Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B6-0208/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B6-0208/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

23.5.2007

imressqa skond l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura minn
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin: dwar id-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B6-0208/2007
Testi mressqa :
RC-B6-0208/2007
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-qorti mmexxija mill-imħallef Hatim Abdurrahman Mohamed Hasan ikkundannat lil Amouna Abdallah Daldoum (ta' 23 sena) u lil Sadia Idries Fadul (mara ta' 22 sena mit-tribu Tama, Darfur), fis-6 ta' Marzu 2007 u t-13 ta' Frar 2007 rispettivament għall-mewt bit-tħaġġir talli wettqu adulterju,

B.  billi t-tħaġġir huwa kastig krudili u inuman u billi l-kastig aħrax ta' l-adulterju jikser id-drittijiet bażiċi tal-bniedem u l-obbligi internazzjonali li s-Sudan issottoskriva għalihom;

C.  billi ż-żewġ nisa appellaw kontra s-senteneza;

D.  billi, skond ittra mibgħuta mill-Ambaxxata tar-Repubblika tas-Sudan fi Brussell, il-Qorti annullat is-sentenza għall-mewt minħabba li s-Sinjura Daldoum u s-Sinjura Fadul ma ġewx ipprovduti 'bl-assistenza legali neċessarja' u se tirrevedi l-każ 'fid-dawl tar-rimarki legali tal-qorti ta' l-appell',

E.  billi fit-3 ta' Mejju l-Qorti Kriminali ta' Nyala fin-nofsinhar tad-Darfur ikkundannat lil Zakaria Mohamed u lil Ahmed Abdullah Suleiman, it-tnejn ta' l-età ta' 16-il sena, għall-mewt bil-forka minħabba akkużi ta' qtil u serq,

F.  billi s-Sudan irratifika l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li skond din is-Sudan impenja ruħu biex ma jwettaqx eżekuzzjonijiet ta' kwalunkwe persuna taħt it-18-il sena,

G.  billi l-Gvern Sudaniż huwa firmatarju tal-Ftehima ta' Cotonou u l-koperazzjoni ta' l-UE mal-pajjizi ta' l-ACP hija bbazata fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-principji demokratici u l-istat tad-dritt,

H.  billi r-Repubblika tas-Sudan hija firmatarja għall-klawżola tad-drittijiet tal-bniedem tal-Ftehima ta' Cotonou u għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

I.  billi l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, ratifikata mir-Repubblika tas-Sudan, tinkludi d-dritt għall-ħajja u l-projbizzjoni ta' tortura u kastigi u trattamenti krudili, inumani jew degradanti, iżda billi l-piena tal-mewt, is-swat bil-frosta, l-amputazzjoni u kastigi korporali oħra għadhom qed jitwettqu għal numru ta' reati kriminali:

J.  billi fl-14 ta' Marzu 2007 l-Kummissjoni Ewropea ħabbret €45 miljun addizzjonali f'għajnuna umanitarja għas-Sudan (għal total ta' €85 miljun għall-2007 s'issa), u dan juri l-impenn ta' l-UE għan-nies tas-Sudan,

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-annullament tas-sentenza tal-mewt - jekk dan fil-fatt jiġi kkonfermat mill-qorti nnifisha -u jistieden lill-Gvern Sudaniż biex jiggarantixxi l-integrità fiżika u psikoloġika ta' Sadia Idris Fadul u ta' Amouna Abdallah Daldoum;

2.  Jistieden lill-Gvern Sudaniż biex ineħħi s-sentenzi tal-mewt kontra Abdelrahman Zakaria Mohamed u Ahmed Abdullah Suleiman u biex jiggarantixxi l-integrità fiżika u psikoloġika tagħhom;

3.  Ifakkar bil-qawwa lill-Gvern tas-Sudan li l-użu tal-piena tal-mewt kontra delinkwenti minorenni huwa pprojbit skond il-liġi internazzjonali;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri:

  • (a)biex jikkundannaw l-użu tal-piena tal-mewt, is-swat bil-frosta u kastigi korporali, krudili jew degradanti oħra, biex jippromwovu d-dritt għall-ħajja u l-projbizzjoni ta' tortura u ta' kastigi u trattamenti krudili, inumani jew degradanti u biex jippromwovu d-drittijiet tan-nisa fir-relazzjonijiet tagħhom ma' l-awtoritajiet Sudaniżi, inkluż id-dritt tan-nisa u tal-bniet biex ikunu ħielsa mid-dikriminazzjoni u mill-vjolenza, b'konformità ma' l-istandards u l-liġijiet internazzjonali;
  • (b)biex jippromwovu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fir-relazzjonijiet tagħhom ma' l-awtoritajiet Sudaniżi, inkluża konformità mal-liġijiet nazzjonali u ma' l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, bħall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li s-Sudan ilu Stat Imsieħeb fih sa mill-1986, il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li s-Sudan ilu Stat Imsieħeb fih sa mill-1990, u l-klawżola tad-drittijiet tal-bniedem ta' l-Artikolu 96 tal-Ftehima ta' Cotonou, li s-Sudan iffirma fl-2005;

5.  Jistieden lill-Gvern tas-Sudan biex jirrevedi s-sistema ġudizzjarja tiegħu skond dan u biex jirratifika t-Tieni Protokoll Fakultattiv għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li għandu l-Għan li Jabolixxi l-Piena tal-Mewt;

6.  Jistieden lill-Gvern tas-Sudan biex jaderixxi mal-Protokoll tal-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli dwar id-Drittijiet tan-Nisa fl-Afrika, u kif ukoll mal-Protokoll tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Afrikana, li t-tnejn li huma ġew adottati f'Maputo, il-Możambik fil-11 ta' Lulju 2003;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill ta' l-ACP-UE u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta, lill-Kummissjoni, lis-Segretarji Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Unjoni Afrikana, u lill-Gvern tas-Sudan.