Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B6-0051/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B6-0051/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

14.1.2009

imressqa skont l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura minn
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin: dwar is-sitwazzjoni fil-Medda ta’ Gaża

Proċedura : 2009/2504(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B6-0051/2009
Testi mressqa :
RC-B6-0051/2009
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Medda ta' Gaża

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani, b'mod partikolari dawk tas-16 ta' Novembru 2006 dwar is-sitwazzjoni fl-Istrixxa ta' Gaża, tat-12 ta' Lulju 2007 dwar il-Lvant Nofsani[1], tal-11 ta' Ottubru 2007 dwar is-sitwazzjoni umanitarja f'Gaża[2] u tal-21 ta' Frar 2008 dwar is-Sitwazzjoni f'Gaża[3],                           

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 242 (1967), 338 (1973) u 1860 tat-8 ta' Jannar 2009 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,                                 

–  wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra (1949),                  

–  wara li kkunsidra l-posponiment tal-vot dwar l-assens għall-parteċipazzjoni ulterjuri tal-Iżrael fil-programmi tal-KE,                              

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropea tat-30 ta' Diċembru 2008 dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  filwaqt illi fis-27 ta' Diċembru l-Iżrael nieda offensiva militari fuq Gaża b'ritaljazzjoni għall-attakki bil-missili tal-Ħamas fin-nofsinhar tal-Iżrael minn mindu Ħamas ħa l-kontroll tal-Medda u wara l-falliment tal-waqfien mill-isparar u r-rifjut ta' tiġdid tal-ftehima ta' waqfien mill-isparar,

B.  billi skont l-aħħar rapport l-operazzjoni tal-Iżrael s'issa qatlet madwar elf ruħ f'Gaża, ħafna minnhom nisa u tfal, u kkawżat eluf ta' midrubin u l-qerda ta' djar, skejjel u strutturi oħrajn ta' importanza ċentrali għall-infrastruttura ċivili, minħabba l-użu tal-forza mill-armata Iżraeljana,

C.  billi l-fruntieri li minnhom tista' toħroġ jew tidħol f'Gaża ilhom magħluqin għal tmintax-il xahar u l-imblokk fuq iċ-ċaqliq tal-persuni u l-prodotti affettwa l-ħajja ta' kuljum tal-abitanti u kompla pparalizza l-ekonomija fil-Medda ta' Gaża u llimita kull għamla ta' titjib sostanzjali fil-qagħda tax-Xatt tal-Punent; billi l-imblokk fuq il-Medda ta' Gaża jirrappreżenta kastig kollettiv bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali,

D.  billi t-titjib fil-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-Palestinjani li joqogħdu fil-Medda ta’ Gaża u fix-Xatt tal-Punent, flimkien mal-qawmien mill-ġdid tal-proċess tal-paċi u mat-twaqqif ta’ istituzzjonijiet Palestinjani li jiffunzjonaw f'Gaża, huma aspetti ewlenin fl-isforzi biex tintlaħaq paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani,

E.  billi l-appoġġ finanzjarju konsiderevoli tal-Unjoni Ewropea lill-Palestinjani kellu rwol importanti biex jiġi prevenut diżastru umanitarju fil-Medda ta' Gaża u fix-Xatt tal-Punent; billi l-Unjoni Ewropea għada tagħti, anki permezz tal-UNWRA, assistenza umanitarja fil-Medda ta' Gaża,

1.  Jilqa' l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni 1860 tat-8 ta' Jannar 2009 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u juri d-dispjaċir tiegħu li s'issa kemm l-Iżrael kif ukoll Ħamas ma rnexxielhomx jilqgħu t-talba tan-NU li jkun hemm waqfien fl-ostilitajiet; jitlob li jkun hemm waqfien mill-isparar immedjat u permanenti li għandu jinkludi l-waqfien tal-attakki bil-missili mill-Ħamas u t-tmiem tal-azzjoni militari tal-Iżrael f'Gaża;

2.  Jaqbel dwar in-neċessità li b'mod urġenti jipprovdi, kif titlob ir-Riżoluzzjoni 1860 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, l-arranġamenti u l-garanziji f'Gaża biex jinżamm waqfien mill-isparar li jtul u li jkun jinkludi fl-istess waqt l-irtirar tat-truppi Iżraeljani, li ftuħ mill-ġdid iżda sostnut tal-punti ta' passaġġ, it-tneħħija tal-imblokk u l-prevenzjoni tal-kutrabandu u t-traffikar illeċitu fl-armi u l-munizzjoni;

3.  Jitlob waqfien mill-ġlied negozjat, li għandu jkun iggarantit minn mekkaniżmu, li għandu jitwaqqaf mill-komunità internazzjonali kkordinat mill-Kwartett u l-Lega Għarbija, li jkun jinkludi li tintbagħat preżenza multinazzjonali, b'mandat ċar, sabiex iġġib lura s-sigurtà u r-rispett sikur għall-waqfien mill-isparar għall-poplu fl-Iżrael u f'Gaża, b'riferiment speċjali għall-monitoraġġ tal-fruntiera bejn l-Eġittu u Gaża, li jġib miegħu responsabbiltà speċjali għall-Eġittu; jitlob lill-Kunsill iżid il-pressjoni li qed jeżerċita biex iwaqqaf il-vjolenza li għaddejja bħalissa; jinkoraġġixxi l-isforzi diplomatiċi li saru s'issa mill-komunità internazzjonali, l-aktar mill-Eġittu u mill-UE;

4.  Ifisser ix-xokk tiegħu għas-sofferenza tal-popolazzjoni ċivili f'Gaża; jiddeplora bil-qawwa, in partikolari l-fatt li ntlaqtu objettivi ċivili u tan-NU matul l-attakki; jesprimi s-simpatija tiegħu għall-popolazzjoni ċivili affettwata mill-vjolenza f'Gaża u fin-nofsinhar tal-Iżrael;

5.  Jitlob fl-isħaħ termini lill-awtoritajiet Iżraeljani jippermettu l-aċċess mingħajr xkiel lill-assistenza u l-għajnuna umanitarja fil-Medda ta' Gaża u li jiggarantixxi fluss kontinwu u xieraq ta' għajnuna matul il-kurituri umanitarji; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iżraeljani biex jippermettu lill-istampa internazzjonali jsegwu dak li qed iseħħ;

6.  Jistieden lill-Iżrael biex jissodisfa l-obbligi tiegħu skont il-liġi internazzjonali u l-liġi umanitarja internazzjonali; jistieden lill-Ħamas biex iwaqqaf l-attakki missilistiċi u biex jassumi r-responsabilitajiet tiegħu billi jimpenja ruħu favur proċess politiku bil-għan li jerġa' jinbeda d-djalogu inter-Palestinjan kif ukoll li jagħti kontribut lill-proċess ta' negozjati li għaddej bħalissa,

7.  Jitlob li l-Unjoni Ewropea tieħu pożizzjoni politika aktar b'saħħitha u magħquda u jistieden lill-Kunsill biex jieħu l-opportunità ħalli jikkopera mal-Amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti sabiex jintemm il-kunflitt bi ftehima bbażata fuq is-soluzzjoni ta' żewġ Stati, bil-għan li tinbena struttura reġjonali ġdida ta' paċi u sigurtà fil-Lvant Nofsani;

8.  Jisħaq fuq l-importanza kbir tar-rinnovament tal-isforzi għar-rikonċiljazzjoni inter-Palestinjana bejn il-komponenti kollha tas-soċjetà Palestinjana, ibbażata fuq il-Ftehima ta' Mekka ta' Frar 2007, li kienet timplika aċċettazzjoni tal-ftehimiet preċedenti, inkluż il-jedd tal-Iżrael li jeżisti; u jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' konnessjoni ġeografika peramanenti bejn il-Medda ta' Gaża u x-Xatt tal-Punent, u r-riunifikazzjoni politika paċifika u fit-tul tagħhom it-tnejn;

9.  Jisħaq li huwa progress reali favur il-paċi u l-iżvilupp sostenibbli fix-Xatt tal-Punent u f'Gaża li jista' jsaħħaħ il-leġittimità tal-Awtortità Palestinjana;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Mibgħut tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-President tal-Awtorità Palestinjana, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, lill-Gvern tal-Iżrael, lill-Knesset, u lill-Gvern u l-Parlament Eġizzjani.