Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B6-0112/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B6-0112/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

12.3.2008

imressqa skond l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura minn
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin: dwar il-każ tal-ġurnalista Afgan Perwiż Kambakhsh

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B6-0112/2008
Testi mressqa :
RC-B6-0112/2008
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-każ tal-ġurnalista Afgan Perwiż Kambakhsh

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Afganistan,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Afgana li ġiet adottata fl-2004,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni ta' l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta’ Diċembru ta’ l-2007 li titlob moratorju dinji fuq il-piena tal-mewt;

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi fit-22 ta’ Jannar 2008 qorti reġjonali fil-provinċja ta’ Balkh fit-tramuntana ta’ l-Afganistan ikkundannat għall-mewt lill-ġurnalist Afgan ta’ 23 sena Perwiz Kambakhsh talli ċċirkola artiklu dwar id-drittijiet tan-nisa fl-Islam li kien niżżel mill-internet; billi l-imħalfin iddeċidew li l-artikolu kien “dagħwa” u kkundannaw lis-Sur Kambakhsh għall-mewt skond il-liġi Iżlamika tax-Xarija,

B.  billi Perwiz Kambakhsh kien imċaħħad minn rappreżentazzjoni legali u kkundannatu mingħajr smigħ xieraq; billi hu kien allegatament imsawwat u mhedded li jiġi ġġustizzjat sakemm iffirma konfessjoni ta’ ħtija,

C.  billi fis-6 ta’ Frar 2008, delegazzjoni mill-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti Indipendenti ta’ l-Afganistan (AIJA) iltaqgħat mal-President Hamid Karzai f’Kabul, u tagħtu d-dettalji ta’ dan il-każ u talbitu jintervjeni f’isem is-Sur Kambakhsh,

D.  billi l-Artikolu 34 tal-Kostituzzjoni ta’ l-Afganistan jiddefendi b’mod ċar id-dritt għall-libertà ta' l-espressjoni, b’konformità mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u jiddikkjara li “il-libertà ta’ l-espressjoni hi invjolabbli; kull Afgan għandu d-dritt li jesprimi ħsibijiet permezz ta’ kliem, kitba, illustrazzjonijiet kif ukoll b’mezzi oħra skond id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Kostituzzjoni”,

E.  billi ġurnalisti fl-Afganistan, b’mod speċjali n-nisa, qegħdin jiffaċjaw dejjem iktar intimidazzjoni, theddid ta’ mewt, ħtif u vjolenza,

F.  billi l-kundanna għall-mewt ta’ Perwiz Kambakhsh inħarġet minkejja l-adozzjoni ta’ reżoluzzjoni ta’ l-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-18 ta’ Diċembru 2007 li titlob moratorju dinji fuq l-użu tal-piena tal-mewt u waqt li total ta’ 135 pajjiż neħħew il-piena tal-mewt fil-liġi jew fil-prattika,

1.  Jafferma mill-ġdid l-oppożizzjoni bla kundizzjoni tiegħu għall-piena tal-mewt u l-impenn tiegħu għar-rispett ta’ l-istat tad-dritt;

2.  Jikkundanna l-arrest ta’ Perwiz Kambakhsh u d-deċiżjoni mill-qorti ta’ l-ewwel istanza tal-provinċja ta’ Balkh sabiex jiġi ġġustizzjat minħabba id-dagħa; jitlob li s-Sur Kambakhsh jinħeles;

3.  Jistieden b’mod urġenti lill-awtoritajiet Afgani sabiex juru l-impenn tagħhom għad-drittijiet tal-bniedem u dawk demokratiċi biex jagħmlu ħilithom kollha sabiex iwaqqfu l-eżekuzzjoni tiegħu u jiksbu reviżjoni tal-każ tiegħu; jitlob lill-President Karzai, jekk il-qorti ta’ l-appell tikkonferma l-piena tal-mewt, sabiex juża l-poter tiegħu biex jagħti l-maħfra lis-Sur Kambakhsh;

4.  Ifakkar fl-assigurazzjonijiet dwar is-sikurezza ta’ Perwiz Kambakhsh li l-President Hamid Karzai ta lil delegazzjoni mill-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti Indipendenti ta’ l-Afganistan fis-6 ta’ Frar 2008;

5.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu ma' dawk kollha li qed jiġġieldu għall-ġurnaliżmu indipendenti fl-Afganistan;

6.  Jistieden lill-President u lill-Parlament ta’ l-Afganistan biex jieħdu l-passi xierqa sabiex iħaffu l-iżvilupp ta’ sistema penali u ġudizzjarja li tiffunzjona u li tkun imsejsa fuq l-istandards u l-aħjar prattiki internazzjonali; jilqa’ bi pjaċir l-istqarrija tal-Kummissjarju ta’ l-Affarijiet Barranin ta’ l-UE dwar appoġġ finanzjarju immedjat sabiex jgħin lill-Afganistan isaħħaħ l-istat tad-dritt u jirriforma l-ġudikatura tiegħu, stqarrija li saret fil-konferenza ta’ Ruma dwar “L-Istat tad-Dritt fl-Afganistan” f’Lulju 2007;

7.  Jistieden lill-Gvern Afgan sabiex jirrispetta b’mod sħiħ id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u biex jiżgura li l-libertà ta' l-espressjoni tkun garantita u rispettata b'mod sħiħ għaċ-ċittadini kollha ta' l-Afganistan;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri ta’ l-UE u tar-Repubblika Iżlamika ta’ l-Afganistan.