Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0305/2018Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0305/2018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni mogħtija mit-Tarka tal-Privatezza UE-US

26.6.2018 - (2018/2645(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Claude Moraes f'isem il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern


Proċedura : 2018/2645(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0305/2018
Testi mressqa :
B8-0305/2018
Testi adottati :

B8-0305/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni mogħtija mit-Tarka tal-Privatezza UE-US

(2018/2645(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikoli 6, 7, 8, 11, 16, 47 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)[1], kif ukoll id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI[2],

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE tas-6 ta' Ottubru 2015 fil-Kawża C-362/14 Maximillian Schrems v Data Protection Commissioner[3],

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE tal-21 ta' Diċembru 2016 fil-Kawżi C-203/15 Tele2 Sverige AB v Post- och telestyrelsen u C-698/15 Secretary of State for the Home Department v Tom Watson and Others[4],

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1250 tat-12 ta' Lulju 2016 skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mill-Ħarsien tal-Privatezza UE-U.S.[5],

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni 4/2016 tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' adegwatezza tat-Tarka tal-Privatezza tal-UE u l-Istati Uniti[6],

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni 01/2016 tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Data tat-13 ta' April 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni dwar l-adegwatezza tat-Tarka tal-Privatezza UE-US[7] u d-Dikjarazzjoni tiegħu tas-26 ta' Lulju 2016[8],

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq l-ewwel rieżami annwali tal-funzjonament tal-Ħarsien tal-Privatezza UE-US[9] u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja d-dokument[10],

–  wara li kkunsidra d-dokument tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Data (WP29) tat-28 ta' Novembru 2017 bit-titlu "EU-US Privacy Shield – First Annual Joint Review"[11],

–  wara li kkunsidra l-ittra ta' tweġiba mid-WP29 tal-11 ta' April 2018 dwar l-awtorizzazzjoni mill-ġdid tat-Taqsima 702 tal-Foreign Intelligence Surveillance Act (FISA) tal-Istati Uniti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2017 dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni mogħtija mit-Tarka tal-Privatezza UE-US[12],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fis-sentenza tagħha tas-6 ta' Ottubru 2015 fil-Kawża C-362/14 Maximillian Schrems v Data Protection Commissioner, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE invalidat id-deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza (Safe Harbour) u ċċarat li livell adegwat ta' protezzjoni f'pajjiż terz għandu jinftiehem bħala "essenzjalment ekwivalenti" għall-protezzjoni ggarantita fl-Unjoni Ewropea skont id-Direttiva 95/46 meqjusa fid-dawl tal-Karta, u dan wassal għall-ħtieġa li jiġu konklużi n-negozjati dwar ftehim ġdid sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza tad-dritt dwar kif id-data personali għandha tiġi ttrasferita mill-UE għall-Istati Uniti;

B.  billi, meta tanalizza l-livell ta' protezzjoni mogħti minn pajjiż terz, il-Kummissjoni hija obbligata tivvaluta l-kontenut tar-regoli applikabbli f'dak il-pajjiż li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali jew mill-impenji internazzjonali tiegħu, kif ukoll il-prattika mfassla biex tiżgura l-konformità ma' dawk ir-regoli, peress li, skont l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 95/46/KE, jeħtiġilha tqis iċ-ċirkustanzi kollha li jirrigwardaw trasferiment ta' data personali lil pajjiż terz; billi din il-valutazzjoni mhux biss trid tirreferi għal-leġiżlazzjoni u għall-prattiki relatati mal-protezzjoni tad-data personali għal skopijiet kummerċjali u privati, iżda trid tkopri wkoll l-aspetti kollha tal-qafas applikabbli għal dak il-pajjiż jew settur – b'mod partikolari, iżda mhux biss, l-infurzar tal-liġi, is-sigurtà nazzjonali u r-rispett tad-drittijiet fundamentali;

C.  billi t-trasferimenti ta' data personali bejn organizzazzjonijiet kummerċjali tal-UE u tal-Istati Uniti huma element importanti tar-relazzjonijiet transatlantiċi fid-dawl tad-diġitalizzazzjoni dejjem akbar tal-ekonomija globali; billi dawn it-trasferimenti għandhom isiru b'rispett sħiħ tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u tad-dritt għall-privatezza; billi wieħed mill-objettivi fundamentali tal-UE huwa l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, kif minquxa fil-Karta;

D.  billi Facebook, firmatarju tat-Tarka tal-Privatezza, ikkonferma li d-data ta' 2,7 miljun ċittadin tal-UE kienet fost dik li ntużat b'mod abbużiv mill-kumpanija ta' konsulenza politika Cambridge Analytica;

E.  billi fl-Opinjoni 4/2016 tiegħu, il-KEPD qajjem ħafna tħassib rigward l-abbozz ta' Tarka tal-Privatezza; billi f'din l-istess opinjoni, il-KEPD jilqa' l-isforzi li saru mill-partijiet kollha biex tinstab soluzzjoni għat-trasferimenti tad-data personali mill-UE għall-Istati Uniti għal skopijiet kummerċjali skont sistema ta' awtoċertifikazzjoni;

F.  billi fl-Opinjoni 01/2016 tiegħu dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni dwar l-adegwatezza tat-Tarka tal-Privatezza UE-US, il-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 laqa' t-titjib li ġabet magħha t-Tarka tal-Privatezza meta mqabbel mad-deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza, filwaqt li qajjem ukoll tħassib serju kemm dwar l-aspetti kummerċjali kif ukoll dwar l-aċċess min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi għad-data ttrasferita fl-ambitu tat-Tarka tal-Privatezza;

G.  billi, fit-12 ta' Lulju 2016, wara diskussjonijiet ulterjuri mal-amministrazzjoni tal-Istati Uniti, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1250 tagħha, li tiddikjara l-livell adegwat ta' protezzjoni tad-data personali ttrasferita mill-Unjoni għal organizzazzjonijiet fl-Istati Uniti fl-ambitu tat-Tarka tal-Privatezza UE-US;

H.  billi t-Tarka tal-Privatezza UE-US hija akkumpanjata minn diversi impenji u assigurazzjonijiet unilaterali mill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti li jispjegaw, inter alia, il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data, il-funzjonament tas-sorveljanza, l-infurzar u r-rimedju u l-protezzjonijiet u s-salvagwardji li taħthom l-aġenziji tas-sigurtà jistgħu jaċċessaw u jipproċessaw id-data personali;

I.  billi, fid-dikjarazzjoni tiegħu tas-26 ta' Lulju 2016, il-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 laqa' t-titjib li ġab miegħu il-mekkaniżmu tat-Tarka tal-Privatezza UE-US meta mqabbel mad-deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza, u faħħar lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti talli kkunsidraw it-tħassib tiegħu; billi, madnakollu, il-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 jindika li għad baqa' għadd ta' elementi ta' tħassib rigward kemm l-aspetti kummerċjali kif ukoll l-aċċess mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Uniti għal data ttrasferita mill-UE, bħan-nuqqas ta' regoli speċifiċi dwar deċiżjonijiet awtomatizzati u n-nuqqas ta' dritt ġenerali ta' oġġezzjoni, il-ħtieġa ta' garanziji aktar stretti dwar l-indipendenza u s-setgħat tal-mekkaniżmu tal-Ombudsman, jew in-nuqqas ta' garanziji konkreti li ma jsirx ġbir tal-massa u indiskriminat ta' data personali (ġbir tal-massa);

J.  billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2017, il-Parlament Ewropew, filwaqt li jirrikonoxxi li t-Tarka tal-Privatezza UE-US fiha titjib sinifikanti fir-rigward taċ-ċarezza tal-istandards meta mqabbel mad-deċiżjoni preċedenti UE-US dwar l-Isfera ta' Sikurezza, iqis ukoll li fadal kwistjonijiet importanti rigward ċerti aspetti kummerċjali, is-sigurtà nazzjonali u l-infurzar tal-liġi; billi jistieden lill-Kummissjoni biex, matul l-ewwel rieżami annwali konġunt, twettaq analiżi bir-reqqa u profonda tan-nuqqasijiet u d-dgħufijiet kollha u turi kif dawn ġew indirizzati sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-Karta tal-UE u mad-dritt tal-Unjoni, u tevalwa bir-reqqa jekk il-mekkaniżmi u s-salvagwardji indikati fl-assigurazzjonijiet u l-kjarifiki mill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti humiex effikaċi u fattibbli;

K  billi r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-ewwel rieżami annwali dwar il-funzjonament tat-Tarka tal-Privatezza UE-US u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan id-dokument, filwaqt li jirrikonoxxu li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti daħħlu fis-seħħ l-istrutturi u l-proċeduri meħtieġa biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tat-Tarka tal-Privatezza u jikkonkludu li l-Istati Uniti qed ikomplu jiżguraw livell adegwat ta' protezzjoni tad-data personali ttrasferita fl-ambitu tat-Tarka tal-Privatezza, għamlu għaxar rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta' tħassib rigward mhux biss il-kompiti u l-attivitajiet tad-Dipartiment tal-Kummerċ (DoC) tal-Istati Uniti bħala amministratur responsabbli għall-monitoraġġ taċ-ċertifikazzjoni ta' organizzazzjonijiet tat-Tarka tal-Privatezza u għall-infurzar tal-Prinċipji, iżda anke rigward dawk il-kwistjonijiet relatati mas-sigurtà nazzjonali, bħall-awtorizzazzjoni mill-ġdid tat-Taqsima 702 tal-Foreign Intelligence Surveillance Act (FISA), jew il-ħatra ta' Ombudsperson permanenti u l-fatt li membri tal-Bord ta' Sorveljanza tal-Privatezza u l-Libertajiet Ċivili (PCLOB) għadhom mhumiex fil-kariga;

L.  billi l-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 tat-28 ta' Novembru 2017 bit-titlu "EU-US Privacy Shield – First Annual Joint Review", wara l-ewwel rieżami konġunt annwali, tirrikonoxxi l-progress tat-Tarka tal-Privatezza meta mqabbel mad-deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza li ġiet invalidata; billi l-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 jirrikonoxxi l-isforzi li saru mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti u mill-Kummissjoni biex jimplimentaw it-Tarka tal-Privatezza;

M.  billi l-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 identifika għadd ta' kwistjonijiet importanti mhux solvuti ta' tħassib sinifikanti, rigward kemm il-kwistjonijiet kummerċjali kif ukoll dawk relatati mal-aċċess mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Uniti għal data ttrasferita lill-Istati Uniti fl-ambitu tat-Tarka tal-Privatezza (jew għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi jew għal skopijiet ta' sigurtà nazzjonali) li jeħtieġ li jiġu indirizzati kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti; billi talab li jitfassal pjan ta' azzjoni minnufih biex jintwera li dawn il-kwistjonijiet kollha se jiġu indirizzati, u mhux aktar tard mit-tieni rieżami konġunt;

N.  billi, f'każ li ma jinstab ebda rimedju għat-tħassib tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 sal-limiti ta' żmien speċifikati, il-membri tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 se jieħdu azzjoni xierqa, inkluż it-tressiq tad-deċiżjoni dwar l-adegwatezza tat-Tarka tal-Privatezza quddiem il-qrati nazzjonali biex jagħmlu rinviju lill-QtĠ-UE għal deċiżjoni preliminari;

O.  billi rikors għal annullament (il-Kawża T-738/16 La Quadrature du Net and Others v Commission) u rinviju mill-Qorti Superjuri Irlandiża fil-kawża bejn il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data tal-Irlanda u Facebook Ireland Limited u Maximilian Schrems (il-Kawża Schrems II) tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE; billi r-rinviju jinnota li s-sorveljanza tal-massa għadha għaddejja u janalizza jekk hemmx rimedju effettiv fid-dritt tal-Istati Uniti għaċ-ċittadini tal-UE li d-data personali tagħhom tiġi ttrasferita lill-Istati Uniti;

P.  billi, fil-11 ta' Jannar 2018, il-Kungress tal-Istati Uniti awtorizza mill-ġdid u emenda t-Taqsima 702 tal-FISA għal sitt snin mingħajr ma indirizza t-tħassib tar-rapport ta' rieżami konġunt tal-Kummissjoni u l-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29;

Q.  billi, bħala parti mil-leġiżlazzjoni baġitarja ġenerali, ippromulgata fit-23 ta' Marzu 2018, il-Kungress tal-Istati Uniti ppromulga l-Clarifying Overseas Use of Data ("CLOUD") Act, li jiffaċilita l-aċċess mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għall-kontenuti tal-komunikazzjonijiet u data oħra relatata billi jippermetti lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Uniti jimponu l-produzzjoni ta' data ta' komunikazzjoni anki jekk tkun maħżuna barra l-Istati Uniti, u billi jippermetti lil ċerti pajjiżi barranin jidħlu fi ftehimiet eżekuttivi mal-Istati Uniti sabiex il-fornituri ta' servizzi tal-Istati Uniti jkunu jistgħu jirrispondu għal ċerti digrieti barranin li jfittxu aċċess għal data ta' komunikazzjoni;

R.  billi Facebook Inc., Cambridge Analytica u SCL Elections Ltd huma kumpaniji ċċertifikati fil-qafas tat-Tarka tal-Privatezza u bħala tali bbenefikaw mid-deċiżjoni dwar l-adegwatezza bħala raġuni legali għat-trasferiment u l-ipproċessar ulterjuri ta' data personali mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti;

S.  billi, skont l-Artikolu 45(5) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, meta l-informazzjoni disponibbli tiżvela li pajjiż terz ma jibqax jiżguraw livell adegwat ta' protezzjoni, il-Kummissjoni għandha tħassar, temenda jew tissospendi d-deċiżjoni tagħha dwar l-adegwatezza;

1.  Jenfasizza d-dgħufijiet persistenti tat-Tarka tal-Privatezza fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data; jissottolinja r-riskju qed jiżdied li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE tista' tinvalida d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1250 dwar it-Tarka tal-Privatezza;

2.  Jieħu nota tat-titjib li sar meta mqabbel mal-ftehim dwar l-Isfera ta' Sikurezza, inkluża l-introduzzjoni ta' definizzjonijiet essenzjali, obbligi aktar stretti relatati maż-żamma tad-data u t-trasferimenti ulterjuri lil pajjiżi terzi, il-ħolqien ta' Ombudsman biex jiġu żgurati rimedju individwali u sorveljanza indipendenti, kontrolli u bilanċi li jiżguraw id-drittijiet tas-suġġetti tad-data (PCLOB), rieżamijiet esterni u interni tal-konformità, dokumentazzjoni u monitoraġġ aktar regolari u rigorużi, id-disponibbiltà ta' diversi modi kif jinkiseb rimedju legali, u r-rwol prominenti għad-DPAs nazzjonali fl-investigazzjoni tat-talbiet;

3.  Ifakkar li l-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 stabbilixxa l-iskadenza tal-25 ta' Mejju 2018 biex jiġu solvuti l-kwistjonijiet pendenti, u, fin-nuqqas ta' dan, jista' jiddeċiedi li jirreferi t-Tarka tal-Privatezza quddiem il-qrati nazzjonali sabiex huma jirreferu l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE għal deċiżjoni preliminari[13];

Kwistjonijiet istituzzjonali / Nomini

4.  Jiddispjaċih li kellu jgħaddi daqshekk żmien biex jinħatru ż-żewġ Membri addizzjonali flimkien man-nomina tal-President tal-PCLOB u jħeġġeġ lis-Senat jiskrutinizza l-profili tagħhom sabiex jirratifika l-ħatra biex l-aġenzija indipendenti jerġa' jkollha sitwazzjoni ta' kworum u tkun tista' twettaq il-missjonijiet tagħha tal-prevenzjoni tat-terroriżmu u l-iżgurar tal-ħtieġa li jiġu protetti l-privatezza u l-libertajiet ċivili;

5.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li n-nuqqas ta' president u ta' kworum illimita l-kapaċità tal-PCLOB li jaġixxi u li jissodisfa l-obbligi tiegħu; jenfasizza li matul perjodu li fih ma jkunx hemm kworum, il-PCLOB ma jistax jibda proġetti ġodda ta' konsulenza jew sorveljanza, jew jimpjega persunal; ifakkar li l-PCLOB għadu ma ppubblikax ir-rapport tant mistenni tiegħu dwar it-twettiq tas-sorveljanza skont id-Digriet Eżekuttiv 12333 biex jipprovdi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni konkreta ta' dan id-Digriet Eżekuttiv u dwar in-neċessità u l-proporzjonalità tiegħu fir-rigward ta' interferenzi fil-protezzjoni tad-data f'dan il-kuntest; jinnota li dan ir-rapport huwa siewi ferm meta jitqiesu l-inċertezza u l-imprevedibbiltà ta' kif jintuża d-Digriet Eżekuttiv 12333; jiddispjaċih li l-PCLOB ma ħariġx rapport ġdid dwar it-Taqsima 702 tal-FISA qabel reġgħet ġiet awtorizzata f'Jannar 2018; iqis li s-sitwazzjoni ta' nuqqas ta' kworum timmina serjament il-garanziji u l-assigurazzjonijiet ta' konformità u ta' sorveljanza li ngħataw mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti; għalhekk, iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti jinnominaw u jikkonfermaw membri ġodda tal-bord mingħajr dewmien;

6.  Fid-dawl tal-fatt li l-Presidential Policy Directive 28 (PPD 28) hija wieħed mill-elementi ċentrali li fuqhom hija mibnija t-Tarka tal-Privatezza, jappella għall-pubblikazzjoni tar-rapport tal-PCLOB dwar il-PPD 28, li għadu soġġett għall-privileġġ presidenzjali u għalhekk għadu ma ġiex ippubblikat;

7.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-mekkaniżmu tal-Ombudsman stabbilit mid-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti mhux indipendenti biżżejjed u mhux mogħni b'setgħat effettivi biżżejjed biex iwettaq il-kompiti tiegħu u jipprovdi rimedju effettiv għaċ-ċittadini tal-UE; jenfasizza li s-setgħat eżatti tal-mekkaniżmu tal-Ombudsman għandhom jiġu ċċarati, speċjalment fir-rigward tas-setgħat tiegħu vis-à-vis il-komunità tal-intelligence u l-livell ta' rimedju effettiv tad-deċiżjonijiet tiegħu; jiddispjaċih li l-Ombudsman jista' jitlob biss azzjoni u informazzjoni minn korpi governattivi tal-Istati Uniti, u ma jistax jordna lill-awtoritajiet biex jieqfu u ma jkomplux sorveljanza illegali, jew biex jiddistruġġu informazzjoni b'mod permanenti; jirrimarka li, filwaqt li hemm aġent Ombudsman, sal-lum, l-amministrazzjoni tal-Istati Uniti s'issa għadha ma ħatrietx Ombudsman ġdid permanenti, li ma jikkontribwix għal fiduċja reċiproka; huwa tal-fehma li fin-nuqqas ta' ħatra ta' Ombudsman indipendenti, ta' esperjenza u b'setgħat suffiċjenti, l-assigurazzjonijiet tal-Istati Uniti fir-rigward tal-għoti ta' rimedju effettiv għaċ-ċittadini tal-UE jkunu nulli u bla effett;

8.  Jirrikonoxxi l-konferma reċenti mis-Senat ta' President ġdid tal-FTC u ta' erba' Kummissarji tal-FTC; jiddeplora l-fatt li sal-imsemmija konferma, erbgħa mill-ħames siġġijiet tal-FTC baqgħu vakanti, meta wieħed iqis li l-FTC hija l-aġenzija kompetenti ta' infurzar tal-prinċipji tat-Tarka tal-Privatezza mill-organizzazzjonijiet tal-Istati Uniti;

9.  Jenfasizza li r-rivelazzjonijiet riċenti rigward prattiki ta' Facebook u ta' Cambridge Analytica jenfasizzaw il-ħtieġa għal sorveljanza proattiva u azzjonijiet ta' infurzar li huma mhux biss ibbażati fuq ilmenti iżda li jinkludu kontrolli sistematiċi tal-konformità prattika ta' politiki ta' privatezza mal-prinċipji tat-Tarka tal-Privatezza tul iċ-ċiklu tal-ħajja taċ-ċertifikazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti tal-UE tal-protezzjoni tad-data biex jieħdu azzjoni xierqa u jissospendu t-trasferimenti f'każijiet ta' nuqqas ta' konformità;

Kwistjonijiet kummerċjali

10.  Iqis li sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u jiġu evitati klejms foloz ta' ċertifikazzjoni, id-DtK mgħandux jittollera kumpaniji tal-Istati Uniti li jagħmlu rappreżentazzjonijiet pubbliċi dwar iċ-ċertifikazzjoni tat-Tarka tal-Privatezza tagħhom qabel ma jkun iffinalizza ċ-ċertifikazzjoni u jkun inkludihom fuq il-lista tat-Tarka tal-Privatezza; jinsab imħasseb dwar il-fatt li d-DtK ma għamilx użu mill-possibbiltà pprovduta fit-Tarka tal-Privatezza li jintalbu kopji tat-termini kuntrattwali użati minn kumpaniji ċertifikati fil-kuntratti tagħhom ma' partijiet terzi sabiex tiġi żgurata l-konformità; iqis, għalhekk, li ma hemm l-ebda kontroll effettiv fuq jekk kumpaniji ċertifikati effettivament jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tat-Tarka tal-Privatezza; jistieden lid-DtK biex iwettaq b'mod proattiv u fuq bażi regolari reviżjonijiet ta' konformità ex officio biex jimmonitorja l-konformità effettiva tal-kumpaniji b'regoli u rekwiżiti tat-Tarka tal-Privatezza;

11.  Iqis li d-diversi proċeduri ta' rimedju għaċ-ċittadini tal-UE jistgħu jirriżultaw kumplessi u diffiċli wisq, sabiex jintużaw, u għaldaqstant inqas effikaċi; jinnota li, kif enfasizzat mill-kumpaniji li jipprovdu mekkaniżmi ta' rimedju indipendenti (IRMs), il-biċċa l-kbira tal-ilmenti jitressqu direttament lill-kumpaniji minn individwi li jfittxu informazzjoni ġenerali dwar it-Tarka tal-Privatezza u l-ipproċessar tad-data tagħhom; jirrakkomanda għalhekk li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti joffru aktar informazzjoni konkreta dwar is-sit web tat-Tarka tal-Privatezza f'forma aċċessibbli u li tinftiehem faċilment lill-individwi dwar id-drittijiet tagħhom u l-mezzi u r-rimedji disponibbli;

12.  Fid-dawl tar-rivelazzjonijiet reċenti tal-użu ħażin tad-data personali minn kumpaniji ċċertifikati taħt it-Tarka tal-Privatezza, bħal Facebook u Cambridge Analytica, jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti responsabbli mill-infurzar tat-Tarka tal-Privatezza biex jaġixxu fuq dawn ir-rivelazzjonijiet mingħajr dewmien f'konformità sħiħa ma' l-impenji u l-assigurazzjonijiet mogħtija biex jinżamm l-arranġament attwali tat-Tarka tal-Privatezza u, jekk ikun hemm bżonn, biex jitneħħew tali kumpaniji mil-lista tat-Tarka tal-Privatezza; jistieden ukoll lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data tal-UE kompetenti biex jinvestigaw dawn ir-rivelazzjonijiet u, jekk ikun il-każ, jissospendu jew jipprojbixxu t-trasferimenti ta' data taħt it-Tarka tal-Privatezza; iqis li r-rivelazzjonijiet juru biċ-ċar li l-mekkaniżmu tat-Tarka tal-Privatezza ma jipprovdix protezzjoni adegwata tad-dritt għall-protezzjoni tad-data;

13.  Huwa mħasseb serjament dwar il-bidla fit-termini ta' servizz ta' Facebook għall-utenti mhux tal-UE, 'l barra mill-Istati Uniti u l-Kanada li s'issa gawdew drittijiet skont il-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, u li issa jridu jaċċettaw Facebook US minflok Facebook Ireland bħala l-kontrollur tad-data; jikkunsidra li dan jikkostitwixxi trasferiment ta' data personali ta' madwar 1.5 biljun utent lil pajjiż terz; jiddubita serjament li tali limitazzjoni fuq skala bla preċedent tad-drittijiet fundamentali tal-utenti ta' pjattaforma li de facto għandha monopolju huwa dak li kien maħsub mit-Tarka tal-Privatezza; jistieden lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data tal-UE biex jinvestigaw din il-kwistjoni;

14.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu li, jekk il-kwistjoni ma tiġix indirizzata, tali użu ħażin tad-data personali minn diversi entitajiet li jkollhom l-għan li jimmanipulaw l-opinjoni politika jew l-imġiba fil-votazzjoni jistgħu joħolqu theddida lill-proċess demokratiku u l-idea bażika tagħha li l-votanti jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati u bbażata fuq il-fatti;

15.  Jilqa' u jappoġġa sejħiet lil-leġiżlatur tal-Istati Uniti sabiex jipprogressa lejn att omnibus dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data;

16.  Ifakkar it-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' regoli speċifiċi u garanziji tiegħu fil-Ħarsien tal-Privatezza għal deċiżjonijiet ibbażati fuq ipproċessar/tfassil tal-profil awtomatizzat, li jipproduċu effett legali jew jaffettwaw b'mod sinifikanti lill-individwu; jirrikonoxxi l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tordna studju sabiex tinġabar evidenza fattwali u tivvaluta ulterjorment ir-rilevanza tat-teħid awtomatizzat ta' deċiżjonijiet għal trasferimenti ta' data taħt it-Tarka tal-Privatezza; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi għal regoli speċifiċi dwar it-teħid ta' deċiżjonijiet awtomatizzat li jipprovdu salvagwardji suffiċjenti jekk l-istudju jirrakkomanda dan; jieħu nota f'dan ir-rigward tal-informazzjoni pprovduta mir-reviżjoni konġunta li t-teħid ta' deċiżjonijiet awtomatizzat ma jistax isir abbażi tad-data personali li tkun ġiet trasferita taħt it-Tarka tal-Privatezza; jiddeplora l-fatt li, skont il-WP29, "ir-reazzjoni mingħand il-kumpaniji baqgħet ġenerali ħafna, u baqa' mhux ċar jekk dawn l-allegazzjonijiet jikkorrispondux mar-realtà tal-kumpaniji kollha li jaderixxu għat-Tarka tal-Privatezza"; jenfasizza wkoll l-applikabbiltà tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data;

17.  Jenfasizza li għandu jsir titjib ulterjuri fir-rigward tal-interpretazzjoni u t-trattament ta' data tal-HR minħabba l-interpretazzjoni differenti tal-kunċett ta' "data tal-HR" mill-Gvern tal-Istati Uniti minn naħa u mill-Kummissjoni Ewropea u mil-WP29, min-naħa l-oħra; jaqbel bis-sħiħ mat-talba tal-WP29 lill-Kummissjoni Ewropea biex tidħol f'negozjati mal-awtoritajiet tal-Istati Uniti sabiex jiġi emendat il-mekkaniżmu tat-Tarka tal-Privatezza fuq din il-kwistjoni;

18.  Itenni t-tħassib tiegħu li l-prinċipji tat-Tarka tal-Privatezza ma jsegwux il-mudell tal-UE ta' ipproċessar ibbażat fuq il-kunsens, iżda jippermettu għal nonparteċipazzjoni/id-dritt li wieħed joġġezzjona biss f'ċirkostanzi speċifiċi ħafna; iħeġġeġ għalhekk, fid-dawl tar-reviżjoni konġunta, li d-DtK jaħdem ma' l-Awtoritajiet Ewropej għall-Protezzjoni tad-Data biex jipprovdi gwida aktar preċiża fir-rigward tal-prinċipji essenzjali tat-Tarka tal-Privatezza bħall-Prinċipju ta' Għażla, il-Prinċipju tal-Avviż, ir-relazzjoni ta' kontrollur/proċessur u l-aċċess, li huma ħafna aktar allinjati mad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont ir-Regolament (UE) 2016/679;

19.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar ir-rifjut mill-Kungress f'Marzu 2017 tar-regola mressqa mill-Kummissjoni Federali tal-Komunikazzjonijiet dwar il-"Protezzjoni tal-Privatezza tal-Klijenti tal-Broadband u ta' Servizzi Oħrajn tat-Telekomunikazzjoni", li fil-prattika jelimina r-regoli tal-privatezza tal-broadband li kienu jeħtieġu li l-Fornituri tas-Servizz tal-Internet jiksbu l-kunsens espliċitu tal-konsumaturi qabel ma jbigħu jew jikkondividu d-data tal-ibbrawżjar tal-web u informazzjoni oħra privata ma' dawk li jirreklamaw u ma' kumpaniji oħra; iqis li din hija theddida oħra għas-salvagwardji tal-privatezza fl-Istati Uniti;

Kwistjonijiet ta' Sigurtà Nazzjonali u tal-Infurzar tal-Liġi

20.  Iqis li l-kunċett ta' "sigurtà nazzjonali" fil-mekkaniżmu tat-Tarka tal-Privatezza mhux speċifikament ċirkoskritt sabiex ikun żgurat li l-ksur tal-protezzjoni tad-data jista' jiġi effettivament rieżaminat fil-qrati biex tiġi żgurata l-konformità ma' test strett ta' dak li hu meħtieġ u proporzjonat; jitlob għalhekk għal definizzjoni ċara ta' "sigurtà nazzjonali";

21.  Jieħu nota li l-għadd ta' miri taħt it-Taqsima 702 tal-FISA żdied minħabba bidliet fit-teknoloġija u fix-xejriet ta' komunikazzjoni kif ukoll f'ambjent ta' theddid li jevolvi;

22.  Jiddispjaċih li l-Istati Uniti ma ħatfux l-opportunità tal-awtorizzazzjoni reċenti tat-Taqsima 702 tal-FISA sabiex tinkludi s-salvagwardji pprovduti fil-PPD 28; jappella għall-evidenza u l-impenji legalment vinkolanti li jiżguraw li l-ġbir tad-data taħt it-Taqsima 702 tal-FISA mhuwiex indiskriminat u l-aċċess ma jseħħx fuq bażi ġeneralizzata (ġbir tal-massa) f'kuntrast mal-Karta tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali; jinnota l-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tagħha li s-sorveljanza skont it-Taqsima 702 tal-FISA hija dejjem ibbażata fuq seletturi u għalhekk ma tippermettix għal ġbir tal-massa; żżid leħinha għalhekk għas-sejħa li għamel il-WP29 għal rapport aġġornat mill-PCLOB dwar id-definizzjoni ta' "miri", fuq il-"kompiti tas-seletturi" u dwar il-proċess konkret tal-applikazzjoni tas-seletturi fil-kuntest tal-programm UPSTREAM sabiex tiċċara u tivvaluta jekk l-aċċess tal-massa għad-data personali sseħħx f'dak il-kuntest; jiddeplora l-fatt li individwi tal-UE huma esklużi mill-protezzjoni addizzjonali pprovduta mill-awtorizzazzjoni mill-ġdid tat-Taqsima 702 tal-FISA; jiddispjaċih li l-awtorizzazzjoni mill-ġdid tat-Taqsima 702 tinkludi diversi emendi li huma biss proċedurali u ma jindirizzawx il-kwistjonijiet l-aktar problematiċi, kif ukoll imqajma mill-WP29; jistieden lill-Kummissjoni biex tqis serjament l-analiżi tal-WP29 li jmiss dwar it-Taqsima 702 tal-FISA u taġixxi kif xieraq;

23.  Jafferma li l-awtorizzazzjoni mill-ġdid tat-Taqsima 702 tal-FISA għal sitt snin oħra twassal għal dubji dwar il-legalità tat-Tarka tal-Privatezza;

24.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar id-Digriet Eżekuttiv Nru 12333, li jippermetti lill-NSA taqsam ammonti kbar ta' data privata miġbura mingħajr mandati, ordnijiet tal-qorti jew awtorizzazzjoni tal-kungress ma' 16-il aġenzija oħra, fosthom l-FBI, l-Aġenzija tal-Infurzar tad-Drogi u d-Dipartiment tas-Sigurtà Interna; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' kwalunkwe stħarriġ ġudizzjarju tal-attivitajiet ta' sorveljanza mwettqa fuq il-bażi tad-Digriet Eżekuttiv Nru 12333;

25.  Jenfasizza l-ostakli persistenti fir-rigward ta' rimedju għal ċittadini mhux tal-Istati Uniti soġġetti għal miżura ta' sorveljanza bbażata fuq it-Taqsima 702 tal-FISA jew id-Digriet Eżekuttiv Nru 12333 minħabba r-rekwiżiti proċedurali ta' "reputazzjoni" kif attwalment interpretati mill-qrati tal-Istati Uniti, sabiex iċ-ċittadini, mhux tal-Istati Uniti, jkunu jistgħu jressqu azzjonijiet legali quddiem il-qrati tal-Istati Uniti kontra deċiżjonijiet li jaffettwawhom;

26.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-konsegwenzi tad-Digriet Eżekuttiv Nru 13768 bit-titolu "Insaħħu s-Sikurezza Pubblika ġewwa l-Istati Uniti" għal rimedji amministrattivi u ġudizzjarji disponibbli għall-individwi fl-Istati Uniti, minħabba li l-protezzjonijiet tal-Att tal-Privatezza ma jibqgħux japplikaw għal ċittadini, li mhumiex ċittadini tal-Istati Uniti; jieħu nota tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni li l-adegwatezza ta' valutazzjoni ma tiddependix fuq il-protezzjonijiet tal-Att dwar il-Privatezza u li għalhekk dan id-Digriet Eżekuttiv ma jaffettwax it-Tarka tal-Privatezza; iqis li l-Ordni Eżekuttiva 13768 madankollu tindika l-intenzjoni tal-eżekuttiv tal-Istati Uniti li jbiddel lura l-garanziji tal-protezzjoni tad-data mogħtija qabel liċ-ċittadini tal-UE u li jingħelbu l-impenji li saru lejn l-UE matul il-Presidenza ta' Obama;

27.  Jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu dwar l-adozzjoni reċenti tal-"Clarifying Lawful Overseas Use of Data Act" (l-Att dwar il-Kjarifika tal-Użu Legali tad-Data barra mill-Pajjiż) jew l-Att CLOUD (H.R. 4943), li jespandi l-kapaċitajiet tal-infurzar tal-liġi Amerikani u barranin biex jindividwaw u jaċċessaw id-data tan-nies lil hinn mill-fruntieri internazzjonali mingħajr ma jagħmlu użu mill-istrumenti ta' assistenza legali reċiproka (l-MLAT), li jipprovdu għal salvagwardji xierqa u jirrispettaw il-kompetenzi ġudizzjarji tal-pajjiżi fejn tinstab l-informazzjoni; jenfasizza li l-Att CLOUD jista' jkollu implikazzjonijiet serji għall-UE peress li huwa estensiv ħafna u joħloq kunflitt potenzjali ma' liġijiet tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data;

28.  Iqis li soluzzjoni iktar ibbilanċjata kienet tkun dik li tissaħħaħ is-sistema internazzjonali eżistenti ta' Trattati dwar l-Għajnuna Legali Reċiproka (MLATs) bil-għan li titħeġġeġ il-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali; jerġa' jsostni li, kif stipulat fl-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) Nru 2016/679 (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), l-assistenza legali reċiproka u ftehimiet internazzjonali oħra huma l-mekkaniżmu preferut li jippermetti l-aċċess għal data personali barra mill-pajjiż;

29.  Jiddispjaċih li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti ma rnexxilhomx jissodisfaw b'mod proattiv l-impenn tagħhom li jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni f'waqtha u komprensiva dwar kull żvilupp li jista' jkun ta' rilevanza għat-Tarka tal-Privatezza, inkluż in-nuqqas li jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar bidliet fil-qafas legali tal-Istati Uniti, pereżempju fir-rigward tal-Ordni Eżekuttiva tal-President Trump 13768 bit-titolu "Insaħħu s-Sikurezza Pubblika ġewwa l-Istati Uniti" jew it-tħassir tar-regoli dwar il-privatezza għall-fornituri tas-servizzi tal-internet;

30.  Ifakkar li, kif indikat fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2017, la l-Prinċipji tat-Tarka tal-Privatezza u lanqas l-ittri tal-amministrazzjoni tal-Istati Uniti ma jipprovdu kjarifiki u assigurazzjonijiet li juru l-eżistenza ta' drittijiet ta' rimedju ġudizzjarju effettiv għal individwi fl-UE fir-rigward tal-użu tad-data personali tagħhom mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi u ta' interess pubbliku, li ġew enfasizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza tagħha tas-6 ta' Ottubru 2015 bħala l-essenza tad-dritt fundamentali fl-Artikolu 47 tal-Karta tal-UE;

Konklużjonijiet

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiżgura li t-Tarka tal-Privatezza se tikkonforma għalkollox mar-Regolament (UE) 2016/679, li se jiġi applikat mil-25 ta' Mejju 2018, u mal-Karta tal-UE, b'tali mod li l-adegwatezza m'għandhiex twassal għal lakuni jew vantaġġ kompetittiv għall-kumpaniji tal-Istati Uniti;

32.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti ma reġgħux bdew id-diskussjonijiet dwar l-arranġament tat-Tarka tal-Privatezza u ma stabbilixxew ebda pjan ta' azzjoni sabiex jindirizza kemm jista' jkun malajr in-nuqqasijiet identifikati, kif mitlub mill-WP29 fir-rapport tiegħu ta' Diċembru dwar ir-reviżjoni konġunta; jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti sabiex jagħmlu dan mingħajr aktar dewmien;

33.  Ifakkar li l-privatezza u l-protezzjoni tad-data huma drittijiet fundamentali legalment infurzabbli li huma minquxa fit-Trattati, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll f'liġijiet u fil-ġurisprudenza; jenfasizza li dawn għandhom jiġu applikati b'mod li ma jxekklux bla bżonn il-kummerċ jew ir-relazzjonijiet internazzjonali, iżda ma jistgħux ikunu "ibbilanċjati" kontra interessi kummerċjali jew politiċi;

34.  Huwa tal-fehma li l-arranġament attwali tat-Tarka tal-Privatezza ma jipprovdix il-livell adegwat ta' protezzjoni meħtieġa skont il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-Karta tal-UE kif interpretati mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja;

35.  Iqis li, sakemm l-Istati Uniti hija konformi għal kollox sal-1 ta' Settembru 2018, il-Kummissjoni naqset milli taġixxi skont l-Artikolu 45(5) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tissospendi t-Tarka tal-Privatezza sakemm l-awtoritajiet tal-Istati Uniti jikkonformaw mat-termini tagħha;

36.  Jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, għall-Ġustizzja u l-Intern biex jibqa' jimmonitorja l-iżviluppi f'dan il-qasam, inkluż fuq il-kawżi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u sabiex jimmonitorja s-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-Riżoluzzjoni;

37.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Kunsill tal-Ewropa.

 

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Ġunju 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza