Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0559/2018Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0559/2018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-pakkett dwar is-suq uniku

5.12.2018 - (2018/2903(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
imressqa skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Nicola Danti f'isem il-Grupp S&D

Proċedura : 2018/2903(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0559/2018
Testi mressqa :
B8-0559/2018
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0559/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-pakkett dwar is-suq uniku

(2018/2903(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji" (COM(2015)0550),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Report on Single Market Integration and Competitiveness in the EU and its Member States" (Rapport dwar l-Integrazzjoni tas-Suq Uniku u l-Kompetittività fl-UE u fl-Istati Membri tagħha) (SWD(2015)0203),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" (COM(2015)0192),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 bit-titolu "Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali"[1],

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' April 2011 bit-titolu "L-Att dwar is-Suq Uniku - Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja - Flimkien għal tkabbir ġdid"(COM(2011)0206),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2012 bit-titolu "Att dwar is-Suq Uniku II – Flimkien għal tkabbir ġdid" (COM(2012)0573),

–  wara li kkunsidra r-rapport tad-9 ta' Mejju 2010 ta' Mario Monti lill-President tal-Kummissjoni bit-titolu "A New Strategy for the Single Market – At the Service of Europe's Economy and Society" (Strateġija ġdida għas-Suq Uniku għas-Servizz tal-Ekonomija u s-Soċjetà Ewropea),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2015 dwar il-governanza tas-suq uniku fis-Semestru Ewropew 2015[2],

–  wara li kkunsidra l-istudju tiegħu ta' Settembru 2014, ikkummissjonat mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bit-titolu "The cost of non-Europe in the single market" (Il-kost tan-non-Ewropa fis-suq uniku),

–  wara li kkunsidra l-istudju tiegħu ta' Jannar 2016, ikkummissjonat mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bit-titolu "A strategy for completing the single market: il-bonus ta' triljun euro" (Strateġija għall-ikkompletar tas-suq uniku: il-bonus ta' triljun euro),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' Mejju 2016 dwar l-Istrateġija għal Suq Uniku[3], ibbażata fuq rapport mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-suq uniku kien, u jista' jibqa', fattur li jikkontribwixxi għas-suċċess ekonomiku, għat-tkabbir u għall-impjiegi tal-Ewropa, u huwa wieħed mill-pedamenti tal-integrazzjoni Ewropea u tal-ekonomija soċjali tas-suq Ewropew; billi dan ġie aċċentwat aktar matul in-negozjati reċenti dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE;

B.  billi, skont riċerka tal-Parlament stess, l-ikkompletar tas-suq uniku mistenni jiġġenera gwadann ta' EUR 1 triljun;

C.  billi s-suq uniku ma jistax jitqies f'termini purament ekonomiċi iżda għandu jitqies bħala inkorporat f'qafas legali aktar mifrux li jagħti drittijiet speċifiċi liċ-ċittadini, lill-ħaddiema, lill-konsumaturi, lill-intraprendituri u lin-negozji;

D.  billi huwa meħtieġ approċċ strateġiku, olistiku u komprensiv; billi r-rispons għall-isfidi ffaċċjati għandha tkun politika daqs kemm tista' tkun teknika fin-natura tagħha;

1.  Jilqa' l-objettivi ġenerali tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Is-Suq Uniku f'dinja li qiegħda tinbidel – Ass uniku li jeħtieġ impenn politiku mġedded", li nħarġet ftit xhur qabel l-elezzjonijiet Ewropej tal-2019 u fil-25 anniversarju tas-suq uniku;

2.  Huwa konvint li suq uniku li jiffunzjona sew huwa wieħed mill-pilastri tal-Unjoni Ewropea, u huwa tassew importanti għall-preservazzjoni tal-mudell ekonomiku, soċjali u kulturali tal-UE u għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-Unjoni f'termini ta' tkabbir, innovazzjoni u ħolqien tal-impjiegi;

3.  Jirrikonoxxi, madankollu, li s-suq uniku pproduċa wkoll effetti negattivi, flimkien ma' dawn l-aspetti pożittivi, u issa jinsab f'salib it-toroq; jemmen li integrazzjoni aktar profonda tas-suq uniku teħtieġ aktar kuraġġ politiku u impenn minn 25 sena ilu minħabba kuntest globali li huwa aktar kumpless, u jenfasizza li jinħtieġu sforzi akbar biex is-suq jiġi kkompletat u tiżdied l-effikaċja tiegħu; jisħaq, għaldaqstant, li l-approfondiment tas-suq uniku għandu jerġa' jingħata prijorità fl-aġenda politika;

4.  Jisħaq li fis-suq uniku, il-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi għandhom ikunu komplementati minn struttura aktar mifruxa ta' regoli soċjali, drittijiet tal-ħaddiema, protezzjoni tal-konsumatur, leġiżlazzjoni ambjentali u politiki fiskali komuni;

5.  Jemmen li sabiex jissaħħaħ u jiġi approfondit is-suq uniku u tiġi ffaċilitata aktar kooperazzjoni fil-livell tal-UE u bejn l-Istati Membri, hija kruċjali d-difiża sħiħa tal-erba' libertajiet, jiġifieri l-moviment liberu tal-persuni, tas-servizzi, tal-prodotti u tal-kapital kemm fiżikament kif ukoll online;

6.  Iħeġġeġ it-tmiem tas-separazzjoni antikwata tas-suq uniku "diġitali" mis-suq uniku "offline", peress li s-soluzzjonijiet diġitali huma parti indispensabbli tal-ekonomija moderna u kull element tas-suq uniku għandu jkun adattat għall-era diġitali;

7.  Jinnota li llum huma 8 % biss tal-SMEs li joffru prodotti u servizzi online u 15 % biss tal-konsumaturi jagħmlu użu minn din il-possibbiltà; iżid li t-tlestija tas-suq uniku diġitali tista' twassal għal tkabbir ekonomiku sinifikanti u l-ħolqien ta' bosta impjiegi jekk jintuża l-potenzjal sħiħ tiegħu; jaċċentwa li din id-data turi b'mod ċar il-ħtieġa urġenti li titkompla l-ħidma biex l-isfera diġitali ssir kompletament aċċessibbli għaċ-ċittadini u n-negozji u biex titjieb il-fiduċja tal-konsumatur fid-dimensjoni diġitali;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni tkompli taħdem biex jitlesta s-suq uniku diġitali permezz ta' proposti ambizzjużi, bil-ħsieb li jiġu stabbiliti regoli komuni moderni u effikaċi sabiex jiġu protetti l-konsumaturi, tingħata għajnuna lill-amministrazzjonijiet pubbliċi, tissaħħaħ kemm il-kompetittività tan-negozji kif ukoll tal-SMEs Ewropej u tinħoloq kompetizzjoni ġusta;

9.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu eliminati l-ostakli eżistenti mhux ġustifikati fis-Suq Uniku sabiex jinkisbu riżultati tanġibbli u rapidi f'termini ta' tkabbir, innovazzjoni, ħolqien tal-impjiegi, għażla tal-konsumatur u mudelli ġodda ta' negozju; jinsab konvint ukoll li huma essenzjali kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni b'regoli ugwali għal kompetituri komparabbli fl-Istati Membri kollha;

10.  Jirrikonoxxi li miżuri nazzjonali mhux ġustifikati u sproporzjonati, kif ukoll miżuri mhux koordinati, jistgħu jipperikolaw l-unità u l-effikaċja tas-suq uniku; ifakkar, madankollu, li ċerti miżuri jistgħu jkunu leġittimi u meħtieġa biex jipproteġu l-objettivi ta' interess pubbliku bħal, fost oħrajn, il-protezzjoni tal-ħaddiema, l-iżgurar tas-sostenibbiltà u l-protezzjoni tal-konsumaturi;

11.  Jitlob lill-Kummissjoni tuża strumenti eżistenti biex tieħu azzjoni kontra regoli nazzjonali mhux ġustifikati li jisfidaw is-suq uniku u jirrikonoxxi li l-infrastruttura tar-regolamentazzjoni tas-suq uniku għandha tissaħħaħ biex tiżgura mekkaniżmi tajba ta' monitoraġġ u tidentifika traspożizzjoni jew applikazzjoni mhux korretti tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq uniku;

12.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li r-regoli jagħtu riżultati prattiċi: iċ-ċittadini u n-negozji jistgħu jgawdu mill-ħafna vantaġġi tas-suq uniku biss jekk ir-regoli li jkun intlaħaq qbil dwarhom b'mod konġunt fil-fatt ikunu qegħdin jaħdmu fil-ħajja ta' kuljum u joffru valur miżjud konkret; ifakkar li l-għan ewlieni tal-introduzzjoni ta' regoli ġodda għandu jkun li din tkun għall-benefiċċju taċ-ċittadini;

13.  Jappoġġja bis-sħiħ l-istedina tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew biex issir diskussjoni fil-fond – fil-livell ta' kapijiet ta' stat jew ta' gvern – dwar is-suq uniku fid-dimensjonijiet kollha tiegħu, bil-ħsieb li jiġu identifikati prijoritajiet komuni għal azzjoni konkreta u mekkaniżmi xierqa biex jintlaħaq l-impenn politiku tant meħtieġ li jiġġedded is-suq uniku;

14.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni li jmiss biex, fil-leġiżlatura li jmiss, 2019-2024, tippjana azzjonijiet ambizzjużi għas-suq uniku u tippreżenta proposti leġiżlattivi aktar f'waqthom, sabiex iż-żewġ koleġiżlaturi jkollhom biżżejjed żmien jeżaminawhom u, fejn xieraq, jadottawhom; jiddispjaċih li kien biss dan l-aħħar li wħud mill-proposti leġiżlattivi ewlenin tal-mandat 2014-2019 ġew proposti mill-Kummissjoni u li b'hekk kien pjuttost diffiċli li l-koleġiżlaturi jeżaminawhom u jadottawhom; jiddeplora l-fatt li l-Kunsill ma rnexxielux jilħaq qbil fir-rigward ta' pożizzjoni konġunta dwar diversi proposti leġiżlattivi ewlenin, fejn ċerti inizjattivi ilhom imblukkati għal snin sħaħ, u b'hekk il-proċess leġiżlattiv kien wieħed ineffikaċi; ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom, speċjalment fir-rigward taċ-ċittadini, in-negozji u l-awtoritajiet lokali tal-UE;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Diċembru 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza