Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B6-0305/2008/REV1Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B6-0305/2008/REV1

MOZZJONI KONĠUNTA GĦAL RIŻOLUZZJONI

17.6.2008

skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin: dwar il-kriżi fis-settur tas-sajd minħabba ż-żieda tal-prezzijiet taż-żejt użat bħala fjuwil

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B6-0305/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi tas-settur tas-sajd minħabba ż-żieda fil-prezz tal-fjuwil

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1198/2006 tal-Kunsill tas-27 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd[1],

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Marzu 2006 lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar it-titjib tal-qagħda ekonomika ta’ l-industrija tas-sajd (COM(2006)0103),

–  wara li kkunsidra l-Konferenza organizzata mill-Kummissjoni u li saret fi Brussell fl-10 u l-11 ta’ Mejju 2006 dwar teknoloġiji ġodda fil-qasam tas-sajd,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kumitat għas-Sajd (A6–0266/2006 u A6–0467/2007),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kriżi attwali li qed iħabbat wiċċu magħha l-industrija tas-sajd Komunitarja hija kawża taż-żieda kostanti fil-prezz tal-fjuwil, li żied b'aktar minn 300% fl-aħħar ħames snin u b'aktar minn 40% minn Jannar ta’ l-2008,

B.  billi l-prezzijiet tal-prodotti tas-sajd huma simili għal dawk ta’ għoxrin sena ilu u billi, fil-każ ta' ċertu speċijiet, kien hemm tnaqqis konsiderevoli – sa 25% mill-bidu tas-sena – minħabba dħul massiv ta’ importazzjonijiet minn sajd illegali,

C.  billi fis-settur tas-sajd, għall-kuntrarju ta' setturi oħra ta' l-ekonomija, il-prezz tal-fjuwil ma jistax jaffettwa l-preżż ta’ l-ewwel bejgħ tal-prodotti tiegħu, peress li fis-sitwazzjoni attwali s-sajjieda ma jistgħux jiffissaw il-prezzijiet,

Billi ż-żieda fil-prezzijiet qed ikollha effetti diretti u indiretti fuq id-dħul ta' l-ekwipaġġi, minħabba r-rabta bejn il-pagi u d-dħul mill-ewwel bejgħ tal-qabda;

G.  billi din is-sena d-dħul tas-sajjieda fl-UE niżel, minkejja l-fatt li s-sajjieda ġarrbu l-ispejjeż li żdiedu;

D.  billi, minkejja l-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni fis-seħħ u minkejja sensiela ta' aġġustamenti mill-ġdid tan-negozji, minħabba li t-tiħżin kontinwu ta' din il-kriżi wassal biex ħafna kumpaniji ma baqgħux finanzjarjament vijabbli u intrapriżi oħra tas-sajd spiċċaw f’sitwazzjonijiet ta’ riskju kbir, li qed iwassal għal għadd ta' dimostrazzjonijiet ta’ protesta f’ħafna Stati Membri,

E.  billi jeħtieġ li jsir investiment serju, kemm f’livell Ewropew kif ukoll f’livell nazzjonali, f’teknoloġiji ġodda sabiex tiżdied l-effiċjenza enerġetika fil-bastimenti tas-sajd, kif ukoll f’mezzi biex titnaqqas id-dipendenza tagħhom mill-fjuwils fossili,

H.  billi ċerti Stati Membri niedew skemi mmirati biex jonqos il-konsum tal-fjuwil mill-flotot tagħhom u billi dawn l-innovazzjonijiet għandhom jiġu appoġġjati,

Billi l-UE impenjat ruħha biex tnaqqas konsiderevolment l-emissjoni tal-gassijiet serra skond il-pakkett dwar il-Klima u l-Enerġija u billi s-settur ta' l-industrija tas-sajd jista' jikkontribwixxi f'dan l-isforz;

F.  billi s-soluzzjoni għal din is-sitwazzjoni tista’ tinstab biss jekk jittieħdu miżuri serji kemm f’livell nazzjonali kif ukoll f’livell Ewropew għall-futur qarib, medju u mbiegħed,

1.  Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mas-sajjieda u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jipprevedu miżuri biex isolvu l-qagħda preżenti fis-settur tas-sajd;

2.  Jistieden lill-Istati Membri biex iħaffu l-proċeduri li jippermettu l-pagament ta’ għajnuna skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 875/2007 ta’ l- 24 ta’ Lulju 2007 dwar għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd[2];

3.  Itenni f’dan il-kuntest it-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tirrevedi r-regolament imsemmi hawn fuq sabiex iżżid l-għajnuna għal EUR 100,000 għal kull bastiment minflok għal kull impriża, sabiex il-livell ta’ għajnuna jiġi eqreb il-livell ta' setturi ekonomiċi oħra;

4.  Jiġbed l-attenzjoni ta’ l-Istati Membri għad-direttivi Komunitarji ġodda dwar s-sussidji statali fis-settur tas-sajd u fl-akwakoltura, li jippermettu eżenzjoni mit-taxxa u tnaqqis ta’ l-ispejjeż soċjali għall-bastimenti Komunitarji li joperaw ’il barra mill-ibħra tal-Komunità, u jitlob sabiex dawn il-miżuri jiġu applikati għal dawk il-bastimenti li jressqu t-talba għalihom;

5.  Ifakkar li, flimkien maż-żieda fil-prezz taż-żejt, wieħed mill-ilmenti l-aktar rikurrenti tal-flotta tas-sajd rigward it-tnaqqis tal-prezz tal-prodotti tagħha huwa minħabba l-importazzjoni kbira ħafna ta’ prodotti tas-sajd bi prezzijiet baxxi mis-sajd illegali, u għaldaqstant jinsisti li:

  • (a)il-kunsill jaġixxi b’mod responsabbli billi jadotta d-direttiva futura kontra s-sajd IUU, sabiex jissaħħu u jittejbu l-kontrolli fuq importazzjonijiet mis-sajd illegali, mhux iddikjarat u mhux irregolat;
  • (b)jiġu intensifikati u mtejba l-kontrolli fuq prodotti tas-sajd minn pajjiżi terzi sabiex ikun żgurat li l-istess standards japplikaw kemm fuq prodotti importati u fuq prodotti mill-Komunità;
  • (c)tittejjeb u tiżdied l-informazzjoni dwar l-oriġini tal-prodotti tas-sajd, u, fuq kollox, li f'kull każ jiġi ggarantit u kkontrollat l-użu obligatorju tat-tikketta ta' tagħrif, u li l-frodi fl-ittikkettar tal-prodotti tkun indirizzata kif xieraq;

6.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq, mill-aktar fis possibbli, il-proposta tagħha għar-reviżjoni ta’ l-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq tal-prodotti tas-sajd, filwaqt li jitqiesu l-proposti tal-Parlament Ewropew, bil-għan li s-sajjieda jkun jista’ jkollhom aktar responsabiltà fl-iffissar tal-prezzijiet, biex b’hekk ikun iggarantit id-dħul fis-settur, tkun żgurata l-istabilità tas-suq, tittejjeb il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u jiżdied il-valur miżjud iġġenerat;

7.  Jitlob sabiex il-pjanijiet ta' aġġustament tal-flotta tas-sajd jiddaħħlu fis-seħħ fl-Istati Membri kollha u sabiex jingħataw il-mezzi finanzjarji meħtieġa sabiex il-flotot jiġu rristrutturati b'mod volontarju. għal dan l-għan:

  • (a)jistieden lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi kriterji ta' prijorità għal dawk l-oqsma tal-flotta li l-aktar intlaqtu mill-kriżi;
  • (b)iqis li huwa ferm importanti li l-Programmi Operazzjonali nazzjonali tal-Fond Ewropew għas-Sajd ikunu rriveduti sabiex ikun jista' jkun hemm infiq aktar immirat;
  • (c)jappella għall-għajnuna permezz ta' bidla ta' darba fit-tagħmir tas-sajd li jwassal għal metodiutas-sajd li jiddependi anqas fuq il-fjuwil;
  • (d)jinkuraġġixxi x-xiri ta' tagħmir li jtejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq proposti dwar skemi ta' kumpens fuq 7 snin għat-tnaqqis tas-CO2 fis-settur tas-sajd, ibbażati fuq il-prezz attwali ta' €25 kull tunnellata ta' CO2

9.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-ħolqien ta’ fond speċifiku għar-riċerka u l-iżvilupp immirat lejn l-industrija tas-sajd, fi ħdan is-7 Programm ta' Qafas R&D, biex jgħin il-finanzjament ta’ proġetti bil-għan li jsir studju dwar sorsi alternattivi ta’ l-enerġija u t-titjib ta' l-effiċjenza ta’ l-enerġija fis-settur tas-sajd;

10.  Iqis li l-konverżjoni u d-diversifikazzjoni tat-tagħmir tas-sajd jistgħu jgħinu biex titnaqqas id-dipendenza ta' l-enerġija fis-settur tas-sajd;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkonsultaw b'mod wiesa' mas-settur tas-sajd u ma' partijiet interessati oħrajn biex jissolleċitaw l-ideat tagħhom dwar l-aqwa modi biex jinkiseb dan l-objettiv, filwaqt li jirrikonoxxi li s-sitwazzjoni, u għaldaqstant is-soluzzjonijiet mhux neċessarjament se jkunu l-istess fl-industriji tas-sajd jew fir-reġjuni kollha;

12.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tfassal proposti speċifiċi biex tittaffa s-sitwazzjoni fl-oqsma li jiddependu l-aktar mis-sajd;

13.  Jitlob għall-ħolqien ta' djologu bejn tlieta fuq livell Ewropew bejn il-partijiet kollha kkonċernati (l-amministrazzjonijiet pubbliċi, it-trejdjunjins u s-sajjieda) biex jindirizzaw il-problemi strutturali tas-settur, li jmorru lil hinn mill-kriżi tal-prezz taż-żejt, u jagħtu prijorità lill-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sajjieda;

14.  Jitlob li waqt il-Kunsill tal-Ministri tas-Sajd li jmiss, li se jsir fit-28 ta’ Ġunju 2008, din il-kwistjoni tiġi diskussa bħala prijorità u li jiġu adottati l-miżuri meħtieġa biex tissolva din il-kriżi;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-rappreżentanti ta’ l-organizzazzjonijiet Ewropej tas-sajd.