Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B6-0234/2006Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B6-0234/2006

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

5.4.2006

imressqa skond l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura minn
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin: dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja wara l-elezzjonijiet Presidenzjali tad-19 ta' Marzu

Proċedura : 2006/2546(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B6-0234/2006
Testi mressqa :
RC-B6-0234/2006
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja wara l-elezzjonijiet Presidenzjali tad-19 ta' Marzu

Il-Parlament Ewropew,

-  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja, b'mod partikulari r-riżoluzzjoni tas-16 ta' Frar 2006,

-  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kungress ta' l-Istati Uniti dwar "L-espressjoni ta' appoġġ għall-isforzi tal-poplu tar-Repubblika tal-Belarussja biex jistabbilixxi demokrazija sħiħa, l-istat tad-dritt, u r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u t-tħeġġiġ lill-Gvern tal-Belarussja biex fid-19 ta' Marzu 2006 jagħmel elezzjoni presidenzjali ħielsa u b'sens ta' ġustizzja" mgħoddija fit-8 ta' Marzu 2006,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija ta' l-20 ta' Marzu 2006 ta' l-OSCE/ODIHR dwar l-evalwazzjoni preliminari ta' l-elezzjoni,

-  wara li kkunsidra l-istqarrija tar-Rappreżentant Għoli ta' l-UE għas-CFSP dwar kif tmexxew l-elezzjonijiet Presidenzjali ta' l-20 ta' Marzu 2006 fil-Belarussja,

-  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni ta' l-20 ta' Marzu 2006,

-  wara li kkunsidra l-istqarrija tad-delegazzjoni ad hoc tal-Parlament Ewropew għall-elezzjonijiet presidenzjali ta' l-20 ta' Marzu 2006 fil-Belarussja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-elezzjonijiet Presidenzjali Belarussi saru fid-19 ta' Marzu 2006

B.  billi l-President Lukashenko estenda ż-żmien il-ġdid tiegħu fil-kariga permezz ta' referendum kostituzzjonali li ma laħaqx l-istandards demokratiċi internazzjonali; u li r-riżultati tiegħu ma ġewx irrikonoxxuti mill-komunità demokratika internazzjonali;

C.  billi l-awtoritajiet Belarussi għamlu l-elezzjonijiet fi klima ta' biża' billi ripetutament taw fastidju u arrestaw lil mexxejja prominenti ta' l-oppożizzjoni, lil membri ta' organizzazzjonijiet ta' l-istudenti u tal-minoranzi, inklużi mexxejja reliġjużi u komunitarji, ġurnalisti, attivisti ta' kampanji u membri ta' partiti politiċi favur id-demokrazija;

D.  billi l-elezzjonijiet saru f'atmosfera ta' iżolament bit-tisħiħ tal-kontrolli mal-fruntieri esterni, u billi l-awtoritajiet rażżnu l-libertà tal-kelma, il-libertà ta' l-espressjoni, il-libertà tal-midja, u l-libertà tad-dimostrazzjoni qabel l-elezzjonijiet u warajhom,

E.  billi l-votazzjoni kmieni ma kinitx trasparenti u billi l-impjegati ta' l-istat, ix-xjuħ u l-istudenti saret pressjoni dejjem akbar fuqhom, ġew intimidati u ġew mhedda bi tpattija bħat-telfien tax-xogħol, it-telfien ta' pensjonijiet u t-tkeċċija mill-universitajiet,

F.  billi l-Missjoni ta' l-OSCE/ODIHR għall-Osservazzjoni ta' l-Elezzjonijiet għall-elezzjonijiet Presidenzjali tad-19 ta' Marzu fil-Belarussja kkonkludiet li l-elezzjonijiet Presidenzjali li saru fil-Belarussja fl-2006 ma laħqux l-istandards demokratiċi internazzjonali; billi wkoll il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill ta' l-Ewropa, l-Istati Uniti u l-biċċa l-kbira ta' l-istituzzjonijiet internazzjonali u tal-gvernijiet ikkonkludew li l-elezzjonijiet kienu fundamentalment difettużi,

G.  billi matul il-ħamest ijiem ta' wara l-elezzjonijiet il-qawwiet ta' l-oppożizzjoni għamlu dimostrazzjonijiet kontinwi fil-pjazza ewlenija ta' Minsk biex jipprotestaw kontra l-mod qarrieqi ta' kif saru, minkejja t-theddid tal-President Lukashenko li "jilwi għonq" kulmin jipprova jaħtaf il-poter permezz ta' protesti popolari wara r-riżultati ta' l-elezzjonijiet u l-indikazzjonijiet ta' kastigi ħorox, inkluża l-piena tal-mewt, għal dawk arrestati waqt protesti bħal dawn,

H.  billi fis-sigħat bikrin tal-25 ta' Marzu l-pulizija attakkaw b'mod brutali l-kamp tat-tined li kienu tellgħu iż-żgħażagħ u l-istudenti fiċ-ċentru ta' Minsk u arrestaw mijiet ta' dimostranti,

I.  billi d-dimostranti, simpatizzanti barranin u ġurnalisti preżenti għar-ralijiet qed ikunu infamati u qed jittellgħu l-qorti mingħajr ir-rispett xieraq għad-dritt ta' difiża b'allegazzjonijiet li pprovokaw ralijiet illegali u li wettqu l-vandaliżmu; billi fis-27 ta' Marzu l-qrati Belarussi taw sentenzi ta' sa 15-il ġurnata ħabs lid-dimostranti li kienu arrestati talli ħadu sehem f'dimostrazzjoni mhux awtorizzata; billi inbdew investigazzjonijiet immotivati politikament kontra l-mexxejja ta' l-oppożizzjoni, inkluż Alexander Milinkevich, il-kandidat presidenzjali ewlieni ta' l-oppożizzjoni;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-elezzjonijiet Presidenzjali falluti tal-Belarussja u jirrimarka li r-reġim ta' Lukashenko m'għandu l-ebda leġittimità demokratika u jibqa' l-aħħar dittatorjat fl-Ewropa;

2.  Jiddenunzja l-elezzjonijiet presidenzjali tad-19 ta' Marzu 2006 bħala li ma ssodisfawx l-istandards internazzjonali meħtieġa għal elezzjonijiet ħielsa, b'sens ta' ġustizzja, ugwali, responsabbli u trasparenti; għaldaqstant, b'mod impliċitu, is-Sur Lukashenko ma jistax jiġi rrikonoxxut bħala l-president leġittimu tal-Belarussja u għandhom isiru elezzjonijiet presidenzjali oħra li jkunu konformi ma' standards demokratiċi internazzjonali;

3.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu ma' Aleksander Milinkevich u mal-qawwiet Demokratiċi Magħquda, kif ukoll ma' Aleksander Kozulin u maċ-ċittadini Belarussi kollha li qed jissieltu għal Belarussja indipendenti, miftuħa u demokratika bbażata fuq l-istat tad-dritt;

4.  Jinsab impressjonat bid-dimostrazzjonijiet tal-massa kontra n-natura mhux demokratika u falza ta' l-elezzjonijiet, li wrew ix-xenqa ta' parti kbira tas-soċjetà li tikseb lura d-drittijiet demokratiċi awtentiċi u l-ħelsien politiku f'pajjiżha, biex b'hekk kixfu potenzjal demokratiku kbir ħafna fil-Belarussja;

5.  Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza u l-arresti arbitrarji li wettaq ir-reġim Belarussu kontra l-eluf ta' nies li għamlu l-kuraġġ biex jipprotestaw kontra t-tbagħbis ta' l-elezzjonijiet presidenzjali u l-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-poplu Belarussu;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill u lill-komunità internazzjonali kollha kemm hi biex tkabbar l-appoġġ tagħha għall-poplu Belarussu u biex iżżid b'mod sustanzjali l-pressjoni fuq ir-reġim Belarussu sabiex itemm l-oppressjoni dittatorjali tal-poplu tiegħu, sabiex immedjatament jeħles lil dawk kollha li jinsabu miżmuma, sabiex iħassar id-deċiżjonijiet kollha tal-qrati kontra dimostranti paċifiċi, u sabiex jagħmel elezzjonijiet mill-ġdid, b'mod demokratiku, malajr kemm jista' jkun;

7.  Jitlob li l-gvern tal-Belarussja jwaqqaf is-swat u t-trattament ħażin tal-priġunieri politiċi u li jwettaq investigazzjoni trasparenti dwar l-abbuż mill-forza min-naħa tal-pulizija u tal-qawwiet tas-sigurtà kontra d-dimostranti;

8.  Jitlob li l-awtoritajiet Belarussi immedjatament jgħarrfu lill-pubbliku bl-ismijiet tal-persuni arrestati kollha, b'fejn jinsabu bħalissa, u bl-akkużi miġjuba kontrihom jenfasizza li l-awtoritajiet Belarussi huma obbligati li jiżguraw id-dritt tal-persuni arrestati kollha li jikkonsultaw lill-avukati privati tagħhom, jiltaqgħu ma' membri tal-familja, u jkollhom aċċess għall-informazzjoni;

9.  Jikkundanna lill-awtoritajiet Belarussi talli ma ħallewx lil ċerti ġurnalisti barranin jidħlu l-Belarussja biex josservaw l-elezzjonijiet;

10.  Jikkundanna lill-awtoritajiet Belarussi talli ma ħallewx delegazzjonijiet mill-Parlament Ewropew, u mill-parlamenti nazzjonali ta' Stati Membri ta' l-UE, josservaw l-elezzjonijiet tad-19 ta' Marzu 2006; u talli keċċew osservaturi mid-Danimarka, mill-Ġorġja, mill-Ġermanja, mill-Ukrajna u mill-Polonja, kif ukoll oħrajn mill-OSCE;

11.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li jżid lis-Sur Lukashenko mal-lista ta' persuni li ma tinħarġilhomx viża, iżda jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex iwessgħu il-lista ta' persuni li ma tinħarġilhomx viża biex tkun tinkludi rappreżentanti ta' l-awtoritajiet lokali, reġjonali, nazzjonali u akkademiċi Belarussi li kienu mdaħħla fil-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet politiċi taċ-ċittadini Belarussi matul u wara l-kampanja elettorali;

12.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill għal iffriżar internazzjonali ta' l-assi li l-awtoritajiet Belarussi għandhom barra l-pajjiż; għal miżuri restrittivi kontra kumpaniji li direttament u personalment għandhom x'jaqsmu ma' uffiċjali għolja tar-reġim, u għall-iffriżar ta' l-assi personali tal-President Lukashenko u tal-konsulenti qrib tiegħu;

13.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jagħmlu proposti biex issir iktar pressjoni fuq ir-reġim tas-Sur Lukashenko f'organizzazzjonijiet internazzjonali, jitlob li jkun ippreżentat pakkett ta' sanzjonijiet intelliġenti konkreti u diretti li jaffettwaw bl-aħrax lil min qed jikkommetti l-opressjoni mingħajr ma jżid aktar it-tbatija taċ-ċittadini tal-Belarussja.

14.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jindirizzaw kull forma ta' għajnuna finanzjarja lejn inizjattivi taċ-ċittadini, organizzazzjonijiet mhux governattivi, u intrapriżi ta' daqs żgħir u medju li m'għandhomx x'jaqsmu mal-gvern;

15.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-politika esterna tagħha fir-rigward tal-Belarussja u biex tagħmel proposti dwar kif id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem jistgħu jiġu promossi. Jenfasizza li l-problemi tal-Kummissjoni biex tagħti appoġġ adegwat lis-soċjetà ċivili Belarussa meta kienu resqin l-elezzjonijiet hija indikazzjoni oħra tal-ħtieġa urġenti li jinħoloq mekkaniżmu finanzjarju u amministrattiv effettiv biex jippromwovi d-demokrazija;

16.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex joħolqu sistema li tħaffef il-ħruġ tal-viża għas-soċjetà ċivili tal-Belarussja;

17.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jappoġġjaw u jsaħħu lill-ġurnalisti indipendenti, lit-TV, lill-internet, lill-midja stampata u lill-programmi mxandra fuq ir-radju għall-Belarussja bil-għan li jgħinu liċ-ċittadini Belarussi jiksbu tagħrif imparzjali u preċiż dwar pajjiżhom u dwar id-dinja;

18.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jipprovdu fondi għal aktar programmi ta' bdil edukattiv għaż-żgħażagħ Belarussi li tkeċċew mill-universitajiet tagħhom għal raġunijiet politiċi;

19.  Jinsab ixxukkjat bir-reazzjoni pożittiva tad-Duma Statali Russa u tal-President Russu Putin għall-mod kif tmexxew l-elezzjonijiet presidenzjali fil-Belarussja u għar-riżultat tagħhom; jifhem li l-effettività tal-politiki ta' l-UE fir-rigward tal-Belarussja hija mminata mill-attitudni irresponsabbli ta' l-awtoritajiet ta' Moska, li qed jagħtu appoġġ deċiżiv lill-aħħar dittatorjat fl-Ewropa; jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iqajmu b'urġenza l-kwistjoni tal-Belarussja ma' l-awtoritajiet Russi sabiex jiddefinixxu responsabilità komuni ħalli jwasslu għal bidliet demokratiċi konkreti f'dak il-pajjiż; u sabiex jieqfu r-repressjonijiet politiċi u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; huwa tal-fehma li sforzi speċifiċi għal dan il-għan għandhom isiru fil-qafas tal-Kunsill ta' l-Ewropa u ta' l-OSCE minħabba li r-Russja hi - flimkien ma' l-istati membri ta' l-Unjoni Ewropea - membru taż-żewġ organizzazzjonijiet,

20.  jitlob lill-Istati Membri rrappreżentati fil-G8 biex iqajmu s-sitwazzjoni attwali fil-Belarussja fuq l-aġenda tas-samit li se jsir din ir-rebbiegħa, biex jikkommettu lir-Russja ħalli tibdel il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-President Lukashenko u r-reġim tiegħu u ħalli tuża r-rabtiet mill-qrib tagħha mal-Belarussja biex tippromwovi d-demokrazija u r-riformi politiċi f'dan il-pajjiż.

21.  Jitlob lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill ta' l-Ewropa u lill-Istati Membri biex joħolqu kummissjoni internazzjonali ħalli tinvestiga l-għibien ta' Yuri Zakharenko, Victor Gonchar, Anatoly Krasovsky, Dmitry Zavadsky;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Parlamenti u lill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblej Parlamentari ta' l-OSCE u tal-Kunsill ta' l-Ewropa, lill-President u lid-Duma Statali tar-Russja u lill-Awtoritajiet Belarussi.