Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B6-0292/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B6-0292/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

11.7.2007

imressqa skond l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura minn
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin: Dwar il-Moldova

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B6-0292/2007
Testi mressqa :
RC-B6-0292/2007
Testi adottati :

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Moldova

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Moldova, u b’mod partikolari fit-Transnistrija,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn il-Moldova u l-Unjoni Ewropea, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1998,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni għall-Moldova adottat mis-seba’ laqgħa tal-Kunsill ta’ Koperazzjoni fit-22 ta' Frar 2005,

-   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni interim adottata mill-Kumitat għall-Ministri fl-1 ta’ Marzu 2006 rigward is-sentenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR) tat-8 ta’ Lulju 2004 fil-każ ta’ Ilascu u oħrajn kontra l-Moldova u l-Federazzjoni tar-Russja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet tas-Samit ta’ l-OSCE f’Istanbul fl-1999 u tal-Kunsill Ministerjali ta’ l-OSCE f’Porto fl-2002,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra ta’ l-1949 rigward id-drittijiet ta’ persuni mejta,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-gwerra ta' 1992 fir-reġjun tat-Transnistrija tar-Repubblika tal-Moldova wasslet għat-twaqqif ta’ reġim separatista, illeġittimu u awtoritarju f’dan ir-reġjun; is-sitwazzjoni tal-kunflitt iffriżat qed tkompli u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jibqa’ serju u mifrux;

B.   billi għadha ma nstabitx soluzzjoni finali għall-kunflitt fit-Transnistrija minkejja d-deċiżjonijiet internazzjonali msemmija hawn fuq, u billi dan in-nuqqas qed iwassal għal tnaqqir kontinwu tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem f’dan ir-reġjun;

C.  billi l-aħħar eżempju ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem fit-Transnistrija huwa l-każ ta’ Tudor Petrov-Popa u Andrei Ivantoc li kienu soġġetti għal trattament degradanti u li ma tħallewx jirritornaw lejn djarhom;

D.  billi l-arrest u d-detenzjoni għal akkużi ta’ terroriżmu tal-membri kollha ta’ l-hekk imsejjaħ grupp Ilascu, huma att illegali tar-reġim separatista tat-Transnistrija, u kemm l-arrest kif ukoll d-detenzjoni għal akkużi ma kinux jikkorrispondi ma’ l-istandards internazzjonali dwar il-prinċipji ta’ proċess ġust, ta’ l-stat tad-dritt, tar-rispett tad-drittijiet tal-priġunieri u ta’ l-evitar ta’ tortura u ta’ trattament diżuman;

E.  billi s-sentenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR) tat-8 ta’ Lulju 2004 fil-każ ta’ Ilascu u oħrajn kontra l-Moldova u l-Federazzjoni tar-Russja għadha ma ġietx implimentata u ġiet injorata għal kollox mir-reġim separatista tat-Transnistrija;

F.   ifakkar li l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fit-Transnistrija qed ikompli, b’mod partikulari fejn dan wassal għaċ-ċaħda tad-drittijiet tar-Rumeni minħabba l-għeluq ta' l-iskejjel tal-lingwa Rumena u minħabba l-profanazzjoni ta’ ċimiterju Rumen fit-Transnistrija, kif ukoll il-ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet politiċi tal-popolazzjoni kollha li tgħix fl-inħawi, b’riżultat ta’ traffikar ta’ bnedmin u ta’ kriminalità organizzata mifruxa;

G.   billi d-deċiżjonijiet tas-Samit ta’ l-1999 f'Istanbul u tal-Kunsill Ministerjali ta’ l-OSCE ta’ l-2002 f'Porto għadhom ma ġewx implimentati;

H.  billi l-Unjoni Ewropea ħadet passi importanti dan l-aħħar biex issaħħaħ l-impenn tagħha mar-Repubblika tal-Moldova fl-isforzi biex tinsab riżoluzzjoni għall-kunflitt tat-Transnistrija, billi fetħet delegazzjoni permanenti tal-Kummissjoni Ewropea f'Chisinau, billi ħatret Rappreżentant Speċjali ta' l-UE (EUSR) għall-Moldova b'mandat li jikkontribwixxi lejn konklużjoni sostenibbli tal-kunflitt tat-Transnistrija u billi tiġi stabbilita Missjoni ta' l-UE għal Assistenza fuq il-Fruntiera (EUBAM) għall-Moldova u għall-Ukraina,

I.  billi n-negozjati rigward it-Transnistrija, reġjun tal-Moldova, ilhom sejrin mill-1992, fil-Format imsejjaħ “5+2”, li fih ipparteċipaw il-Moldova, ir-reġjun tat-Transnistrija tal-Moldova, il-Federazzjoni tar-Russja, l-Ukraina u l-OSCE, filwaqt l-UE u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika ilhom osservaturi sa mill-2005; billi f'April 2006 it-taħditiet fallew,

J.   iqis l-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Moldova u jqis il-fatt li s-sitwazzjoni fit-Transnistrija qed isseħħ fil-viċinanza immedjata ta’ l-UE; jirrikonoxxi l-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova u jistieden lill-partijiet kollha biex jaħdmu bħala prijorità politika għar-riunifikazzjoni ta’ l-Istat;

1.  Jiddeplora n-nuqqas ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità tal-bniedem fit-Transnistrija, kif jidher mill-ġuri u mid-detenzjoni tal-grupp Ilascu, miċ-ċaħda tal-libertajiet tal-popolazzjoni li tgħix f'dawk l-inħawi, miċ-ċaħda tad-dritt ta' l-aċċess għall-informazzjoni u l-edukazzjoni li jirriżulta fi traffikar mifrux tal-bnedmin u fi kriminalità organizzata;

2.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħelsien tas-Sur Andrei Ivantoc u s-Sur Tudor Petrov-Popa, iżda jiddeplora l-fatt li l-ħelsien tagħhom mir-reġim separatist tat-Tiraspol kien iddikjarat li hu r-riżultat ta' l-iskadenza tal-perjodu ta' priġunerija li kellhom jiskontaw u mhux minħabba l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR); jikkundanna l-fatt li s-Sur Andrei Ivantoc, hekk kif kien meħlus, kien suġġett għal vjolenza u attakki fuq id-dinjità umana tiegħu, kif jixhed film tal-ħelsien tiegħu meħud minn xi xiehda;

3.  Jikkundanna r-ripressjoni, il-fastidju u l-intimidazzjoni kontinwa tar-rappreżentanti tal-midja indipendenti, ta' l-NGOs u tas-soċjetà ċivili mir-reġim separatista tat-Transnistrija;

4.  Jitlob il-waqfien taċ-ċaħda tal-libertà tal-persuni minħabba l-attività politika; f'dan ir-rigward jikkundanna l-arrest tat-2 ta' Ġunju u t-trattament sussegwenti tas-Sur Valentin Besleag, kandidat għal sindku fl-elezzjonijiet lokali leġittimi f'Corjova;

5.  Jitlob li jkun hemm ftehim mgħaġġel u finali tal-kunflitt iffriżat fit-Transnistrija li jiżgura d-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fit-territorju kollu tar-Repubblika tal-Moldova, b'konformità ma' prinċipji internazzjonali;

6.  Jenfasizza l-impenn sħiħ ta' l-UE għall-integrità territorjali tal-Moldova; jiġbed l-attenzjoni li r-reġim illeġittimu ta’ Tiraspol ma għandu l-ebda setgħa li jwaqqaf liċ-ċittadini tal-Moldova milli jidħlu fit-territorju tax-xatt tal-Punent tax-xmara Nistru u ma għandu l-ebda setgħa li jiddikjara lil xi ħadd "persona non grata";

7.   Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jaħsbu f’miżuri ta' involviment ikbar u sħiħ fil-proċess tan-negozjati u għas-soluzzjoni tal-kunflitt imsemmi hawn fuq; jiġbed l-attenzjoni għall-missjoni transkonfinali konġunta ta' l-UE ma' l-Ukraina li kienet suċċess u jistieden lill-gvern ta' l-Ukraina sabiex ikompli jappoġġja din il-missjoni;

8.  Jitlob li jkun hemm involviment ikbar ta' l-Unjoni Ewropea għas-soluzzjoni ta' dan il-kunflitt fil-viċinanzi immedjati tiegħu, inkluż it-tisħiħ ta' l-istejtus ta' l-UE bħala sieħba fin-negozjati;

9.  Ifakkar lill-partijiet kollha li r-reġim separatista tat-Transnistrija jippermetti l-inkoraġġiment tal-kriminalità organizzata, inklużi t-traffikar ta' l-armi u tal-bnedmin, u attivitajiet ta' kuntrabandu u ħasil tal-flus; jiġbed l-attenzjoni li dan jikkostitwixxi riskju konsiderevoli għall-istabilità tar-reġjun;

10.  Jitlob li jkun hemm implimentazzjoni immedjata u sħiħa tal-konklużjonijiet tas-Samit ta' l-OSCE li sar f'Istanbul fl-1999 u tal-Kunsill Ministerjali ta' l-OSCE li sar f'Oporto fl-2002 u tas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR) tat-8 ta' Lulju 2004 fil-każ tal-Grupp Ilascu u oħrajn kontra l-Moldova u l-Federazzjoni Russa; jistieden lill-UE sabiex tqajjem il-kwistjoni dwar l-irtirar tat-truppi Russi mit-Transnistrija fil-qafas tar-relazzjonijiet UE-Russja;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Moldova, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Russja u lis-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Ewropa.