Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B6-0111/2006Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B6-0111/2006

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

15.2.2006

b'talba biex tkun inkluża fl-aġenda għal dibattitu dwar każijiet ta' ksur ta' drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt
skond l-Artikolu 115 tar-Regoli ta' Proċedura
minn Charles Tannock u Bernd Posselt
f'isem il-Grupp EPP-ED
#
dwar il-wirt kulturali fl-Ażerbajġan

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B6-0111/2006
Testi mressqa :
RC-B6-0111/2006
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Il-Parlament Ewropew,

  • -wara li kkunsiddra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2005 u tas-27 ta' Ottubru 2005 dwar l-Ażerbajġan[1],
  • -wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Jannar 2005 dwar il-Politika Ewropea għall-Viċinanzi[2],
  • -wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kawkasu ta’ Isfel u speċjalment ir-riżoluzzjoni adottata fil-11 ta' Marzu 1999[3] u r-rakkomandazzjonjiet tiegħu adottati fis-26 ta' Frar 2004[4],
  • -wara li kkunsidra d-deċiżjoni meħuda mill-Kunsill fl-14 ta' Ġunju 2004 biex tinkludi kemm l-Armenja u kemm l-Ażerbajġan fil-qafas tal-Politika Ewropea għall-Viċinanzi, partikolarment bil-għan li jisseddqu relazzjonijiet ta' ġirien tajba, speċjalment fejn jidħol ir-rispett għall-minoranżi,
  • -wara li kkunsidra l-obbligazzjonijiet ta' l-Ażerbajġan u l-Armenja mal-Kunsill ta' l-Ewropa, speċjalment permezz tal-Konvenzjoni Kulturali Ewropea, il-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tal-wirt arkeoloġiku, u l-Konvenzjoni Qafas għall-protezzjoni ta' minoranzi nazzjonali, li huma rratifikaw u ntrabtu li jirrispettaw,
  • -wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Le Hague ta' l-1954 għall-protezzjoni ta' wirt kulturali fil-każ ta' konflitt armat, kif ukoll il-protokoll ta' l-1954 - li kemm l-Armenja u kemm l-Ażerbajġan huma marbutin bih - u kif dawn japplikaw f'territorji okkupati,
  • -wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-2003 tal-UNESCO dwar il-Qerda Intenzjonali ta' Wirt Kulturali li permess tagħha l-komunità internazzjonali tagħraf l-importanza tal-protezzjoni tal-wirt kulturali u terga' tafferma l-impenn tagħha li tiġġieled kontra l-qerda intenzjonali tiegħu, issir b'liema mod issir, biex dan il-wirt kulturali jkun jista' jgħaddi lill-ġenerazzjonijiet suċċessivi,
  • -wara li kkunsidra r-rapport tal-ICOMOS[5] u r-rapport intermedjarju fuq id-dritt tal-libertà tal-kult u tar-reliġjon magħmul mill-Kumitat ta' l-UN għad-drittijiet tal-bniedem[6],
  • -wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
  • A.billi saru allegazzjonijiet mill-Armenja li saru attakki biex jeqirdu ċ-ċimiterju ta' Djulfa fir-reġjun ta' Nakhichenan mill-forzi ta' l-Ażerbajġan f'Novembru ta' l-1998 u Diċembru 2002, billi l-aktar distruzzjoni riċenti saret f''Diċembru 2005, kif tista' tixhed dokumentazzjoni bil-vidjo meqjusa ta' min jorbot fuqha mill-awtoritajiet Armenjani;
  • B.billi kien hemm reazzjoni qawwija għal dawn l-azzjonijiet mill-komunità internazzjonali; billi l-Ażerbajġan ma' weġibx għall-mistoqsijiet li saru mis-Sur Abdelfattah Amor, li kien ir-rapporteur speċjali ta' qabel għall-Ġnus Magħquda dwar il-fatti ta' Novembru 1998 u Diċembru 2002;
  • C.billi saru allegazzjonijiet serji dwar l-involviment ta' l-awtoritajiet ta' l-Ażerbajġan fil-qerda ta' dawn il-monumenti;

   D   billi ta' min wieħed jinnota l-valur eċċezzjonali ta' dan is-sit arkeoloġiku, fejn kien għad baqa' eżistenti 6000 “khatchkars” - slaleb imnaqqxa fil-ġebel, tipiċi ta' l-arti sagra Armenjana - li huma xhieda tad-diversità etnika u kulturali tar-reġjun;

  • E.billi l-qerda u d-desakrazzjoni ta' kwalunkwe monument jew uġġett ta' wirt kulturali, reliġjuż jew nazzjonali, jikser il-prinċipji ta' l-Unjoni Ewropea;
  • F.billi din il-qerda tidħol fil-kuntest ta' konflitt aħrax bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan fit-territorju ta' Haut Karabagh;
  • G.billi dan il-konflitt f'Haut Karabagh diġà wassal direttament jew indirettament għall-qerda mill-forzi armenjani ta' għadd ta' elementi prezzjużi tal-patrimonju kulturali, reliġjuż u storiku ta' l-Ażrabajġan fit-territorji okkupati u f'Haut Karabagh, kif ukoll f'it-territorji armenjani;
  • H.billi n-negozjati dwar l-Haut Karabagh jistgħu jkollhom eżitu favorevoli u jista' jinstab qbil fuq il-prinċipji ta' kif għandu jkun irregolat il-konflitt u dan minkejja n-nuqqas ta' riżultati mil-laqgħa ta' de Rambouillet mal-presidenti ta' l-Armenja u ta' l-Ażerbajġan fl-10 u l-11 ta' Frar 2006;
  • I.billi jfakkar li l-Politika Ewropea għall-Viċinanżi għandha l-iskop li toħloq sħubija privileġġata ma' l-Ażerbajġan u l-Armenja fuq bażi ta' valuri komuni, inkluż ir-rispett lejn il-minoranzi u l-wirt kulturali tagħhom;
  • 1.jikkundanna bil-qawwa l-qerda taċ-ċimiterju ta' Djulfa, kif ukoll il-qerda ta' kull sit ta' valur storiku li sar fit-territorju ta' l-Armenja jew l-Ażerbajġan, u jikkundanna kwalunkwe att bħal dan li jipprova jeqred il-wirt kulturali ta' xi poplu;
  • 2.jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħmluha ċara lill-Armenja u lill-Ażerbajġan li jeħtieġ li jsir kull sforz biex tieqaf il-prattika ta' tindif etniku li wassal għal dawn l-azzjonijiet, u biex isibu mezzi biex jiffaċilitaw ir-ritorn gradwali tar-refuġjati u l-popolazzjoni spustata;
  • 3.jitlob li l-Ażerbajġam u l-Armenja jirrispettaw l-impenji internazzjonali tagħhom - partikolarment fil-qasam kulturali - u speċjalment dawk li huma marbutin ma' l-adeżżjoni tagħhom mal-Kunsill ta' l-Ewropa u l-integrazzjoni fil-Politika Ewropea għall-Viċinanzi;
  • 4.jenfasizza li r-rispett lejn id-drittijiet tal-minoranzi, inklużi l-wirt reliġjuż u kulturali, huwa kundizzjonali għall-iżvilupp ġenwin u effettiv tal-Politika Ewropea għall-Viċinanzi li jeħtieġ li twassal ukoll biex jitweqqu relazzjonijiet ta' ġirien tajbin bejn kull pajjiż konċernat;
  • 5.jitlob li l-Ażerbajġan iħalli jidħlu fuq it-territorju tiegħu missjonijiet bħal dik ta' l-esperti li jaħdmu għall-ICOMOS, bl-inkarigu li jeżaminaw u jipproteġu l-wirt arkeoloġiku, speċjalment wirt Armenjan, u jħalli wkoll delegazzjoni Parlamentari Ewropea żżur is-sit arkeoloġiku fi Djulfa;
  • 6.jappella lill-Armenja u lill-Ażerbajġan biex jirrispettaw l-obbligi internazzjonali tagħhom, partikolarment fil-qasam kulturali u dak tal-konservazzjoni tal-wirt storiku, li ttieħdu fil-qafas tal-parteċipazzjoni tagħhom f'entitajiet internazzjonali - bħalma huma l-UNESCO u l-Kunsill ta' l-Ewropa - u jappella wkoll biex jagħmlu ħilithom biex jipproteġu l-wirt arkeoloġiku, storiku u kulturali eżistenti fuq it-territorju tagħhom biex tkun evitata l-qerda ta' siti oħra fil-periklu;
  • 7.jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill biex idaħħlu klawsola fuq il-protezzjoni tas-siti prezzjużi ta' dawn it-territorji fil-Pjan ta'Azzjoni li attwalment qed jiġi diskuss fil-qafas tal-Politika Ewropea għall-Viċinanzi;
  • 8.jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill li bħala kundizzjoni għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni tal-Politika Ewropea għall-Viċinanzi jrid ikun hemm rispett mill-Ażerbajġan u mill-Armenja għall-prinċipji aċċettati universalment, u partikolarment għad-doveri tagħhom bħala membri tal-Kunsill ta' l-Ewropa, fejn jidħlu d-drittijiet tal-bniedem u tal-minoranzi, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jintegraw f'dawn il-pjanijiet ta' azzjoni dispożizzjonijiet għall-protezzjoni tal-wirt kulturali tal-minoranzi;
  • 9.jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti nazzjonali u gvernijiet ta' l-Istati Membri, lill-Gvern u l-President ta' l-Armenja, lill-Gvern u l-President ta' l-Ażerbajġan, kif ukoll lill-assembleji parlamentari ta' l-OSCE, il-Kunsill ta' l-Ewropa, id-Direttur Ġenerali tal-UNESCO u s-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda.