidi akuti li l-UNRWA qed tiffaċċja biex twassal servizzi bażiċi lir-rifuġjati Palestinjani; jisħaq fuq il-ħtieġa li din id-delegazzjoni tivvaluta wkoll il-qerda min-naħa tal-awtoritajiet Iżraeljani ta' mill-anqas 400 struttura ffinanzjata mill-UE għall-Palestinjani fix-Xatt tal-Punent b'valur ta' aktar minn EUR 1,5 miljun, inkluża l-qerda mill-aktar reċenti ta' skola għat-tfal Bedwini f'Abu Nawar;

14.  Jiddispjaċih profondament għall-qtil ta' 30 membru tal-persunal tal-UNRWA u għall-attakki fuq il-faċilitajiet tal-UNRWA fis-Sirja u f'Gaża sa mill-2012, li jikkostitwixxu ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali; jappella biex tali reati jiġu investigati b'mod effikaċi u biex dawk li wettquhom jinżammu responsabbli;

15.  Jisħaq fuq il-punt li l-appoġġ mogħti lill-UNRWA u l-ħidma mwettqa minnha ma jiffurmawx sostitut għal sforzi politiċi kredibbli mmirati lejn il-ksib ta' paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani fil-qafas ta' ftehim innegozjat ta' paċi, li jkun jinkludi soluzzjoni ġusta u dejjiema għar-rifuġjati Palestinjani;

16.  Jistieden, għaldaqstant, lill-UE taqdi r-responsabbiltajiet globali tagħha billi tieħu inizjattiva kuraġġuża u komprensiva ta' paċi għar-reġjun; jisħaq fuq il-punt li din il-politika mġedda tal-UE għandha tiffoka fuq il-preservazzjoni tal-fattibbiltà fit-tul ta' soluzzjoni ta' żewġ Stati;

17.  Ifakkar, f'dan il-kuntest, fil-ħtieġa li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri tagħha jinfurzaw ir-rekwiżit legali tagħhom ta' nonrikonoxximent u, f'konformità mar-riżoluzzjoni 2334 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, japplikaw politika effikaċi u komprensiva ta' differenzjazzjoni min-naħa tal-UE bejn Iżrael u l-insedjamenti tiegħu, imsejsa fuq ir-rispett rigoruż għad-dritt internazzjonali u l-prinċipji tal-Unjoni;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kummissarju Ġenerali tal-UNRWA.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Frar 2018Avviż legali