Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0095/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0095/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA  dwar is-Samit li ġej bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-laqgħa tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku

21.10.2009

skont l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
PPE (B7‑0095/2009)
ALDE (B7‑0096/2009)
S&D (B7‑0098/2009)
ECR (B7‑0109/2009)

Joseph Daul, Elmar Brok, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Ioannis Kasoulides, Corien Wortmann-Kool, Francisco José Millán Mon, Daniel Caspary, Pilar del Castillo Vera, Albert Deß, Jean-Paul Gauzès, Mathieu Grosch, Peter Liese, Andreas Schwab, Richard Seeber, Tadeusz Zwiefka, Ingeborg Gräßle, Werner Langen f'isem il-Grupp PPE
Hannes Swoboda, Adrian Severin f'isem il-grupp S&D
Sarah Ludford, Sharon Bowles, Olle Schmidt, Johannes Cornelis van Baalen, Marietje Schaake f'isem il-Grupp ALDE
Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko f'isem il-Grupp ECR


Proċedura : 2009/2697(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0095/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Samit li jmiss bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-Laqgħa tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-8 ta’ Mejju 2008 dwar il-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku, tal-5 ta’ Ġunju 2008 dwar is-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti, u tas-26 ta’ Marzu 2009 dwar il-qagħda tar-relazzjonijiet Transatlantiċi wara l-elezzjonijiet fl-Istati Uniti,

–   wara li kkunsidra r-riżultat tas-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti li sar fil-5 ta' April 2009 fi Praga,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta u r-rapport ta' progress adottati fit-tielet Kunsill Ekonomiku Transatlantiku tas-16 ta' Ottubru 2008, u d-Dikjarazzjoni Konġunta adottata fil-Laqgħa ta' Djalogu bejn il-Leġiżlaturi Transatlantiċi f'April 2009 fi Praga,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Missjoni ta’ Ġbir ta’ Fatti tan-Nazzjonijiet Uniti mmexxija minn Justice Goldstone, li ħareġ fil-15 ta’ Settembru 2009, dwar il-Konflitt f’Gaza,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Settembru 2009 dwar il-ftehima internazzjonali prevista biex id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu data minn messaġġi ta' pagamenti finanzjarji għall-fini tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tat-terroriżmu,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2009 dwar is-Samit tal-G20 f'Pittsburgh tal-24 u l-25 ta' Settembru 2009,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Unjoni Ewropea tilqa’ b’sodisfazzjon l-attitudni koperattiva tal-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti fil-qasam internazzjonali u t-tisħiħ tar-relazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti, li hija l-bażi fundamentali tal-politiki esterni tal-UE,

B.  billi l-UE u l-Istati Uniti għandhom irwol strateġiku f’dak li għandu x’jaqsam mal-isfidi ekonomiċi globali, peress li l-Prodott Gross Domestiku tagħhom jirrappreżenta aktar min-nofs tal-Prodott Gross Domestiku globali, u billi ż-żewġ imsieħba għandhom l-iktar ftehima ta’ sħubija bilaterali b’saħħitha tad-dinja fl-oqsma tal-kummerċ u l-investiment, li tkopri kważi 40% tal-kummerċ dinji,

C. billi l-UE u l-Istati Uniti għandhom interessi politiċi komuni u responsabilità komuni fl-arena politika globali biex ikunu promossi l-paċi, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istabilità u jkunu affrontati d-diversi perikoli u sfidi globali, bħall-proliferazzjoni nukleari, it-terroriżmu, il-bidla fil-klima, is-sigurtà tal-enerġija u l-iżvilupp ta’ ekonomiji b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju, u l-qerda tal-faqar u l-ksib ta’ Objettivi tal-Millenju għall-Iżvilupp oħra,

D. billi hemm bżonn li l-ħidma tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku tkompli sabiex jintlaħaq l-għan ta’ suq Transatlantiku integrat sal-2015 billi jitnaqqsu l-ostakli għall-kummerċ, mibħabba li l-kisba tiegħu hi essenzjali biex jitnieda mill-ġdid it-tkabbir u l-irkupru ekonomiku,

E.  billi, barra minn hekk, hemm bzonn ta’ tmexxija konġunta bejn l-UE u l-Istati Uniti sabiex ir-Rawnd ta’ Żvilupp ta’ Doha titlesta b’success,

F.  billi huwa importanti li l-irwol tal-leġiżlaturi jiġi rifless kif dovut fil-proċess tat-Trattat tal-KE u li l-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew jitqiesu b’mod xieraq,

G. billi l-UE u l-Istati Uniti se jkunu kkonfrontati minn konsum globali tal-energija li qed jikber u mir-rekwiżit li jiġu implimentati impenji globali għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima li għandu jkun hemm ftehim dwarhom f’Kopenħagen, u billi l-istandards u l-miżuri ġodda biex tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija m’għandhom la joħolqu xkiel ġdid għall-kummerċ Transatlantiku u lanqas inaqqsu s-sigurtà u s-sikurezza tal-materjal fissili,

H. billi, l-għodda tal-politika barranija tat-Trattat ta' Liżbona se tagħti lill-UE rwol aktar b'saħħtu u aktar koerenti fix-xena internazzjonali,

I.   billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika malajr saret kriżi tal-impjiegi b’konsegwenzi soċjali serji, u billi l-imsieħba Transatlantiċi jaqsmu r-responsabilità biex tiġi affrontata d-dimensjoni soċjali tal-kriżi ekonomika,

J.   billi stħarriġ reċenti, bħal ‘Transatlantic Trends 2009’ tal-German Marshall Fund, juru appoġġ popolari bla preċedenti fost iċ-ċittadini tal-UE għall-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti, li jipprovdi bażi għal rivitalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti,

Summit bejn l-UE u l-Istati Uniti

1.  Itenni li r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti huma l-aktar sħubija strateġika importanti għall-UE u jinsisti dwar l-importanza li l-UE u l-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti jintensifikaw id-djalogu, il-koperazzjoni u l-koordinazzjoni strateġiċi tagħhom meta jkunu qed jindirizzaw l-isfidi globali u l-kunflitti reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni biex, wara s-Samit, tippreżenta komunikazzjoni dwar sħubija strateġika bejn l-UE u l-Istati Uniti;

2.  Jistieden liż-żewġ partijiet biex jippromwovu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja bħala element prinċipali tal-politika tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa ta’ koordinazzjoni intensiva fid-diplomazija tal-prevenzjoni u tal-ġestjoni tal-kriżi; jitlob lill-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex tirratifika u timxi mal-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali; jirrepeti l-appell tiegħu favur it-tneħħija tal-piena tal-mewt; jistieden lill-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex terġa’ tmur lura għall-konformità sħiħa tal-istandards internazzjonali tal-istat tad-dritt, biex twaqqaf il-miżuri extraġudizzjali u ttemm l-impunità dwar il-każi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

3.  Iqis li hemm bżonn li, waqt is-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti, iż-żewġ imsieħba jieħdu rwol prinċipali dwar l-implimentazzjoni tal-impenji tal-G-20; jitlob, għaldaqstant, li jkun hemm koordinazzjoni dwar il-pakkett ta’ riforma tal-Istati Uniti għas-settur finanzjarju u r-riformi leġiżlattivi attwali tal-UE, inkluża l-istruttura ta’ sorveljanza finanzjarja u jistieden liż-żewġ imsieħba biex isaħħu l-koperazzjoni tagħhom fl-immodernizzar tal-Fond Monetarju Internazzjonali;

4.  Jenfasizza l-importanza tal-koperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti biex tintlaħaq ftehima internazzjonali waqt il-Konferenza tal-Partijiet-15 f’Kopenħagen f’Diċembru 2009 fuq il-bażi ta' evidenza xjentifika u li tinkludi assistenza internazzjonali adegwata biex ikunu finanzjati t-trażżin u l-adattament tal-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; iħeġġeġ lill-Presidenza tal-UE biex, waqt is-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti, tikseb impenn ambizzjuż min-naħa tal-Istati Uniti għall-obbligi internazzjonali post-Kyoto u għall-kooperazzjoni min-naħa tal-Istati Uniti fil-promozzjoni ta’ rabtiet bejn l-Iskema ta’ Skambju tal-Emissjonijiet tal-UE u l-iskemi ta’ skambju reġjonali jew federali fl-Istati Uniti;

5.  Jinsisti li t-Trattat ta’ Liżbona se jitlob tisħiħ tal-mekkaniżmi istituzzjonali fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti b'konformità mar-Riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Marzu 2009;

6.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti biex, waqt is-Samit li jmiss, jiftiehmu dwar sħubija Transatlantika msaħħa biex ikunu jistgħu jiġu indirizzati l-isfidi globali komuni, b’mod partikulari fir-rigward tan-nonproliferazzjoni u d-diżarm, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-bidla fil-klima, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-affrontar ta' pandemiji, u l-kisba tal-Objettivi tal-Millenju għall-Iżvilupp; jenfasizza li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma kkawżawx il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, imma qed jiġu affetwati b’mod sproporzjonat minnha;

7.  Jenfasizza l-importanza tan-NATO bħala l-bażi fundamentali tas-sigurtà Transatlantika; iqis li l-iżviluppi relevanti fi ħdan din l-istruttura usa’ tas-sigurtà għandhom jiġu indirizzati fi djalogu mar-Russja u l-membri tal-OSCE li ma jagħmlux parti mill-UE, sabiex jiġġedded il-kunsens Transatlantiku dwar is-sigurtà;

8.  Jilqa’ b’sodisfazzjon, f’dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-Federazzjoni Russa u tal-Istati Uniti li jsiru negozjati biex tkun konkluża ftehima ġdida komprensiva u li torbot legalment u li tieħu post it-Trattat dwar it-Tnaqqis tal-Armi Strateġiċi (START), li jiskadi f'Diċembru 2009, u l-iffirmar tal-‘Ftehim konġunt dwar is-segwitu tal-ftehima START-1' mill-Presidenti Barack Obama u Dmitri Medvedev f’Moska fis-6 ta’ Lulju 2009;

9.  Jilqa’ l-fatt li l-President tal-Istati Uniti ħabbar li se jmexxi 'l quddiem ir-ratifika tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tat-Testijiet Nukleari; jistieden lill-Kunsill biex jikkontribwixxi b’mod pożittiv u proattiv biex titħejja l-Konferenza ta’ Analiżi tal-NPT fl-2010, f’koperazzjoni mill-qrib mal-Istati Uniti u mar-Russja;

10. Jenfasizza li l-inċertezzi dwar in-natura tal-programm nukleari Iranjan qed jipperikolaw is-sistema ta' nonproliferazzjoni u l-istabilità fir-reġjun u fid-dinja; jappoġġja l-objettiv li tinstab soluzzjoni negozjata mal-Iran, wara l-istrateġija doppja ta’ djalogu u sanzjonijiet, f'koordinazzjoni mal-membri l-oħra tal-Kunsill tas-Sigurtà u l-Aġenzija għall-Enerġija Atomika Internazzjonali;

11. Jinsab imħasseb dwar l-aħħar testijiet nukleari mwettqa mir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea u r-rifjut tagħha tar-Riżoluzzjoni 1887 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jappoġġja, madankollu, il-metodu ta’ djalogu bilaterali tal-Istati Uniti, fi ħdan il-qafas tat-Taħditiet bejn Sitt Partijiet biex il-peniżola tal-Korea tiġi denuklearizzata;

12. Jinnota li l-Istati Uniti abbandunat il-pjanijiet oriġinali tagħha ta’ sistema ta' difiża bil-missili fl-Ewropa u tal-pjanijiet ġodda tagħha; jitlob għal arranġament globali ġdid ta' sigurtà li jinvolvi b’mod speċjali l-UE, l-Istati Uniti, ir-Russja u ċ-Ċina;

13. Itenni l-importanza li ż-żewġ imsieħba jippromwovu, fi spirtu ta’ fiduċja u ta' trasparenza, sistemi kkoordinati fil-politiki tagħhom fir-rigward tal-Iran, l-Iraq, l-Afganistan u l-Pakistan; iħeġġeġ lill-UE, lill-Istati Uniti, lin-NATO u lin-Nazzjonijiet Uniti biex ifasslu kunċett strateġiku konġunt ġdid li jintegra b'mod komprensiv l-impenji internazzjonali, filwaqt li l-ġirien kollha jintalbu biex jipparteċipaw f'dan l-isforz sabiex tinkiseb l-istabilità fir-reġjun;

14. Jikkunsidra li l-ewwel laqgħa li ospita l-President Obama fit-23 ta’ Settembru 2009 bejn il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu u l-mexxej Palestinjan Mahmoud Abbas ma rnexxilhiex tilħaq l-ambizzjonijiet tagħha; jikkonferma mill-ġdid li s-suċċess tal-Proċess ta’ Paċi tal-Lvant Nofsani huwa wieħed mill-prijoritajiet l-iktar importanti tal-UE u tal-Istati Uniti u jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti biex jippromwovu b’mod konġunt interventi attivi tal-Kwartett fit-tfittxija ta’ interessi komuni bħala bażi għal soluzzjoni paċifika bil-għan li jinkiseb ftehim ta’ żewġ stati bi stat Palestinjan indipendenti u vijabbli; jistieden lis-Samit biex jeżamina modi possibbli li jappellaw għad-dinja Għarbija; jitlob sabiex tintemm is-sitwazzjoni umanitarja ferm diffiċli fl-Istrixxa ta’ Gaza; jiddeplora l-irwol tal-Hamas fir-restrizzjoni tal-libertà personali u tad-drittijiet tal-bniedem;

15. Jittama li fis-Samit iż-żewġ partijiet jaqblu li l-konklużjoni b’suċċess tar-Rawnd ta’ Doha għandha tinkludi miżuri sabiex tiġi evitata l-volatilità tal-prezzijiet agrikoli u n-nuqqas tal-ikel; jistieden lill-mexxejja sabiex ma jinsewx l-għan aħħari tal-iżvilupp ta’ dan ir-rawnd u biex jonoraw l-impenn tagħhom li jonfqu 0.7 % tal-Prodott Gross Domestiku tagħhom għall-koperazzjoni ta' żvilupp; jenfasizza l-bżonn li jiġu kkunsidrati l-aġġustamenti introdotti reċentement f’riformi CAP u jixtieq jara aġġustamenti simili fil-Farm Bill tal-Istati Uniti;

ifakkar fl-iżviluppi fir-rigward ta' kwistjonijiet fejn qabel kien jeżisti kunflitt, bħall-każ tal-ormoni fiċ-ċanga, il-klorur fit-tiġieġ u l-awtorizzazzjoni ta’ ċerti prodotti ġenetikament modifikati; jinsab kunfidenti li, permezz ta' djalogu kontinwu, il-kwistjonijiet li jaffettwaw il-kummerċ reċiproku fil-prodotti agrikoli jistgħu jiġu indirizzati qabel ma jaslu quddiem l-entitajiet għas-soluzzjoni tat-tilwim fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ;

16. Jieħu nota tal-idea li jinħoloq Kunsill tal-Enerġija Transatlantiku; jenfasizza b’mod qawwi li dan għandu jittratta biss l-aspetti ta’ din il-kwistjoni li huma relatati b’mod ċar mal-politika barranija u ta’ sigurtà u, fil-ġejjieni, għandu jkun integrat fil-Kunsill Politiku Transatlantiku u li l-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku għandu jittratta mal-politika globali dwar l-enerġija;

17. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-estensjoni riċenti tal-programm għat-tneħħija tal-viża għal seba' Stati Membri oħra tal-UE; iħeġġeġ, madankollu, lill-Istati Uniti biex tneħħi s-sistema tal-viża għall-UE kollha u biex tittratta liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea b’mod ugwali abbażi ta’ reċiproċità sħiħa; jikkritika l-introduzzjoni ppjanata ta' spejjeż amministrattivi għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet tal-ESTA liċ-ċittadini tal-UE bħala pass lura u jitlob lill-Kummissjoni biex tittratta dan bħala kwistjoni ta' prijorità mal-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti, inkluża l-għażla li tkun imponuta r-reċiproċità;

18. Jistieden lill-Istati Uniti biex tippermetti l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-ftehima fl-ewwel stadju dwar l-avjazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti u tal-ftehima dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti; ifakkar kemm lill-Kummissjoni u kemm lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti li jekk ma jirnexxilhomx jikkonkludu t-tieni stadju tal-ftehima, dan jista’ jwassal biex xi Stati Membri jikkanċellaw il-ftehima fl-ewwel stadju; jistieden lill-Istati Uniti biex tevita kwalunkwe miżuri li jaħdmu kontra l-koperazzjoni msaħħa, bħal dawk dwar l-istazzjonijiet ta’ tiswija barranin, l-eżenzjonijiet mil-liġi dwar il-kompetizzjoni u ċ-ċittadinanza tat-trasport bl-ajru msemmija fil-Riżoluzzjoni Nru 915 tal-Kamra;il-laqgħa tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku u t-tisħiħ tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku

19. Jenfasizza li sħubija Transatlantika aktar mill-qrib fil-kuntest tat-tlestija ta’ suq Transatlantiku sal-2015, li tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ ekonomija tas-suq soċjali, hi strument vitali biex tissawwar il-globalizzazzjoni u biex jiġu affrontati l-kriżijiet ekonomiċi u soċjali globali; jinnota li ħafna mill-ostakli mhux tariffarji għall-kummerċ u għall-investiment, li t-TEC qed jintalab ineħħi, għandhom l-għeruq tagħhom fl-isforzi intenzjonati tal-korpi leġiżlattivi biex irawmu objettivi soċjali, kulturali, ambjentali jew relatati mas-saħħa, u għalhekk m'għandhomx jitneħħew mingħajr att leġiżlattiv korrispondenti;

20. Jitlob lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi pjan direzzjonali dettaljat tal-ostakoli eżistenti biex jintlaħaq dak l-objettiv; ifakkar fl-istudju li l-Parlament Ewropew awtorizza u ffinanzja fil-baġit tiegħu tal-2007; jistaqsi għaliex l-ebda wieħed minn dawn id-dokumenti s’issa ma ġie rilaxxat mill-Kummissjoni minkejja talbiet repetuti mill-Parlament Ewropew biex tagħmel dan; jistabbilixxi l-15 ta’ Novembru 2009 bħala d-data finali għall-pubblikazzjoni tagħhom;

21. Jikkunsidra li l-koperazzjoni Transatlantika dwar l-effiċjenza u t-teknoloġija tal-enerġija (inkluża l-enerġija ekoloġika) u dwar iż-żoni regolatorji tal-enerġija tista’ tiġi trattata fi ħdan il-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku; jinsisti li l-kooperazzjoni Transatlantika dwar is-sigurtà tal-enerġija għandha tikkostitwixxi waħda mill-kwistjonijiet ċentrali li għandhom jiġu indirizzati b'mod regolari fi ħdan il-Kunsill Politiku Transatlantiku, li l-ħolqien tiegħu kien propost mill-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Marzu 2009;

22. Jemmen li l-koperazzjoni ekonomika Transatlantika għandha ssir iktar responsabbli, trasparenti u prevedibbli u li l-iskedi tal-laqgħat, l-aġendi, il-pjanijiet direzzjonali u r-rapporti dwar il-progress għandhom jiġu ppubblikati b'mod regolari u jitpoġġew immedjatament fuq websajt; jipproponi li jsir dibattitu annwali dwar il-progress li jkun sar fi kwistjonijiet li jiġu diskussi fi ħdan il-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku kif ukoll dwar l-istruttura tiegħu;

23. Jemmen, madankollu, li l-impatt fuq l-attivitajiet kummerċjali tal-azzjonijiet meħuda mill-gvernijiet f’dan il-kuntest dwar kwistjonijiet bħall-istandards tal-privatezza u tal-protezzjoni tad-data, l-ispeċifikazzjonijiet biometriċi, is-sigurtà tal-avjazzjoni, id-dokumentazzjoni tal-ivvjaġġar u l-iskambji ta' informazzjoni dwar il-passaġġieri m'għandux jiġi traskurat mill-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku;

L-irwol tad-Djalogu tal-Leġiżlaturi Transatlantiċi fil-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku

24. Itenni mill-ġdid it-talba tieħu lill-mexxeja tal-UE u tal-Istati Uniti, kif ukoll lill-kopresidenti tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku, biex iqisu l-irwol kruċjali tal-leġiżlaturi għas-suċċess tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku; iħeġġiġhom biex jinvolvu lir-rappreżentanti tad-Djalogu tal-Leġiżlaturi Transatlantiċi b’mod sħiħ u dirett fil-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku, peress li l-leġiżlaturi mal-fergħat eżekuttivi rispettivi tagħhom jaqsmu ir-responsabilità għall-applikazzjoni u s-sorveljanza ta’ ħafna deċiżjonijiet tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku;

25. Jemmen li hu essenzjali li jkun żgurat li l-iktar membri xierqa tal-Kungress u tal-Parlament Ewropew jiddaħħlu fid-Djalogu tal-Leġiżlaturi u fil-proċess tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku, sabiex ikun żgurat li l-leġiżlazzjoni ma jkollhiex konsegwenzi imprevisti għall-kummerċ u l-investiment transatlantiku; jittama li l-ftehima l-ġdida tista’ ttejjeb it-TLD attwali f’assemblea interparlamentari transatlantika wara r-rakkomandazzjonijiet mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Marzu 2009;

Il-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku u l-Kriżijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

26. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li t-TEC jingħata pariri mingħand għadd ta’ nies involuti, inklużi rappreżentanti tan-negozji, u jitlob li jingħata rwol simili lil rappreżentanti tal-moviment tal-għaqdiet tal-ħaddiema fuq kull naħa tal-Atlantiku sabiex id-dimensjoni soċjali tiġi inkluża bis-sħiħ; jitlob li l-kapijiet tad-Djalogu Transatlantiku dwar ix-Xogħol, u tad-Djalogu Transatlantiku għall-Enerġija għall-ġejjieni jiġu inklużi fil-Grupp ta' Konsulenti; huwa tal-opinjoni, madankollu, li r-rwol konsultattiv tagħhom għandu jkun iddifferenzjat mir-rwol leġiżlattiv tal-Kungress tal-Istati Uniti u tal-Parlament;

27. Jenfasizza l-irwol tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku biex tkun promossa u żgurata reazzjoni regolatorja għall-kriżijiet li tkun koordinata bejn l-Istati Uniti u l-UE, b’mod partikulari fir-rigward ta' fondi alternattivi ta' investiment, l-infrastruttura tas-suq finanzjarju (speċjalment fir-rigward tas-swieq tal-prodotti derivati kkummerċjalizzati barra l-borża), l-eżiġenzi tal-kapital, il-pajjiżi li joffru rifuġju fiskali u r-riżoluzzjoni transkonfinali ta’ falliment; jistieden lill-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku biex jeżamina l-koordinazzjoni tal-aħħjar prassi fir-rigward tal-politika ta' rimunerazzjoni għall-istituzzjonijiet finanzjarji, filwaqt li jiżgura li r-rimunerazzjoni tkun ibbażata fuq riżultati għaż-żmien twil, u b’hekk jitnaqqas ir-riskju tal-espożizzjoni;

28. Jenfasizza li s-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ kreditu għadha ma’ għaddietx; jenfasizza f'dan ir-rigward li politiki makroekonomiċi koordinati huma vitali għal irkupru ekonomiku globali sostenibbli u sabiex ikun ittrattat il-livell ta' qgħad li qed jiżdied;

29. Jistieden lill-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku biex jinsisti li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti jqisu l-bidliet għad-direttivi tal-UE dwar ir-rekwiżiti kapitali meta jimplimentaw il-qafas ta' Basel II; jilqa’ b'sodisfazzjon il-proposta tal-Gvern tal-Istati Uniti biex jiġu rregolati l-istrumenti finanzjarji derivati kkummerċjalizzati barra l-borża u l-ħidma tiegħu għal stabbiliment ċentrali ta’ rilaxx għal prodotti strutturati kumplessi, u jistieden lill-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku biex jeżamina kif jista’ jippromwovi approċċ koordinat rigward it-trattament tal-klassijiet ta’ assi u korporazzjonijiet, kif ukoll dik infrastrutturali;

30. Jistieden lill-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku biex jiżgura li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti jikkoordinaw mal-UE ir-regolazzjoni ta' maniġers ta' fondi ta' investiment alternattivi (id-Direttiva AIFM), sabiex jevitaw l-arbitraġġ regolatorju;

31. Iħeġġeġ lill-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku biex jindirizza l-kwistjoni ta’ istituzzjonijiet li jkunu kbar wisq biex ifallu u jappoġġja l-proposti tal-G20 għal pjanijiet ta’ kontinġenza ta’ “testment waqt il-ħajja” (“living will") għal istituzzjonijiet transkonfinali li jkunu ta’ importanza sistemika; iqis li l-istituzzjonijiet finanazjarji sistematikament importanti jistgħu jkunu suġġetti għal rekwiżiti iktar stretti ta' żvelar bħal limitazzjonijiet fuq il-kunfidenzjalità kummerċjali, bl-istess mod li kumpaniji dominanti huma suġġetti skont il-politika tal-UE dwar il-kompetizzjoni;

32. Jappoġġja s-sejħa tal-G20 biex titħaffef il-konverġenza tal-istandards tal-kontabilità; iħeġġeġ lill-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku biex jistieden lill-Bord tal-Istandards tal-Kontabilità Finanzjarja u lill-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità biex jiftiehmu dwar sett uniku ta’ standards ta' kontabilità globali ta' kwalità għolja u biex ilestu l-proġett ta' konverġenza tagħhom sa Ġunju 2011; jenfasizza li l-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IASB) għandu jkompli bir-riforma tiegħu tat-tmexxija;

33. Iħeġġeġ lill-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku biex jinsisti li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti jimxu mal-pjan direzzjonali meta jitolbu lill-utenti domestiċi tal-Istati Uniti biex japplikaw l-Istandards Internazzjonali ta’ Rapportaġġ Finanzjarju (IFRS); ifakkar fit-talba tiegħu li, sakemm l-Istati Uniti ma tadottax l-Istandards Internazzjonali ta’ Rapportaġġ Finanzjarju, il-Kummissjoni għat-Titoli u l-Boroż għandha tirrikonoxxi l-Istandards Internazzjonali ta’ Rapportaġġ Finanzjarju, kif adottati mill-Unjoni Ewropea u sakemm tittieħed deċiżjoni li tirrikjedi li l-utenti tal-Istati Uniti biex japplikaw dawn l-Istandards, bħala ekwivalenti għall-prinċipji ta’ kontabilità ġeneralment aċċettati tal-Istati Uniti; iħeġġeġ lill-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku biex jippromwovi l-iżvilupp ta' tqassim għal kull pajjiż tar-rapportaġġ għall-gruppi multinazzjonali;

34. Jittama li l- Kunsill Ekonomiku Transatlantiku jħeġġeġ bidliet fis-sorveljanza tal-assigurazzjoni fl-Istati Uniti li jippermettu lill-UE biex tirrikonoxxi li l-iskema ta’ sorveljanza tal-assigurazzjoni tal-Istati Uniti hi ekwivalenti taħt il-kundizzjonijiet stipulati fid-Direttiva dwar Solvenza II; hu tal-fehma li l-inizjattiva biex jitwaqqaf Uffiċċju ta’ Assigurazzjoni Nazzjonali se ttejjeb il-koperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti; jistieden lill-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku biex jiżgura li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti jagħmlu progress dwar is-sorveljanza tal-assigurazzjoni fil-livell federali billi, jekk ikun hemm bżonn, jisseparaw it-taxxa u kwistjonijiet oħra mill-aspett ta’ sorveljanza pura;

35. Jilqa' l-espansjoni tal-Forum Globali dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta' Informazzjoni u jaraha bħala pass promettenti li s-87 pajjiż kollha f’dan il-Forum qablu biex jadottaw l-istandard tal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi dwar il-qsim tal-informazzjoni fiskali; iħeġġeġ lill-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku biex jiżgura li l-UE u l-Istati Uniti juru t-tmexxija globali komuni tagħhom billi jiżguraw li l-inċentivi meħtieġa, inklużi s-sanzjonijiet, ikunu ġew implimentati sa Marzu 2010, u biex, flimkien mal-partijiet kollha, jimplimentaw malajr programm ta’ reviżjoni bejn pari għall-evalwazzjoni tal-progress imma jqis li dan il-qafas irid jissaħħaħ biex jiġu miġġielda l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa; jenfasizza li t-tgħarrif awtomatiku għandu jkun l-istandard fil-kwistjonijiet fiskali transnazzjonali kollha;

36. Hu tal-fehma li l-iskambju tal-aħjar prattika tas-CSR bejn l-Istati Uniti u l-UE se jkollu impatt sinifikanti fuq l-attitudni tal-intrapriżi lejn is-CSR u fuq l-impenn pożittiv tagħhom dwar kwistjonijiet soċjali u ambjentali; jikkunsidra li l-koperazzjoni regolatorja għandha tikkunsidra t-tisħiħ tal-qafas regolatorju tal-UE rigward id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali, b’mod partikulari l-politiki ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji;

37. Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehim tal-kapijiet tal-G20 biex jaħdmu fuq qafas internazzjonali għal taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji;

Il-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku u l-Proprjetà Intellettwali

38. Jitlob biex il-laqgħa li ġejja tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku tippromwovi koperazzjoni transatlantika strateġika dwar il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali waqt li jiġu rispettati kompletament id-drittijiet fundamentali u ċivili taċ-ċittadini; jenfasizza li t-tifrix tat-teknoloġiji ma jridx jgħawweġ is-sistema ta' protezzjoni tal-proprjetà intellettwali li tiggarantixxi l-kapaċità li jittieħdu r-riskji finanzjarji u kummerċjali li huma inerenti fil-proċess ta’ innovazzjoni;

39. Ifakkar lill-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku li s-soċjetà tal-informazzjoni hija pilastru kruċjali taż-żona ekonomika transatlantika bbażat fuq l-aċċess għall-għarfien u fuq mudell ġdid għall-protezzjoni u l-qsim tal-kontenut diġitali, fir-rispett tal-proporzjonalità;

Il-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku u l-Ħarsien tal-Konsumatur

40. Jistieden lill-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku biex jippromwovi azzjonijiet konġunti biex jiġi żgurat li pajjiżi terzi, partikolarment iċ-Ċina, jgħollu l-istandards ta’ produzzjoni tagħhom biex jintlaħqu r-rekwiżiti ta’ sikurezza tal-UE u tal-Istati Uniti, b’mod partikulari għall-ġugarelli, u biex jiżgura l-infurzar strett, fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, tal-liġijiet dwar is-sikurezza tal-prodotti, partikolarment il-ġugarelli, kif ukoll ispezzjonijiet nazzjonali aktar b’saħħithom;

41. Jistieden lill-Kummissjoni biex, fi ħdan il-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku, tiżviluppa mekkaniżmi ta’ koperazzjoni transkonfinali fl-infurzar aktar b'saħħithom u aktar effettivi, bil-għan li s-sistema ta’ twissija tal-UE "RAPEX" għal prodotti għall-konsumatur li huma ta’ riskju serju għall-konsumatur tiġi konnessa mas-sistema ta’ twissija tal-Kummissjoni dwar is-Sikurezza tal-Prodotti għall-Konsumatur tal-Istati Uniti, u li l-attivitajiet tan-Netwerk ta’ Koperazzjoni għall-Ħarsien tal-Konsumatur jiġu integrati ma' dawk tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti;

42. Jipproponi li l-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku jappoġġja l-adozzjoni ta’ strument ta' koperazzjoni li jorbot, li jistruttura u jiffaċilita l-qsim tal-informazzjoni dwar is-sikurezza tal-prodotti u l-iżvilupp ta' programm komuni ta' azzjonijiet koperattivi;

43. Jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-kuntest tal-laqgħa tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku u s-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti li ġejjin, tħaffef ħidmitha fuq Ftehim bilaterali ta’ Koperazzjoni għall-Infurzar biex jiġu estiżi għall-Istati Uniti l-attivitajiet ta' infurzar tagħha fi ħdan il-qafas tar-Regolament tal-UE dwar Koperazzjoni fil-Ħarsien tal-Konsumaturi u l-Att tal-Istati Uniti dwar Internet Mingħajr Periklu (Safe Web Act);

44. Jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem mal-kontropartijiet tagħha fl-Istati Uniti sabiex il-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku jitħalla jeżamina l-modi għat-tisħiħ tal-ħarsien tal-konsumatur waqt li jitqiesu kif dovut id-drittijiet diġitali tal-kosumatur, kif ukoll biex jaħdmu flimkien dwar ir-regoli għal prodotti difettużi;

Il-kummerċ bilaterali - Kwistjonijiet tad-dwana, sorveljanza tas-suq u sigurtà kummerċjali

45. Jistieden lill-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku biex jippromwovi t-tisħiħ tal-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet tad-dwana u tas-sorveljanza tas-suq tal-UE u l-Istati Uniti, sabiex jiġi evitat li l-prodotti perikolużi, b’mod partikulari l-ġugarelli perikolużi, jilħqu lill-konsumatur;

46. Jistieden lill-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku biex jagħti leħen lit-tħassib tal-UE dwar il-miżura leġiżlattiva unilaterali tal-Istati Uniti dwar l-iskennjar tal-100% tal-kontejners għat-tagħbija tal-merkanzija bil-baħar, kif adottata mill-Kungress tal-Istati Uniti; jemmen li l-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku jista', b'mod utli, jorganizza seminars fi Brussell u f'Washington dwar il-kwistjoni tal-iskennjar ta' 100% tal-kontejners sabiex jitrawwem fehim iktar profond bejn il-leġiżlaturi tal-Istati Uniti u tal-UE u sabiex tiġi promossa riżoluzzjoni bikrija u li tkun reċiprokament aċċettabbli għal din il-problema; jistieden lill-Kummissjoni biex, għal-laqgħa tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku li ġejja, tevalwa l-ispejjeż potenzjali ta’ din il-miżura għan-negozju u għall-ekonomija tal-UE, kif ukoll l-impatt potenzjali fuq l-operazzjonijiet tad-dwana;

47. Jinsab deċiż biex ikompli jistieden lill-leġiżlatura tal-Istati Uniti – u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel dan anke fil-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku – biex terġa’ tikkunsidra l-obbligu tal-iskennjar tal-100% tal-kontejners, u jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa koperazzjoni mal-Istati Uniti, ibbażata fuq l-immaniġġjar tar-riskji, inkluż ir-rikonoxximent reċiproku tal-Programmi ta’ Sħubija Kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti, bi qbil mal-Qafas ta’ Standards SAFE tal-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana;

Rikonoxximent Reċiproku u Standardizzazzjoni

48. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex, fid-dawl tal-laqgħa tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku li ġejja, taħdem favur l-adozzjoni formali ta' proċeduri għall-għarfien reċiproku ta' dikjarazzjonijiet ta' konformità għall-prodotti suġġetti għal testijiet obbligatorji minn partijiet terzi, l-aktar għat-tagħmir tat-teknoloġija ta’ informazzjoni u komunikazzjoni u għat-tagħmir elettriku, sabiex tinsisti fuq ir-rikonoxximent reċiproku tal-unitajiet ta’ kejl legali, b’mod partikulari biex jiġi aċċettat l-użu ta’ tikketti li jużaw biss is-sistema metrika fuq il-prodotti tal-UE fl-Istati Uniti, tesplora l-istandardizzazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Uniti, biex tistabbilixxi laqgħat ta' diskussjoni dwar standards li jiffukaw fuq soluzzjonijiet innovattivi u biex tikkoordina internazzjonalment;

Kwistjonijiet Ambjentali u ta’ Saħħa Pubblika

49. Jikkunsidra li hu tal-akbar importanza li jkun hemm involviment fi djalogu mal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku dwar l-ikel il-ġdid u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda fil-produzzjoni tal-ikel; jenfasizza l-preokkupazzjonijiet fir-rigward tal-klonazzjoni fit-trobbija tal-annimali;

50. Jilqa’ l-fatt li l-Gvern tal-Istati Uniti rrikonoxxa l-bżonn li jirriforma l-Att tagħha dwar il-Kontroll tas-Sustanzi Tossiċi; jistieden lill-UE u l-Istati Uniti biex jikkoperaw sabiex jistabbilixxu sistema regolatorja fl-Istati Uniti li twassal għal livell ta' protezzjoni kompatibbli mar-REACH;

L-Enerġija, l-Industrija u x-Xjenza

51. Jitlob li jkun hemm koperazzjoni mal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku dwar kull kwistjoni li taffettwa lill-ambjent regolatorju għall-industrija, li ssegwi l-approċċ tal-'Att dwar in-Negozji ż-Żgħar' tal-UE – billi taħseb l-ewwel fiż-żgħir – meta jkun qed jikkunsidra leġiżlazzjoni b’impatt transatlantiku;

52. Iħeġġeġ lill-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku biex jiżviluppa koperazzjoni lejn Strateġija Komuni dwar l-Enerġija, li tkun tappoġġja d-diversifikazzjoni u tippromwovi ekonomija ekoeffiċjenti, sabiex tiżdied is-sigurtà tal-provvista, u jħeġġeġ lill-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku biex jgħin fit-tfittxija ta’ kriterji ta’ sostenibilità konverġenti għall-bijofjuwils;

53. Iħeġġeġ lill-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku biex iqanqal il-koperazzjoni fir-riċerka sabiex jiġi sfruttat aħjar il-potenzjali tal-Ftehima dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija estiża bejn l-UE u l-Istati Uniti;

Il-Kummerċ Internazzjonali

54. Jikkunsidra li l-aċċess għas-swieq tal-pajjiżi terzi hu preokkupazzjoni u interess komuni kemm għall-UE u kemm għall-Istati Uniti; jinsab konvint li l-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku jista’ jkollu rwol importanti fit-trawwim ta’ approċċ komuni mill-UE u l-Istati Uniti fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom ma’ pajjiżi terzi; jistieden lill-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku biex jaħdem lejn approċċ aktar komuni għall-ftehimiet ġodda ta’ kummerċ ħieles min-naħa tal-Istati Uniti u tal-UE, bl-intenzjoni li l-ftehimiet ta’ dan it-tip jiġu armonizzati, inklużi l-istandards soċjali u ambjentali;

55. Jistieden lill-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku biex jittratta l-qafas legali u l-istandards tekniċi sabiex jitranġaw il-kundizzjonijiet legali mhux ċari u biex, f’dan il-kuntest, tikkunsidra l-kwistjonijiet tal-kuntratti, dazji jew sigurtà legali fl-Istati Uniti;

Koperazzjoni Ġudizzjarja u tal-Pulizija, il-Politika dwar il-Viża

56. Jispera li l-Laqgħa Ministerjali bejn l-UE u l-Istati Uniti skedata għat-28 ta' Ottubru 2009 f'Washington DC tadotta dikjarazzjoni konġunta dwar il-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija, li tkopri, b'mod partikolari, is-sigurtà fuq l-internet;

57. Ifakkar fid-determinazzjoni tiegħu li jiġġieled kontra t-terroriżmu u fit-twemmin sod tiegħu fil-ħtieġa li jinstab il-bilanċ ġust bejn miżuri tas-sigurtà u l-ħarsien tal-libertajiet ċivili u d-drittijiet fundamentali, filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett akbar għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data; itenni li n-neċessità u l-proporzjonalità huma prinċipji ewlenin li mingħajrhom il-ġlieda kontra t-terroriżmu ma tistax tkun effettiva;

58. Jemmen li qafas legali u politiku sod huwa meħtieġ għal koperazzjoni qawwija bejn l-UE u l-Istati Uniti fi kwistjonijiet relatati mal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà u li sħubija msaħħa li tinvolvi d-dimensjoni parlamentari u demokratika hija essenzjali biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi komuni, bħall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata bla ħsara għad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt, il-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali u l-koperazzjoni tal-pulizija, il-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-protezzjoni tad-dritt tal-kenn politiku, u l-promozzjoni tal-moviment mingħajr viża taċ-ċittadini bona fide kollha bejn żewġ żoni;

59. F’dan ir-rigward, ifakkar li l-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq l-istat tad-dritt u li kull trasferiment ta' data personali Ewropea lejn pajjiżi terzi li jsir għall-finijiet ta’ sigurtà għandu jirrispetta l-garanziji proċedurali u d-drittijiet tad-difiża u jikkonforma mal-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tad-data fil-livell nazzjonali u Ewropew;

60. Ifakkar li, fi ħdan il-qafas transatlantiku tal-ftehima bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-assistenza legali, li se tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010, l-Artikolu 4 jipprevedi li jingħata aċċess għal data finanzjarja mmirata fuq talba, permezz tal-awtoritajiet Statali nazzjonali, u li dan jista’ jikkostitwixxi bażi legali aktar soda għat-trasferiment ta' data SWIFT mill-ftehima interim proposta;

61. Jinnota li qed jiġi nnegozjat ftehim interim dwar it-trasferiment ta' data ta’ dan it-tip bejn l-UE u l-Istati Uniti li jkun validu għal perjodu intermedju permezz ta' klawsola ta' estinzjoni li ma’ taqbiżx it-12-il xahar, u li ftehim ġdid, innegozjat bla ħsara għall-proċedura li għandha tiġi segwita taħt it-Trattat ta' Lisbona, se jkollu jinvolvi bis-sħiħ lill-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali u jiżgura l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 3 tar-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2009;

                                                      ****

62. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kungress tal-Istati Uniti, lill-kopresidenti tad-Djalogu bejn il-Leġiżlaturi Transatlantiċi u lill-kopresidenti u s-segretarjat tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku.