Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0524/2018Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0524/2018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-ħtieġa ta' mekkaniżmu komprensiv dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali

7.11.2018 - (2018/2886(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Marek Jurek, Zdzisław Krasnodębski, Anders Primdahl Vistisen, Mirosław Piotrowski f'isem il-Grupp ECR

Proċedura : 2018/2886(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0524/2018
Testi mressqa :
B8-0524/2018
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0524/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ħtieġa ta' mekkaniżmu komprensiv dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali

(2018/2886(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3(6), 4 u 5 tat-TUE u, b'mod partikolari, l-prinċipji tal-għoti tal-kompetenzi u tas-sussidjarjetà;

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 7 tat-TUE dwar ir-riskju ta' ksur serju jew ksur serju u persistenti tal-istat tad-dritt,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar il-proċedura ta' ksur,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 295 tat-TFUE dwar ftehimiet interistituzzjonali;

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali mill-Kummissjoni tal-2017 dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni Ewropea (COM(2018)0540),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali[1],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni hija komunità bbażata fuq id-dritt u taġixxi biss fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mill-Istati Membri fit-Trattati, u billi l-eżerċizzju ta' dawn is-setgħat huwa soġġett għall-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità;

B.  billi l-Unjoni ssegwi l-objettivi tagħha permezz ta' mezzi xierqa skont il-kompetenzi mogħtija lilha;

C.  billi skont l-Artikolu 7 tat-TUE, il-Kunsill u l-Kunsill Ewropew għandhom il-kompetenza li jiddeterminaw riskju ċar ta' ksur serju jew ksur persistenti min-naħa ta' Stat Membru tal-valuri komuni li fuqhom hija msejsa l-Unjoni;

D.  billi skont l-Artikolu 258 tat-TFUE, il-Kummissjoni tista' tressaq azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kontra Stat Membru minħabba ksur tat-Trattati;

E.  billi dawn il-proċeduri jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet kontra Stat Membru li jikser it-Trattati, inkluż sospensjoni tad-dritt tal-vot fil-Kunsill u penali finanzjarji;

F.  billi fl-2017, il-Kummissjoni ressqet 716-il ilment kontra Stati Membri dwar ksur tat-Trattati abbażi tal-proċedura prevista fl-Artikolu 258 tat-TFUE;

G.  billi l-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2016, stieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għall-istabbiliment ta' mekkaniżmu interistituzzjonali ġdid għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali li jipprevedi rapport annwali, imħejji minn kumitat ta' espert, dwar il-konformità tal-Istati Membri mal-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE, flimkien ma' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż;

H.  billi skont l-Artikolu 295 tat-TFUE, l-għan tal-istrument ta' ftehim interistituzzjonali huwa li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE fi ħdan il-kompetenzi eżistenti li huma mogħtija mit-Trattati;

I.  billi uffiċjali ta' livell għoli tal-Kummissjoni, inkluż il-Viċi President Frans Timmermans, kienu xettiċi dwar il-mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, filwaqt li ċaħdu li dan huwa meħtieġ flimkien ma' proċeduri eżistenti, u saħqu li hemm dubji serji dwar il-legalità, il-leġittimità istituzzjonali u l-infurzabbiltà tal-proposta;

1.  Jirrikonoxxi li l-UE għandha mekkaniżmi suffiċjenti tat-Trattat fis-seħħ sabiex jipprevjenu ksur tad-drittijiet u l-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni;

2.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 2 tat-TUE, il-valuri tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem huma komuni għall-Istati Membri; jisħaq fuq il-fatt li l-UE ma tistax tikkontesta n-natura legali ta' kwalunkwe Stat Membru mingħajr evidenza biżżejjed, ivverifikata skont in-normi tad-dritt, ħlief fejn tali kontestazzjoni hija ġustifikata minn sentenzi finali u sostanzjati biżżejjed minn awtoritajiet kompetenti, magħmula fi ħdan il-proċeduri rilevanti tat-Trattat;

3.  Jirrikonoxxi li, fin-nuqqas ta' bażi solida fit-Trattati, it-tkomplija tal-għoti ta' spinta għall-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, tmur kontra l-prinċipji u l-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, u b'hekk għall-prinċipji tal-istat tad-dritt, tal-għoti tal-kompetenzi u tas-sussidjarjetà; jisħaq fuq il-fatt li l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, jużurpa l-kompetenzi eżistenti taħt l-Artikolu 7 tat-TUE u l-Artikolu 258 tat-TFUE, u jikkostitwixxi wkoll abbuż tal-istrument ta' ftehim interistituzzjonali taħt l-Artikolu 259 tat-TFUE;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew japplikaw b'mod ġust u responsabbli l-istrumenti disponibbli skont it-Trattati biex jipproteġu l-valuri komuni u l-istat tad-dritt;

5.  Jitlob għar-rispett tal-prinċipji li jirregolaw l-imġiba stabbiliti fl-Artikolu 7 tat-TUE u fl-Artikolu 354 tat-TFUE, u l-prinċipju sottostanti ta' rispett reċiproku bejn il-pajjiżi demokratiċi għal għażliet ta' politika; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jaġixxu fi ħdan il-qafas previst mit-Trattati u fi spirtu ta' djalogu;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Novembru 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza