Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B6-0521/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B6-0521/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

7.10.2008

imressqa skond l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura minn
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin: dwar is-sospensjoni tar-Rawnd ta' Doha tad-WTO u l-futur tal-Aġenda ta' Doha dwar l-Iżvilupp

Proċedura : 2008/2631(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B6-0521/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sospensjoni tar-Rawnd ta' Doha tad-WTO u l-futur tal-Aġenda ta' Doha dwar l-Iżvilupp

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Doha tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tal-14 ta' Novembru 2001,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu rigward l-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp (DDA),

–  wara li kkunsidra d-Dokument Finali tas-Sessjoni Annwali 2008 tal-Konferenza Parlamentari dwar id-WTO, adottat b'kunsens fit-12 ta’ Settembru 2008 f’Ġinevra,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi t-taħditiet ministerjali tad-WTO maħsuba biex jikkonkludu r-Rawnd ta’ Doha daħlu f’fażi li ma setgħux jitkomplew fl-aħħar ta’ Lulju tal-2008,

B.  billi n-negozjati waqfu f'Ġinevra f'Lulju tal-2008; billi nkiseb xi progress fuq ċerti kwistjonijiet, filwaqt li kwistjonijiet importanti oħra għall-konklużjoni ta' modalitajiet sħaħ ma ġewx indirizzati fil-ftehima ta' qafas,

C.  billi l-interessi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u b’mod partikulari l-pajjiżi l-inqas żviluppati, kif ukoll l-impenn tal-membri kollha tad-WTO għar-‘Rawnd ta' Żvilupp’, għandhom jinżammu fil-qalba tan-negozjati,

D.  billi n-nuqqas li jiġi finalizzat ir-Rawnd ta' Doha jwassal għal żieda fl-inċertezza tal-ekonomija globali preżenti u jista' jipperikola l-kredibilità tas-sistema tal-kummerċ multilaterali u dan imbagħad iwassal għal qabża favur ftehimiet kummerċjali bilaterali u reġjonali,

1.  Huwa serjament iddiżappuntat u mħasseb bil-fatt li t-taħdidiet ministerjali tad-WTO f'Lulju li għadda waslu f’punt li ma setgħux jitkomplew;

2.  Itenni l-impenn sħiħ tiegħu għall-istrateġija multilaterali għall-politika kummerċjali u sabiex id-WTO tkun tista’ tiggarantixxi riżultat komprensiv, ambizzjuż u bbilanċjat għall-kummerċ internazzjonali b'rispett sħiħ għall-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp;

3.  Huwa konvint li fil-kuntest preżenti, ikkaratterizzat bi kriżi ekonomika u finanzjarja, konklużjoni pożittiva tar-Rawnd ta' Doha tista' tkun fattur li jwassal għal stabilità;

4.  Jemmen li jiġri x'jiġri fil-kuntest tal-progress tad-DDA, id-WTO, flimkien mal-organizzazzjonijiet internazzjonali l-oħra, għandha bżonn tindirizza, b'mod konsistenti u urġenti, l-isfidi globali l-ġodda li fihom il-kummerċ għandu parti importanti, bħas-sigurtà tal-ikel, l-enerġija, l-għajnuna għall-kummerċ u l-bidla fil-klima;

5.  Huwa konxju bis-sħiħ dwar id-diffikultajiet ta’ Impenn Uniku; jilqa’ b’sodisfazzjon il-progress li sar sa issa matul in-negozjati, liema progress għandu jipprovdi bażi importanti u kkonsolidata għal-laqgħa li jmiss sabiex jitkompla r-Rawnd ta’ Doha u sabiex jinkiseb riżultat ta’ suċċess;

6.  jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti tal-Amerka, kif ukoll lill-G20 bħala parteċipanti ekonomiċi ġodda importanti, biex jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom fin-negozjati attwali, biex jirrispettaw bis-sħiħ l-ispirtu tar-Rawnd ta’ Żvilupp u biex jagħmlu kull sforz biex jilħqu ftehim kemm jista' jkun malajr; għal darb’oħra jenfasizza l-importanza tad-divrenzjar bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-pajjiżi emerġenti;

7.  Jistieden lill-Indja u lill-Istati Uniti tal-Amerka biex isibu soluzzjoni politika għall-kwistjoni dwar il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' Mekkaniżmi ta' Salvagwardja Speċjali (SSM) biex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn il-kummerċ u t-tħassib tas-sigurtà tal-ikel, sabiex tkun tista' ssir kontinwazzjoni tan-negozjati tad-DDA f'Ġinevra dwar il-kwistjonijiet l-oħra pendenti;

8.  Jitlob lill-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw aktar avvanzati biex isegwu l-inizjattiva Kollox barra l-Armi tal-UE, li toffri aċċess għas-suq mingħajr l-ebda dazju u mingħajr l-ebda kwota għall-LCDs;' jenfasizza wkoll l-importanza tal-Għajnuna għall-Kummerċ;

9.  Jemmen li l-bżonnijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u speċjalment ta' dawk l-inqas żviluppati għandhom jingħataw prijorità fin-negozjati tad-DDA, filwaqt li l-iżvilupp ikun fil-quċċata tal-kunsiderazzjonijiet kollha;

10.  Jemmen li d-diffikultajiet tad-DDA jenfasizzaw il-bżonn, ladarba r-Rawnd jintemm, biex tkun indirizzata b'urġenza l-kwistjoni tar-riforma tad-WTO sabiex tkun aktar effettiva u trasparenti u biex titjieb il-leġittimità demokratika, ir-responsabilità, it-trasparenza l-inklussività u l-integrità tagħha fl-istruttura usa’ tal-governanza globali; jemmen li l-parlamentari għandhom jeżerċitaw skrutinju saħansitra aktar rigoruż u effettiv fil-qasam tal-kummerċ internazzjonali;

11.  Itenni l-bżonn ta' għajnuna teknika mmirata u l-bini tal-kapaċità biex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu megħjuna jinvolvu ruħhom effettivament fid-DDA;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill biex jistabbilixxu ftehima fl-ispirtu tat-Trattat ta' Liżbona sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa tal-Parlament Ewropew fin-negozjati internazzjonali tal-UE;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lid-Direttur Ġenerali tad-WTO.