Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B6-0197/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B6-0197/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA

23.4.2009

imressqa skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura minn
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi li ġejjin: dwar id-drittijiet tan-nisa fl-Afganistan

Proċedura : 2009/2579(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B6-0197/2009
Testi mressqa :
RC-B6-0197/2009
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-drittijiet tan-nisa fl-Afganistan

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Afganistan, u b’mod partikolari dik tal-15 ta’ Jannar 2009 dwar il-kontroll baġitarju tal-fondi tal-UE fl-Afganistan,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet mal-Afganistan u tal-Wolesi Jirga tat-12 ta’ Frar 2009,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni finali tal-Konferenza Internazzjonali dwar l-Afganistan li saret f'The Hague fil-31 ta’ marzu 2009,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Samit tan-NATO dwar l-Afganistan ippubblikata mill-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern li pparteċipaw fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Atlantiku ta’ Fuq, fi Strasburgu/Kehl fl-4 ta’ April 2009,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Uniti dwar il-leġiżlazzjoni fl-Afganistan tas-6 ta’ April 2009,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  Billi l-Afganistan jagħmel parti minn diversi strumenti internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari l-Konvenzjoni dwar l-eliminazzjoni ta’ kull forma ta’ diskriminazzjoni fir-rigward tan-nisa u l-Konvenzjoni internazzjonali dwar id-drittijiet tat-tfal,

B.  Billi l-Kostituzzjoni Afgana tal-4 ta’ Jannar 2004 fl-Artikolu 22 tagħha tistipula li ċ-ċittadini tal-Afganistan, irġiel u nisa, għandhom drittijiet u dmirijiet ugwali quddiem il-liġi, u billi din tikkonforma mat-trattati internazzjonali ratifikati mill-Afganistan,

C.  Billi l-Kodiċi Afgan tal-familja mill-aħħar tas-snin 1970 fih ċerti dispożizzjonijiet li jirrikonoxxu lin-nisa drittijiet fil-qasam tas-saħħa u tal-edukazzjoni, u billi dan bħalissa qed jiġi revedut sabiex isir kompatibbli mal-Kostituzzjoni tal-2004,

D.  Billi jfakkar li kumitat indipendenti dwar id-drittijiet tal-bniedem twaqqaf f'Ġunju 2002 wara l-ftehimiet ta' Bonn, presedut minn Sima Samar, u billi dan għandu rwol fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem,

E.  Billi jqis l-abbozz ta’ liġi l-ġdid dwar l-istatus personali tan-nisa Xiti approvat riċentement miż-żewġ kmamar tal-Parlament Afgan, li jpoġġi restrizzjonijiet severi fuq il-libertà tal-moviment tan-nisa, filwaqt li jiċħdilhom id-dritt li joħorġu minn djarhom ħlief għal 'skop leġittimu', jirrikjedi min-nisa li jissottomettu ruħhom għax-xewqat sesswali tal-irġiel tagħhom u b’hekk jilleġittimizza “l-istupru fiż-żwieġ", kif ukoll jippromwovi d-diskriminazzjoni tan-nisa fl-oqsma taż-żwieġ, id-divorzju, il-wirt u l-aċċess għall-edukazzjoni li mhumiex konformi mal-istandards internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, speċjalment tad-drittijiet tan-nisa,

F.  Billi dan l-abbozz ta’ liġi li jaffettwa bejn 15 u 20% tal-popolazzjoni għadu mhux applikabbli peress li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Gvern, anke jekk diġà ġie ffirmat mill-President tal-Afganistan, Hamid Karzai,         

G.  Billi dan l-abbozz ta’ liġi, wara l-kritiki li qajjem kemm fl-Afganistan kif ukoll barra l-pajjiż, ġie riferut lill-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Afganistan biex jikkontrolla l-konformità tat-test leġiżlattiv mal-impenji meħuda mill-Gvern Afgan fir-rigward tal-konvenzjonijiet internazzjonali dwar il-drittijiet tan-nisa, id-drittijiet tal-bniedem b'mod ġenerali u l-Kostituzzjoni,                        

H.  Billi l-vjolenza kontra l-attivisti, b’mod partikolari dawk li jiddefendu d-drittijiet tan-nisa, qed tkompli sal-lum, u b’mod partikolari ħafna sfaw vittma tal-militanti u tar-radikali, fosthom Sitara Achakzai, difensura Afgana tad-drittijiet tan-nisa u membru tal-Kunsill Provinċjali minn Kandahar, l-Afganistan, li sfat maqtula barra darha, Gul Pecha u Abdul Aziz li nqatlu wara li ġew akkużati minn atti immorali u ġew ikkundannati għall-mewt minn kunsill ta’ reliġjużi konservattivi, u Malai Kakar, l-ewwel pulizija mara f'Kandahar li kienet tidderieġi d-dipartiment tal-pulizija dwar il-kriminalità kontra n-nisa f'din il-belt,                  

I.  Billi l-ġurnalista Afgan ta’ 23 sena, Perwiz Kambakhsh, ġie kkundannat għall-mewt talli ċċirkola artikolu dwar id-drittijiet tan-nisa fl-Islam u wara protesti internazzjonali qawwija din il-kundanna ġiet riversata f’sentenza ta’ 20 sena ħabs,                                 

J.  Billi qed ikomplu jiġu rrapurtati theddid u intimidazzjoni kontra n-nisa fil-ħajja pubblika jew li jaħdmu barra d-dar tagħhom u dan ġie kkonfermat mir-rapporti tan-Nazzjonijiet Uniti; billi jqis ir-rapporti riċenti dwar id-diffikultajiet biex tiżdied il-parteċipazzjoni tat-tfajliet fis-sistema edukattiva, ħaġa li hija opposta mill-militanti u r-radikali,

K.  Billi jqis li nġemgħu diversi każi f’dawn l-aħħar snin ta' nisa żgħażagħ li jaħarqu lilhom innifishom volontarjament biex jaħarbu żwiġijiet sfurzati jew il-vjolenza domestika;

1.  Jitlob li jiġi annullat l-abozz ta' liġi dwar il-popolazzjoni Xi'ita fl-Afganistan għaliex li l-kontenut tiegħu mhux konformi mal-prinċipju ta' ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa kif stipulat fil-Kostituzzjoni u fil-konvenzjonijiet internazzjonali;

2.  Jenfasizza l-periklu li tiġi adottata leġiżlazzjoni li l-applikazzjoni tagħha hija limitata għal ċerti kategoriji tal-popolazzjoni u li - fid-definizzjoni tagħha stess - tippromwovi d-diskriminazzjoni u l-inġustizzja;

3.  Jirrakkomanda lill-Ministru tal-Ġustizzja Afgan sabiex jabroga l-liġijiet kollha li jintroduċu diskriminazzjoni kontra n-nisa u li jmorru kontra t-trattati internazjonali li fihom hu parteċipi l-Afganistan;

4.  Iqis li hu essenzjali għall-iżvilupp demokratiku tal-pajjiż li l-Afganistan jimpenja ruħu favur id-drittijiet tal-bniedem b'mod ġenerali u b'mod partikolari favur id-drittijiet tan-nisa, li għandhom irwol kruċjali fl-iżvilupp tal-pajjiż u li jridu jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mid-drittijiet fundamentali u demokratiċi tagħhom; jerġa' jisħaq l-appoġġ tiegħu għall-ġlieda kontra kull forma ta' diskriminazzjoni, inkluża dik reliġjuża u li tolqot is-sessi differenti;

5.  Ifakkar li d-dokument ta' strateġija tal-Unjoni Ewropea dwar l-Afganistan għall-perjodu 2007-2013 iqis l-ugwaljanza bejn l-irġiel u nisa u d-drittijiet tan-nisa bħala sfida tal-akbar importanza għall-istrateġija nazzjonali għall-iżvilupp tal-Afganistan;

6.  Ifaħħar il-kuraġġ tan-nisa Afgani li għamlu manifestazzjoni f'Kaboul kontra l-abbożż ta' liġi ġdida u jesprimi l-appoġġ tiegħu lilhom; jikkundanna l-vjolenza li huma sfaw vittma tagħha waqt il-manifestazzjonijiet u jitlob lill-awtoritajiet tal-Afganistan sabiex jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

7.  Jikkundanna l-qtil tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-emanċipazzjoni tan-nisa Afgani, b'mod partikulri l-qtil reċenti ta' Sitara Achikzai, membru parlamentari reġjunali;

8.  Huwa xxukkjat bl-aħbar li l-Qorti Suprema Afgana kkonfermat is-sentenza ta' 20 sena ħabs mogħtija lil Perwiz Kambakhsh fuq akkuża ta' dagħa u jitlob lill-President Karzai sabiex jaħfer lis-Sur Kambakhsh u jawtorizza l-ħelsien tiegħu;

9.  Jappella lill-awtoritajiet Afgani, inklużi dawk reġjunali u lokali, sabiex jieħdu l-passi kollha possibbli sabiex jipproteġu n-nisa kontra l-vjolenza sesswali u kontra forom oħra ta' vjolenza bbażata fuq differenza ta' sess, kif ukoll biex iġibu quddiem il-ġustizzja dawk ħatja ta' atti bħal dawn;

10.  Iqis li l-progress fil-qasam tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa li sar matul dawn l-aħħar snin wara sforzi kbar m'għandu bl-ebda mod jisfa vittma ta' neġozjar bejn il-partiti qabel l-elezzjonijiet;

11.  Iħeġġeġ il-kandidatura ta' nisa għall-elezzjoni presidenzjali tal-20 ta' Awissu li ġej u jinsisti fuq il-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa Afgani fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet, bi dritt li għandhom fost drittijiet oħra, fosthom id-dritt tan-nisa li jiġu eletti u nnominati għal pożizzjonijiet statali għoljin;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri sabiex ikomplu jqajmu l-kwistjoni dwar il-liġi dwar l-istejtus personali tan-nisa Xi'iti u dwar' kwalunkwe diskriminazzjoni kontra n-nisa u t-tfal fejn dawn huma inaċċettabbli u inkompatibbli mal-impenn mogħti fuq perjodu twil mill-komunità internazzjonali għal għajnuna għall-Afganistan fl-isforzi tiegħu ta' rijabilitazzjoni u rikostruzzjoni;

13.  Jappella lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tagħti għajnuna diretta rigward finanzjament u ppjanar lill-Ministeru Afgan għall-Affarijiet tan-Nisa, kif ukoll sabiex tippromwovi l-integrazzjoni sistematika ta' tqarrib tas-sessi fil-politiki kollha tagħha għall-iżvilupp fl-Afganistan.

14.  Jistieden lill-Fond għall-Iżvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti għan-Nisa (UNIFEM) sabiex jagħtu attenzjoni partikulari tagħhom;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lil Kunsill u lill- Kummissjoni, kif ukoll lill-gvern u lill-parlament tar-Repubblika Islamika tal-Afganistan u lill-Kummissjoni Indipendenti għad-Drittijiet tal-Bniedem..