Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B6-0278/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B6-0278/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

2.6.2008

imressqa skond l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura minn
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin: dwar is-sitwazzjoni fil-Ġeorġja

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B6-0278/2008
Testi mressqa :
RC-B6-0278/2008
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Ġeorġja

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Ġeorġja, b'mod partikulari dawk ta' Ottubru 2006 u tad-29 ta’ Novembru 2007,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat tal-15 ta’ Novembru 2007, dwar ‘Politika ta’ l-UE aktar effettiva għall-Kawkasu tan-Nofsinhar’ tas-17 ta’ Jannar 2008 u dwar ‘Approċċ Politiku Reġjonali għall-Baħar l-Iswed’ tas-17 ta’ Jannar 2008,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima ta’ Sħubija u Koperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1999,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat approvat mill-Kunsill ta' Koperazzjoni bejn l-UE u l-Ġeorġja fl-14 ta' Novembru 2006,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-15 ta’ April li tappoġġja l-integrità territorjali tal-Ġeorġja u li testendi l-mandat tal-Missjoni ta’ Osservazzjoni tan-NU fil-Ġeorġja (UNOMIG) sal-15 ta' Ottubru,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kumitat għall-Koperazzjoni Parlamentari UE-Ġeorġja fid-29-30 ta’ April 2008,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Presidenza f’isem l-UE tat-18 ta’ April u tat-2 ta’ Mejju 2008 dwar iż-żieda fit-tensjoni bejn il-Ġeorġja u r-Russja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tar-Riżultati Preliminari u l-Konklużjonijiet tal-Missjoni Internazzjonali ta’ Osservazzjoni għall-elezzjonijiet parlamentari tal-Ġeorġja tat-22 ta’ Mejju 2008,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-26 ta’ Mejju ta’ l-investigazzjoni tal-Missjoni ta’ Osservazzjoni tan-NU fil-Ġeorġja dwar it-twaqqigħ ta’ ajruplan Ġeorġjan bla ekwipaġġ,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet dwar il-Ġeorġja tal-Kunsill ta’ l-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tas-26 ta’ Mejju 2008,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea tibqa’ impenjata li tkompli tiżviluppa u ssaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħha mal-Ġeorġja u tappoġġja r-riformi politiċi u ekonomiċi meħtieġa, miżuri li jistabbilixxu istituzzjonijiet demokratiċi solidi u effiċjenti u ġudikatura effettiva u indipendenti u iktar sforzi kontra l-korruzzjoni, biex b’hekk tinħoloq Ġeorġja paċifika u prospera li tista’ tikkontribwixxi għall-istabilità fir-reġjun u fil-bqija ta’ l-Ewropa,

B.  billi wara digriet Presidenzjali, ministeri Russi u aġenziji statali oħra ngħataw istruzzjonijiet biex jistabbilixxu rabtiet uffiċjali ma' l-aġenziji statali fir-reġjuni seċessjonisti Ġeorġjani ta' l-Abkażja u ta' l-Ossezja tan-Nofsinhar,

C.  billi l-Federazzjoni Russa rtirat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kapijiet ta’ Stat tas-CIS tad-19 ta’ Jannar 1996 li tipprojbixxi l-Istati firmatarji milli jkollhom koperazzjoni militari ma’ l-awtoritajiet separatisti ta’ l-Abkażja,

D.  billi f’Mejju r-Russja unilateralment firxet aktar truppi u poġġiet artillerija qawwija fl-Abkażja taħt il-patroċinju ta' missjoni ta' paċi tas-CIS u ħabbret l-intenzjoni tagħha li tistabbilixxi 15-il punt ta' kontroll ieħor tul il-linja amministrattiva tal-fruntiera; billi r-rappreżentanti Russi ħabbru li l-għadd ta’ truppi tal-battaljun Russu fl-Ossezja tan-Nofsinhar jista’ jiżdied,

E.  billi fl-20 ta’ April twaqqa’ fuq l-Abkażja ajruplan Ġeorġjan bla pilota u ta' sorveljanza; billi r-rapport reċenti tal-UNOMIG dwar l-inċident jindika li l-ajruplan bla pilota u ta' sorveljanza twaqqa' minn ajruplan Russu; billi dan ir-rapport jistqarr ukoll li l-Ġeorġja m'għandhiex tkompli tibghat dawn l-ajruplani bla pilota u ta’ sorveljanza fuq l-Abkażja,

F.  billi minn Ottubru ta’ l-2007 ma sarux laqgħat uffiċjali ta’ livell għoli bejn rappreżentanti Ġeorġjani u ta’ l-Abkażja taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti; billi l-President Ġeorġjan Mikheil Saakashvili ressaq proposti ġodda dwar ir-riżoluzzjoni tal-kunflitt fl-Abkażja, li jinkludu rappreżentanza politika wiesgħa fl-ogħla livelli tal-gvern Ġeorġjan, l-għoti ta’ drittijiet ta’ veto fuq il-leġiżlazzjoni kollha ewlenija marbuta ma’ l-Abkażja, u l-istabbiliment ta’ garanziji internazzjonali li jiżguraw federaliżmu wiesa’, awtorità bla limitu u sigurtà,

G.  billi l-Ġeorġja ħadet passi uffiċjali li jitolbu r-reviżjoni tal-format attwali għaż-żamma tal-paċi jew is-sostituzzjoni tal-kontinġent Russu għaż-żamma tal-paċi li bħalissa qiegħed fl-Abkażja,

H.  billi fil-15 ta’ Mejju l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat riżoluzzjoni li tirrikonoxxi d-dritt ‘tar-refuġjati u tal-persuni spustati internament u tad-dixxendenti tagħhom, tkun xi tkun l-etniċita’ sabiex jirritornaw fl-Abkażja u tenfasizza l-importanza li jinżammu d-drittijiet tal-proprjetà ta’ refuġjati u ta’ persuni spustati internament, inklużi l-vittmi ‘tat-tindif etniku’ li ġie rappurtat,

I.  billi l-awtoritajiet ta’ Tbilisi ssospendew taħditiet bilaterali ma’ Moska dwar l-adeżjoni tar-Russja mad-WTO bħala protesta għad-deċiżjoni tar-Russja li żżid il-koperazzjoni mar-repubbliki ta’ l-Abkażja u ta’ l-Ossezja tan-Nofsinhar li pproklamaw lilhom infushom bħala tali; billi l-projbizzjoni Russa fuq l-importazzjoni ta’ nbid u prodotti agrikoli Ġeorġjani għadha fis-seħħ,

J.  billi fil-5 ta’ Jannar 2008 sar plebixxit fil-Ġeorġja kollha; billi fis-samit tan-NATO tat-2-4 ta’ April f’Bukarest, ma kien offrut ebda pjan ta’ azzjoni ta’ sħubija lill-Ġeorġja, iżda sar impenn politiku rigward sħubija fil-futur,

K.  billi l-għoti ta' ċittadinanza mir-Russja lil persuni mill-Abkażja u mill-Ossezja tan-Nofsinhar, sabiex dawn ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-ftehima bejn l-UE u r-Russja għat-tħaffif tal-ħruġ tal-viżi, qed ikompli jqiegħed liċ-ċittadini Ġeorġjani fi żvantaġġ minħabba li għad m'hemmx ftehima simili ma' l-UE,

L.  billi, minkejja l-isforzi biex l-elezzjonijiet Ġeorġjani jsiru skond standards internazzjonali, il-Missjoni Internazzjonali ta’ Osservazzjoni għall-elezzjonijiet parlamentari Ġeorġjani tal-21 ta’ Mejju 2008 identifikat xi problemi li għandhom jittejbu fi żmien xieraq,

1.  Jesprimi l-preokkupazzjoni kbira tiegħu minħabba li s-sitwazzjoni fl-Abkażja marret għall-agħar u jistieden lil-partijiet kollha biex ma jiħdux azzjonijiet li jistgħu jkomplu jiddestabilizzaw is-sitwazzjoni; jitlob sforzi internazzjonali mġedda biex il-partijiet jerġgħu jibdew jiddjalogaw u biex jinbeda mill-ġdid il-proċess ta’ paċi bil-għan li tinstab soluzzjoni dewwiema u komprensiva;

2.  Jesprimi d-diżapprovazzjoni kbira tiegħu għat-tħabbira tar-Russja li se tistabbilixxi relazzjonijiet uffiċjali ma’ istituzzjonijiet fi ħdan l-awtoritajiet separatisti ta’ l-Ossezja tan-Nofsinhar u ta’ l-Abkażja;

3.  Jirrijafferma l-appoġġ sħiħ tiegħu għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ġeorġja fil-fruntieri tagħha li huma rikonoxxuti internazzjonalment u jistieden lir-Russja biex tirrevoka din id-deċiżjoni, li ddgħajjef l-isforzi internazzjonali ta’ paċi li l-Federazzjoni Russa qed tieħu sehem fihom ukoll;

4.  Jappoġġja l-isforzi li saru sabiex jikkalmaw is-sitwazzjoni permezz ta' taħditiet bejn ir-Rappreżentant Għoli tas-CFSP, il-President Saakashvili u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Russu Lavrov; iħeġġeġ lill-mibgħut speċjali tiegħu għall-Kawkasu t'Isfel sabiex isib mezz biex jiffaċilita d-djalogu bejn il-partijiet kollha konċernati u biex jipprova jerġa' jdaħħal ċertu ammont ta' fiduċja reċiproka;

5.  Iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa biex tirtira minnufih it-truppi addizzjonali tagħha fl-Abkażja; huwa tal-fehma li l-format attwali għaż-żamma tal-paċi jrid jiġi rivedut, peress li t-truppi Russi m'għadx għandhom l-irwol ta' forza newtrali u imparzjali għaż-żamma tal-paċi, u jitlob involviment akbar Ewropew fil-kunflitti kontinwi sabiex isir progress fil-proċessi ta' paċi;

6.  Jistieden lill-Kunsill sabiex jikkunsidra li jsaħħaħ il-preżenza internazzjonali fiż-żona ta’ kunflitt billi jibgħat missjoni ta’ l-ESDP fil-fruntiera, wara l-esperjenza pożittiva tal-Missjoni ta' Assistenza tal-Fruntieri ta' l-Unjoni Ewropea (EUBAM) fis-settur tal-fruntiera tat-Tranżnistrija bejn il-Moldova u l-Ukraina, filwaqt li jissuġġerixxi li l-Istati Membri jkollhom irwol aktar attiv fl-UNOMIG; jistieden lin-NU sabiex tagħti spinta lill-mandat u lir-riżorsi tal-UNOMIG;

7.  Jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lill-OSCE u lil organizzazzjonijiet internazzjonali oħra biex jappoġġjaw il-proposti tal-Gvern Ġeorġjan għal negozjati alternattivi u formati għaż-żamma tal-paċi ġodda, li jinkludu t-twaqqif progressiv ta’ forzi internazzjonali għaż-żamma tal-paċi li jkunu indipendenti verament;

8.  Jistieden, f’dan ir-rigward, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iqajmu l-kwistjonijiet ta’ l-Abkażja u ta’ l-Ossezja tan-Nofsinhar b’insistenza ma’ l-awtoritajiet Russi fis-samit li se jsir bejn l-UE u r-Russja u waqt in-negozjati dwar ftehima ta’ sħubija ġdida u msaħħa, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi biex ma jopponux missjoni eventwali ta’ l-ESDP fir-reġjun, inkluża preżenza ta’ l-UE f’operazzjonijiet għaż-żamma tal-paċi kemm ċivili kif ukoll militari;

9.  Jitlob li jsiru investigazzjoni u spezzjonijiet min-NU dwar jekk ir-riżoluzzjonijiet relevanti kollha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU humiex qed jiġu osservati b'reqqa mill-parteċipanti kollha fiż-żona ta’ kunflitt, kif ukoll dwar jekk hemmx armamenti ta’ kalibru kbir;

10.  Jinnota r-riżultat ta' l-elezzjonijiet parlamentari tal-21 ta’ Mejju u l-konklużjonijiet tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali, li juru li l-ġurnata ta’ l-elezzjoni kienet il-biċċa l-kbira kalma u ġeneralment evalwata b’mod pożittiv, u li sar progress sostanzjali mill-elezzjonijiet presidenzjali ta’ Jannar ’l hawn;

11.  Jenfasizza, madankollu, li jridu jsiru aktar sforzi b’aktar koperazzjoni mal-komunità internazzjonali sabiex wieħed jaffronta u jsib tarf tal-problemi kollha misjuba fil-proċess elettorali minħabba l-implimentazzjoni inkonsistenti u inkompleta ta’ l-istandards ta’ l-OSCE u tal-Kunsill ta’ l-Ewropa kif ukoll biex jittejbu u jissaħħu l-kisbiet demokratiċi tal-Ġeorġja; jistieden lill-awtoritajiet Ġeorġjani sabiex jittrattaw l-ilmenti kollha dwar il-proċess elettorali b’mod trasparenti u biex jaħdmu għal aktar titjib sabiex ikunu jistgħu jiżdiedu aktar il-fiduċja u l-kunfidenza fil-proċess elettorali;

12.  Jistieden lill-forzi politiki kollha fil-Ġeorġja sabiex jirrispettaw l-istat tad-dritt, sabiex jimpenjaw ruħhom għad-djalogu kostruttiv u jsibu kompromess, u sabiex jibqgħu lura minn aktar polarizzazzjoni tas-soċjetà Ġeorġjana; jirrikonoxxi li n-nuqqas ta’ fiduċja bejn l-Gvern u l-partiti ta’ l-oppożizzjoni huwa ostaklu għal aktar żvilupp demokratiku u jistenna li l-forzi politiki kollha jagħmlu ħilithom biex jiksbu kultura politika demokratika fejn id-dibattiti politiċi jsiru fil-parlament u l-avversarji politiċi jiġu rispettati, u sabiex id-djalogu kostruttiv ikun immirat sabiex jappoġġja u jikkonsolida l-istituzzjonijiet demokratiċi fraġli tal-Ġeorġja;

13.  Jappoġġja l-aspirazzjonijiet tal-Ġeorġja li tħaffef il-proċess ta' integrazzjoni ma' l-Unjoni Ewropea fil-qafas ta’ Politka Ewropea tal-Viċinat imsaħħa;

14.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iħaffu l-bidu tan-negozjati dwar l-iskema għall-viżi UE-Ġeorġja sabiex jiġu konklużi fil-futur qarib il-ftehimiet dwar it-tħaffif tal-ħruġ tal-viżi u dwar ir-rijammissjoni sabiex ikun żgurat li ċ-ċittadini tal-Ġeorġja ma jkunux żvantaġġjati meta mqabbla mal-persuni li għandhom passaporti Russi fir-reġjuni separatisti;

15.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2008 dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat rigward il-ħtieġa li jingħata bidu għal negozjati dwar Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles wisgħin u komprensivi fejn dan ikun possibbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipprova tilħaq ftehim malajr mal-Ġeorġja dwar l-ambizzjonijiet tagħha u biex tikseb mandat ta' negozjar mill-Istati Membri; jittama li jkun hemm iktar progress dwar din il-kwistjoni matul il-Presidenza Franċiża;

16.  Jilqa’ b’sodisfazzjon it-twaqqif ta’ Sottokumitat għall-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà bejn l-UE u l-Ġeorġja bil-għan li jiżdied id-djalogu bilaterali u li jkun implimentat il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat;

17.  Jittama li l-Ġeorġja tagħmel użu sħiħ mill-possibilitajiet finanzjarji addizzjonali pprovduti mill-Faċilità ta' Investiment għall-Viċinat (FIV), b'mod partikulari fi proġetti marbuta ma' l-infrastruttura, l-enerġija u l-ħarsien ta' l-ambjent, iżda jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti aktar attenzjoni lill-edukazzjoni, lit-tisħiħ tad-demokrazija u lill-oqsma soċjali;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, lill-President u lill-Parlament tal-Ġeorġja, lill-OSCE, lill-Kunsill ta' l-Ewropa u lill-President u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.