Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0554/2018Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0554/2018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-rispett tad-dritt tat-tfal għal familja wara s-separazzjoni tal-ġenituri

3.12.2018

imressqa skont l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura

Ivan Jakovčić, Jozo Radoš

B8-0554/2018

Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rispett tad-dritt tat-tfal għal familja wara s-separazzjoni tal-ġenituri

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi d-dibattitu dwar il-kustodja konġunta huwa partikolarment rilevanti llum, minħabba rati ta' żwieġ storikament baxxi u livelli relattivament għoljin ta' tifrik ta' żwiġijiet u relazzjonijiet;

B.  billi studji reċenti wrew li t-tfal li l-arranġamenti ta' għajxien tagħhom wara separazzjoni tal-ġenituri jinvolvu alternanza bejn il-ġenituri, fejn iqattgħu bejn wieħed u ieħor ammonti ta' ħin ugwali mat-tnejn, jirrapportaw livell ogħla ta' benessri u saħħa mentali aħjar mit-tfal li jgħixu fil-biċċa l-kbira jew esklussivament ma' ġenitur wieħed;

C.  billi l-aġenziji għall-protezzjoni tat-tfal spiss iħabbtu wiċċhom ma' sitwazzjonijiet diffiċli biex it-tfal jinżammu 'l bogħod mill-periklu, it-tneħħija tat-tfal mill-familja mingħajr raġunijiet konvinċenti tmur kontra d-dritt internazzjonali;

1.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu lill-ġenituri, mill-bidu nett u f'kull stadju tal-proċedimenti relatati mat-tfal, b'informazzjoni ċara u kompleta dwar il-proċedimenti u dwar il-konsegwenzi possibbli tagħhom;

2.  Jistieden lill-Kunsill jirrapporta dwar l-azzjonijiet speċifiċi li qed jiġu implimentati mill-Istati Membri bil-għan li jinħolqu sinerġiji bejn it-28 sistema nazzjonali ta' protezzjoni tat-tfal;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tfassal gwida ċara u faċilment aċċessibbli b'informazzjoni prattika għaċ-ċittadini tal-UE dwar l-arranġamenti istituzzjonali relatati mal-protezzjoni tat-tfal;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Jannar 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza