Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B6-0110/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B6-0110/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

12.3.2008

imressqa skond l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura minn
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin: dwar l-Armenja

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B6-0110/2008
Testi mressqa :
RC-B6-0110/2008
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Armenja

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Armenja u n-Nofsinhar tal-Kawkasu, b'mod partikulari dik tas-17 ta' Jannar 2008 dwar politika aktar effettiva ta' l-UE għan-Nofsinhar tal-Kawkasu: mill-wegħdiet għall-azzjoni, [1]

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2008 dwar Approċċ Politiku Reġjonali għall-Baħar l-Iswed ,[2]

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat,[3]

–  wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Armenja, minn naħa l-oħra, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1999,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni ta' l-ENP appoġġjat mill-Kunsill ta' Koperazzjoni UE-Armenja fl-14 ta' Novembru 2006, li jippermetti li jkun implimentat pakket sħiħ ta' riformi bl-għajnuna ta' l-UE,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-sejbiet preliminari u l-konklużjoni tal-Missjoni Internazzjonali ta' Osservazzjoni Elettorali ta' l-20 ta' Frar 2008, kif ukoll ir-rapport intermedju ta' wara l-elezzjoni tat-3 ta' Marzu 2008,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Presidenza f'isem l-Unjoni Ewropea ta' l-1 ta' Marzu 2008 dwar is-sitwazzjoni wara l-elezzjonijiet presidenzjali tad-19 ta' Frar, kif ukoll id-dikjarazzjoni tal-Presidenza f'isem l-Unjoni Ewropea tat-22 ta' Frar dwar l-elezzjonijiet presidenzjali fl-Armenja tad-19 ta' Frar 2008,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-2 ta' Marzu 2008 minn Javier Solana, ir-Rappreżentant Għoli għas-CFSP, u d-dikjarazzjonijiet tal-21 ta' Frar 2008 u ta' l-4 ta' Marzu 2008 mill-Kummissarju Ferrero-Waldner,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea tibqa' impenjata li tiżviluppa iktar ir-relazzjonijiet tagħha ma' l-Armenja u biex tappoġġja l-pajjiż fl-isforzi tiegħu biex jintroduċi r-riformi politiċi u ekonomiċi meħtieġa, kif ukoll il-miżuri biex jistabbilixxi istituzzjonijiet demokratiċi solidi u effiċjenti, u biex jittratta l-korruzzjoni; billi l-Pjan ta' Azzjoni ta' l-ENP jipprovdi l-opportunità lill-Armenja biex tersaq qrib l-UE u biex tħaddan u taqsam il-valuri fundaturi tagħha,

B.  billi l-Missjoni Internazzjonali ta' Osservazzjoni Elettorali ddikjarat li l-elezzjonijiet presidenzjali tad-19 ta' Frar kienu 'amministrati ġeneralment b'konformità ma' l-impenji u l-istandards ta' l-OSCE u tal-Kunsill ta' l-Ewropa', iżda identifikat ukoll numru ta' preokkupazzjonijiet, b'mod partikulari rigward l-impenn tal-midja li jipprovdu informazzjoni imparzjali,

C.  billi kien meqjus li kundizzjonijiet ulterjuri huma meħtieġa biex ikunu indirizzati l-problemi li baqa' (bħan-nuqqas ta' separazzjoni ċara bejn il-funzjonijiet ta' l-istat u l-partit, li tiżgura t-trattament indaqs ta' kandidati għall-elezzjoni u t-tmexxija ta' l-għadd) u biex il-pubbliku jerġa' jakkwista l-fiduċja fil-proċess elettorali,

D.  billi r-riżultati uffiċjali ta' l-elezzjonijiet presidenzjali fl-Armenja fid-19 ta' Frar 2008 wrew rebħa ma' l-ewwel għadd tal-Prim Ministru Serzh Sarkisian iżda billi dawn kienu kkuntestati minn wieħed mill-mexxejja ta' l-oppożizzjoni, Levon Ter-Petrosian, b'akkużi ta' frodi; billi l-Qorti Kostituzzjonali eżaminat ir-rikjesti li saru mill-oppożizzjoni u kkonkludiet li, għalkemm kien hemm irregolaritajiet, ma kienx hemm provi biżżejjed biex ikun iġġustifikat id-dubju dwar ir-riżultat ta' l-elezzjoni,

E.  billi l-partitarji ta' l-oppożizzjoni bdew jagħmlu manifestazzjonijiet paċifiċi fl-20 ta' Frar f'Yerevan biex jipprotestaw kontra r-riżultat ta' l-elezzjoni u jitolbu li din terġa' ssir; billi fil-lejla ta' l-1 ta' Marzu, wara 11-il ġurnata ta' protesti mill-partitarji ta' l-oppożizzjoni, faqqgħat il-vjolenza meta l-pulizija daħlet f'Misraħ il-Ħelsien fiċ-ċentru ta' Yerevan biex tferrex il-manifestanti kkampjati fit-tined, liema azzjoni ħalliet tminn persuni mejta inkluż uffiċjal tal-pulizija, u għexieren ta' feruti; billi fl-11 ta' Marzu 2008 kien iddikjarat stat ta' emerġenza, li impona restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-midja, il-libertà ta' assemblea u l-partiti politiċi,

F.  billi l-istazzjonijiet tat-televiżjoni kkontrollati mill-gvern virtwalment injoraw il-manifestazzjonijiet; billi, waqt stat ta' emerġenza, il-ġurnalisti lokali huma pprojbiti milli jxerrdu kwalunkwe informazzjoni li ġejja minn sors li mhux il-gvern; billi, bħala konsegwenza, seba' gazzetti ewlenin, uħud indipendenti u oħrajn b'rabtiet ma' l-oppożizzjoni, irrifjutaw li joperaw taħt kundizzjonijiet bħal dawn u ssospendew il-pubblikazzjoni; billi l-konnessjonijiet bl-internet u bis-satellita ta' uħud mill-gazzetti indipendenti kienu mblukkati;

G.  billi ħafna nies kienu arrestati u numru minnhom kienu akkużati li istigaw u pparteċipaw f'diżordni tal-massa u li ppruvaw jaħtfu l-poter bil-forza; billi fl-4 t'April il-Parlament Armen neħħa l-immunità ta' erbgħa mill-Membri tiegħu sabiex dawn jirrispondu għal akkużi kriminali,

H.  billi r-Repubblika ta' l-Armenja hija nvoluta f'kunflitt mhux solvut mar-Repubblika ta' l-Ażerbajġan dwar it-territorju ta' Nagorno-Karabakh,

1.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-iżviluppi reċenti fl-Armenja, bir-ripressjoni vjolenti mill-pulizija ta' dimostrazzjonijiet ta' l-oppożizzjoni, li wasslet għall-mewt ta' tminn ċittadini, inkluż uffiċjal tal-pulizija, b'aktar minn mitt ruħ feruta, u jistieden lill-partijiet kollha biex jagħtu prova ta' onestà u rażan, biex jimmoderaw it-ton tad-dikjarazzjonijiet u biex jimpenjaw ruħhom għal djalogu kostruttiv u produttiv bil-għan li jingħata appoġġ u jkunu kkonsolidati l-istituzzjonijiet demokratiċi tal-pajjiż;

2.  Jitlob li jkun hemm investigazzjoni fil-pront, trasparenti, indipendenti u imparzjali ta' l-avvenimenti ta' l-1 ta' Marzu, inkluża investigazzjoni indipendenti ta' l-intervent tal-pulizija waqt it-tixrid tal-manifestanti, u biex dawk kollha responsabbli jitressqu quddiem qorti u jkunu kkastigati għal kondotta ħażina u atti kriminali ta' vjolenza; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex joffru l-għajnuna ta' l-UE lill-awtoritajiet Armeni b'investigazzjoni bħal din;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet Armeni biex ineħħu l-istat ta' emergenza, li kien imtaffi permezz ta' digriet presidenzjali fl-10 ta' Marzu 2008, biex jerġgħu jippermettu l-libertà tal-midja u biex jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li s-sitwazzjoni terġa' tiġi għan-normal; iħeġġiġhom, barra minn hekk, biex iqisu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li nġibdet l-attenzjoni għalihom fir-rapport uffiċjali ppublikat mill-Ombudsman tar-Repubblika ta' l-Armenja;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet Armeni biex jeħilsu ċ-ċittadini arrestati għaliex eżerċitaw id-dritt tagħhom ta' assemblea paċifika;

5.  Jenfasizza li l-Qasam ta' Prijorità 1 tal-Pjan ta' Azzjoni ta' l-ENP jittratta t-tisħiħ ta' l-istrutturi demokratiċi u l-istat tad-dritt; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex f'dan il-kuntest tiffoka l-għajnuna tagħha lill-Armenja fuq l-indipendenza tal-ġudikatura u t-taħriġ tal-forzi tal-pulizija u tas-sigurtà, u jistieden lill-awtoritajiet Armeni biex jimplimentaw bil-ħeffa r-rakkomandazzjonijiet tal-Missjoni Internazzjonali ta' Osservazzjoni Elettorali li baqa';

6.  Jappoġġja lir-Rappreżentant Speċjali ta' l-UE għan-Nofsinhar tal-Kawkasu, Peter Semneby, fl-irwol tiegħu fil-faċilitazzjoni tad-djalogu bejn il-gruppi politiċi u fir-riċerka ta' soluzzjonijiet possibbli għall-kriżi politika fl-Armenja, u jilqa' b'sodisfazzjon il-medjazzjoni mill-Mibgħut Speċjali ta' l-OSCE, l-Ambaxxatur Heikki Talvitie, li għandu esperjenza kbira fir-reġjun tan-Nofsinhar tal-Kawkasu, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Armeni biex jikkoperaw bis-sħiħ mal-komunità internazzjonali biex tinstab soluzzjoni bi ftehim;

7.  Jiddeplora l-imwiet li seħħew reċentement fuq il-'linja tal-kontroll' waqt ġlied bejn il-qawwiet Armeni u ta' l-Ażerbajġan; jitlob lin-naħat kollha biex ma jkomplux bil-vjolenza u jerġgħu lura għall-mejda tan-negozjati;

8.  Itenni l-impenn ċar ta' l-UE għall-bini ta' rabtiet iktar mill-qrib ma' l-Armenja u l-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Kawkasu, b'mod partikulari billi tkompli tiżviluppa u ssaħħaħ il-Politika tal-Viċinat, jenfasizza, madankollu, li koperazzjoni aktar mill-qrib ma' l-Unjoni Ewropea trid tkun ibbażata fuq progress reali u tanġibbli u riformi u impenn sħiħ għad-demokrazija u l-istat tad-dritt; jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli tappoġġja l-isforzi li għandhom l-għan li jsaħħu l-kultura politika fl-Armenja, li jsaħħu d-djalogu u jnaqqsu l-livell għoli ta' tensjoni bejn il-partiti fil-gvern u fl-oppożizzjoni;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, il-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-President u l-Parlament ta' l-Armenja, l-OSCE u l-Kunsill ta' l-Ewropa.