Proċedura : 2010/2572(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B7-0154/2010

Testi mressqa :

RC-B7-0154/2010

Dibattiti :

PV 09/03/2010 - 15
CRE 09/03/2010 - 15

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2010 - 7.7
CRE 10/03/2010 - 7.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2010)0058

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 140kWORD 84k
9.3.2010
PE433.016v01-00}
PE433.020v01-00}
PE439.689v01-00}
PE439.695v01-00}
PE439.696v01-00} RC1
 
B7-0154/2010}
B7-0158/2010}
B7-0173/2010}
B7-0179/2010}
B7-0180/2010} RC1

imressqa skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura

li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

Verts/ALE (B7‑0154/2010)

PPE (B7‑0158/2010)

ALDE (B7‑0173/2010)

S&D (B7‑0179/2010)

GUE/NGL (B7‑0180/2010)


dwar it-trasparenza u s-sitwazzjoni attwali tan-negozjati tal-ACTA


Tokia Saïfi, Daniel Caspary, Cristiana Muscardini, Georgios Papastamkos f'isem il-Grupp PPE-DE
Kader Arif, Gianluca Susta, Bernd Lange, David Martin f'isem il-Grupp S&D
Niccolò Rinaldi, Sophia in 't Veld, Alexander Alvaro, Metin Kazak, Marielle De Sarnez, Michael Theurer f'isem il-Grupp ALDE
Carl Schlyter, Eva Lichtenberger, Christian Engström, Jan Philipp Albrecht, Franziska Keller, Judith Sargentini f'isem il-Grupp Verts/ALE
Syed Kamall

f'isem il-Grupp ECR

Lothar Bisky, Helmut Scholz, Rui Tavares, Cornelis de Jong, Eva-Britt Svensson, Patrick Le Hyaric, Jacky Hénin, Marie-Christine Vergiat
f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-trasparenza u s-sitwazzjoni attwali tan-negozjati tal-ACTA  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 207 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Trattat FUE),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Frar 2010 dwar Ftehim ta' Qafas rivedut bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni għall-perjodu leġiżlattiv li jmiss(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (tfassil mill-ġdid), li għandha titqies bħala l-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari (2) (COM(2008)0229 – C6-0184/2008 – 2008/0090(COD)),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-impatt tal-iffalsifikar fuq il-kummerċ internazzjonali(3),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tat-22 ta’ Frar 2010 dwar in-negozjati li qed isiru bħalissa mill-Unjoni Ewropea rigward Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda kontra l-Iffalsifikar (ACTA),

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika, kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fl-2008 l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi l-oħra tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) bdew in-negozjati dwar ftehim ġdid plurilaterali li jsaħħaħ l-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali (IPR) u jiġġieled kontra l-iffalsifikar u l-piraterija (Ftehim kummerċjali dwar il-ġlieda kontra l-iffalsifikar - ACTA) u ftehmu b’mod konġunt dwar klawsola ta’ kunfidenzjalità,

B.  billi fir-rapport tiegħu tal-11 ta’ Marzu 2009, il-Parlament talab lill-Kummissjoni biex “immedjatament tagħmel pubblikament disponibbli d-dokumenti kollha relatati man-negozjati li għadhom għaddejjin dwar il-Ftehim kummerċjali dwar il-ġlieda kontra l-iffalsifikar (ACTA)”,

C. billi fis-27 ta' Jannar 2010, il-Kummissjoni tat assigurazzjonijiet dwar l-impenn tagħha għal assoċjazzjoni msaħħa mal-Parlament, b'konformità mar-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-9 ta' Frar 2010 dwar Ftehim ta’ Qafas rivedut mal-Kummissjoni li talab li jkun hemm “l-għoti immedjat u sħiħ ta' informazzjoni lill-Parlament f'kull stadju tan-negozjati dwar ftehimiet internazzjonali, b’mod partikolari dwar kwistjonijiet ta' kummerċ u negozjati oħra li jinvolvu l-proċedura ta' kunsens, (...) b'tali mod li jingħata effett sħiħ lill-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE”,

D. billi rappreżentanti tal-Kunsill attendew rawnds ta' negozjati tal-ACTA flimkien ma' rappreżentanti tal-Kummissjoni,

E.  billi l-Kummissjoni, bħala l-gwardjana tat-Trattati, hija obbligata li tara li jiġi osservat l-acquis communautaire meta jiġu nnegozjati ftehimiet internazzjonali li jaffettwaw il-leġiżlazzjoni fl-UE,

F.  billi, skont dokumenti li ġew żvelati, in-negozjati tal-ACTA jinkludu, fost affarijiet oħra, leġiżlazzjoni pendenti tal-UE dwar l-infurzar tal-IPR (COD/2005/0127 – Miżuri kriminali bil-għan li jiżguraw l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPRED-II)) u l-hekk imsejjaħ "Pakkett Telecom", u dwar leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE fir-rigward tal-kummerċ elettroniku u l-protezzjoni tad-data,

G. billi l-isforzi li qed tagħmel bħalissa l-UE biex tarmonizza l-miżuri ta’ infurzar tal-IPRs m’għandhomx jiġu evitati minn negozjati kummerċjali li jaqgħu barra mill-ambitu tal-proċess normali tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE,

H. billi huwa kruċjali li jkun żgurat li l-iżvilupp ta' miżuri ta' infurzar tal-IPR iseħħ b'mod li ma jimpedixxix l-innovazzjoni jew il-kompetizzjoni, ma jdgħajjifx il-limitazzjonijiet tal-IPR u l-protezzjoni tad-data personali, ma jirrestrinġix il-fluss ħieles tal-informazzjoni u ma jtaqqalx bla bżonn il-kummerċ leġittimu,

I.   billi kwalunkwe ftehim li jintlaħaq mill-Unjoni Ewropea dwar l-ACTA għandu jkun konformi mal-obbligi legali imposti fuq l-UE fir-rigward tal-liġi tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data, kif stabbilit b’mod partikolari fid-Direttivi 95/46/KE u 2002/58/KE u fil-każistika stabbilita tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE),

J.   billi t-Trattat ta’ Lisbona ilu fis-seħħ mill-1 ta’ Diċembru 2009,

K. billi, b'riżultat tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlament se jkollu jagħti l-approvazzjoni tiegħu għat-test tat-Trattat tal-ACTA, qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu fl-UE,

 

L.  billi l-Kummissjoni impenjat ruħha li tipprovdi informazzjoni immedjata u sħiħa lill-Parlament f’kull stadju tan-negozjati dwar il-ftehimiet internazzjonali,

 

1.  Jinnota li, mill-1 ta' Diċembru 2009, il-Kummissjoni kellha u għandha l-obbligu legali li immedjatament u bis-sħiħ tinforma lill-Parlament Ewropew fl-istadji kollha tan-negozjati internazzjonali;

2.  Jesprimi l-akbar tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' proċess trasparenti fit-twettiq tan-negozjati tal-ACTA, qagħda li tmur kontra sew it-test kif ukoll l-ispirtu tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE; jinsab ferm imħasseb li ma ġiet stabbilita l-ebda bażi legali qabel il-bidu tan-negozjati tal-ACTA u li ma ntalbitx l-approvazzjoni parlamentari għall-mandat ta' negozjati;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jagħtu aċċess pubbliku u parlamentari għat-testi u s-sommarji tan-negozjati tal-ACTA, bi qbil mat-Trattat u mar-Regolament 1049/2001 tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jieħdu impenn proattiv mal-imsieħba fin-negozjati tal-ACTA biex jiġu eliminati negozjati ulterjuri kunfidenzjali b'mod awtomatiku, u biex jinfurmaw lill-Parlament bis-sħiħ u fi żmien utli dwar l-inizjattivi li jkunu se jittieħdu f'dan ir-rigward; jistenna li l-Kummissjoni tagħmel proposti qabel ir-rawnd li jmiss ta' negozjati fi New Zealand f'April 2010, biex titlob li l-kwistjoni tat-trasparenza titqiegħed fuq l-aġenda ta' dik il-laqgħa u li l-Parlament jiġi infurmat dwar l-eżitu ta' dan ir-rawnd immedjatament hekk kif jintemm;

5.  Jenfasizza li, sakemm il-Parlament ma jkunx mgħarraf immedjatament u bis-sħiħ fl-istadji kollha tan-negozjati, jirriżerva d-dritt li jieħu azzjoni xierqa, inkluż li jressaq il-kwistjoni quddiem il-QĠUE bil-għan li jiġu salvagwardjati l-prerogattivi tiegħu;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq evalwazzjoni tal-impatt tal-implimentazzjoni tal-ACTA fir-rigward tad-drittijiet fundamentali u tal-protezzjoni tad-data, tal-isforzi li għaddejjin bħalissa biex jiġu armonizzati l-miżuri ta' infurzar tal-IPR u tal-kummerċ elettroniku, qabel ma jintlaħaq kwalunkwe ftehim tal-UE dwar test konsolidat tal-ACTA, u biex tikkonsulta mal-Parlament fi żmien utli dwar ir-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni;

7.  Jilqa’ l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni li kwalunkwe ftehim tal-ACTA se jkun limitat għall-infurzar tal-IPRs eżistenti, bla ebda preġudizzju għall-iżvilupp tal-liġi sostantiva dwar il-proprjetà intelletwali fl-Unjoni Ewropea;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli n-negozjati dwar l-ACTA sabiex tittejjeb l-effettività tas-sistema ta’ infurzar tal-IPR kontra l-iffalsifikar;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-infurzar tad-dispożizzjonijiet tal-ACTA – speċjalment dawk dwar proċeduri ta' infurzar tad-drittijiet tal-awtur fl-ambjent diġitali – ikun konformi għalkollox mal-acquis communautaire; jitlob li ma jitwettaq l-ebda tiftix ta' natura personali fil-fruntieri tal-UE u li tingħata kjarifika sħiħa ta' kwalunkwe klawsola li tippermetti tiftix mingħajr mandat u konfiska ta' tagħmir ta' ħażna tal-informazzjoni bħal kompjuters portabbli, telefowns ċellulari u MP3 plejers minn awtoritajiet tal-fruntieri u tad-dwana;

10. Iqis li sabiex ikun hemm rispett tad-drittijiet fundamentali, bħad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u d-dritt għall-privatezza, filwaqt li jiġi osservat bis-sħiħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà,   il-ftehim propost m’għandux jagħmilha possibbli li jiġu imposti l-hekk imsejħa proċeduri tat-tliet daqqiet (‘three-strikes’ procedures), f’konformità sħiħa mad-deċiżjoni tal-Parlament dwar l-Artikolu 1.1b fid-Direttiva li temenda 2009/140/KE li titlob li jiddaħħal paragrafu 3a ġdid fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/21/KE dwar il-kwistjoni tal-politika tat-tliet daqqiet;

11. Jenfasizza li l-privatezza u l-protezzjoni tad-data huma valuri ewlenin tal-Unjoni Ewropea, rikonoxxuti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li għandhom jiġu rispettati fil-politiki u r-regoli kollha adottati mill-UE skont l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE;

12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-istati li huma partijiet fin-negozjati tal-ACTA.

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2010)0009.

(2)

Testi adottati ta' dik id-data, P6_TA(2009)0114.

(3)

Testi adottati, P6_TA(2008)0634.

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Mejju 2010Avviż legali