Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0675/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0675/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni fis-Saħara tal-Punent

24.11.2010

imressqa skont l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ALDE (B7‑0675/2010)
Verts/ALE (B7‑0676/2010)
S&D (B7‑0677/2010)
EFD (B7‑0678/2010)
ECR (B7‑0679/2010)
GUE/NGL (B7‑0680/2010)
PPE (B7‑0682/2010)

Ioannis Kasoulides, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Santiago Fisas Ayxela, Marco Scurria, Ernst Strasser, Cristian Dan Preda f'isem il-Grupp PPE-DE
Adrian Severin, Véronique De Keyser, María Muñiz De Urquiza, Vincent Peillon, Guido Milana, Norbert Neuser, Ana Gomes, Gilles Pargneaux, Ulrike Rodust, Andres Perello Rodriguez, Richard Howitt f'isem il-Grupp S&D
Ivo Vajgl, Kristiina Ojuland, Luigi de Magistris, Izaskun Bilbao Barandica, Carl Haglund, Ramon Tremosa i Balcells, Anneli Jäätteenmäki, Graham Watson f'isem il-Grupp ALDE
Raül Romeva i Rueda, Nicole Kiil-Nielsen, Ulrike Lunacek, Hélène Flautre, Jill Evans, Oriol Junqueras Vies, Judith Sargentini, François Alfonsi, Isabella Lövin, Barbara Lochbihler, Michèle Rivasi, Catherine Grèze, Frieda Brepoels, Martin Häusling, Jean Lambert, Bart Staes, Franziska Keller, José Bové, Indrek Tarand, Emilie Turunen, Margrete Auken, Alyn Smith, Eva Joly f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock, Michał Tomasz Kamiński, Tomasz Piotr Poręba, Adam Bielan, Ryszard Antoni Legutko, Zbigniew Ziobro, Jacek Olgierd Kurski, Marek Henryk Migalski, Ryszard Czarnecki f'isem il-Grupp ECR
Willy Meyer, João Ferreira, Sabine Lösing, Sabine Wils, Miguel Portas, Rui Tavares, Marisa Matias, Bairbre de Brún, Jacky Hénin, Marie-Christine Vergiat, Patrick Le Hyaric, Takis Hadjigeorgiou, Helmut Scholz f'isem il-Grupp GUE/NGL
Fiorello Provera f'isem il-Grupp EFD

Proċedura : 2010/2954(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0675/2010
Testi mressqa :
RC-B7-0675/2010
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fis-Saħara tal-Punent

Il-Parlament Ewropew,

 wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill ta’ Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-Saħara tal-Punent,

 

 

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1920 (2010) li estendiet il-mandat eżistenti tal-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Referendum fis-Saħara tal-Punent (MINURSO),

–   wara li kkunsidra l-aħħar rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU magħmula lill-Kunsill ta’ Sigurtà dwar is-Saħara al-Punent tal-14 ta’ April tal-2008, tat-13 ta’ April 2009 u tas-6 ta’ April tal-2010,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, ratifikat mill-Marokk fit-3 ta’ Mejju 1979,

 

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, b'mod speċjali l-Artikolu 2 ta’ dak il-ftehim,

 

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE tas-7 ta’ Diċembru 2009 dwar it-8 Sessjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Marokk u d-dikjarazzjoni konġunta maħruġa fl-ewwel Samit UE-Marokk tas-7 ta’ Marzu 2010,

 

–   wara li kkunsidra b’mod partikolari l-konklużjonijiet misluta mid-delegazzjoni ad hoc tal-Parlament għas-Saħara tal-Punent f’Settembru 2006 u f’Jannar 2009, li talbu li l-mandat tal-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Referendum fis-Saħara tal-Punent (MINURSO) jiġi estiż, soġġett għal qbil min-naħa tal-partijiet kollha kkonċernati, sabiex tingħatalha l-kompetenza li tissorvelja r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fis-Saħara tal-Punent, u li talbu lill-Kummissjoni, anke u jekk xieraq permezz tad-Delegazzjoni tagħha f’Rabat, biex tissorvelja d-drittijiet tal-bniedem fis-Saħara tal-Punent u tibgħat missjonijiet hemmhekk b’mod regolari,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Saħara tal-Punent, b'mod partikolari dik tas-27 ta’ Ottubru 2005[1],

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton dwar is-Saħara tal-Punent, tal-10 ta’ Novembru 2010,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u l-Kummissjoni tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sitwazzjoni fis-Saħara tal-Punent,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi bosta eluf ta’ Saħarawin abbandunaw ibliethom u armaw it-tined ’il barra minn El Aaiun, u waqqfu l-akkampament Gdaim Izyk bħala protesta paċifika għall-qagħda soċjali, politika u ekonomika u l-kundizzjonijiet ta' għajxien tagħhom,

B.  billi wara bosta ġimgħat dawn kienu jammontaw għal madwar 15,000 persuna, skont l-osservaturi tan-Nazzjonijiet Uniti, u billi ġie stabbilit djalogu mal-awtoritajiet,

C. billi nhar il-Ħadd 24 ta’ Ottubru, Nayem El-Garhi, adoloxxenti Saħarawi ta’ erbatax-il sena, inqatel u ħamsa oħra sfaw midruba mill-forzi militari Marokkini waqt li kienu qed jippruvaw jaslu sal-akkampament ftit ’il barra minn El Aaiun,

D. billi nhar it-8 ta’ Novembru 2010, għadd mhux magħruf ta’ persuni, inklużi uffiċjali tal-pulizija u tas-sigurtà, inqatlu matul l-azzjoni tal-forzi tas-sigurtà Marokkini bl-għan li jiġi żmantellat l-akkampament ta' protesta ta' Gdaim Izyk; billi kien hemm ukoll rapporti dwar għadd sinifikanti ta’ ċivili midruba meta l-forzi tas-sigurtà użaw gass tad-dmugħ u lembubi biex jiżgumbraw l-akkampament,

E.  billi dawn l-inċidenti seħħew fl-istess jum meta infetaħ it-tielet ċiklu ta’ taħdidiet informali dwar l-istatus tas-Saħara tal-Punent fi New York, bil-parteċipazzjoni tal-Marokk, tal-Front Polisario u tal-pajjiżi osservaturi, l-Alġerija u l-Mawritanja,

F.  billi l-ġurnalisti, il-membri parlamentari nazzjonali u reġjonali tal-UE u Ewrodeputati ma tħallewx jidħlu f’El Aaiun u fl-akkampament Gdaim Izyk, u xi wħud minnhom saħansitra sfaw espulsi minn El Aaiun,

G. billi titqies il-mewta vjolenti taċ-ċittadin Spanjol Babi Hamday Buyema f’ċirkostanzi li għadhom ma ġewx stabbiliti,

H. billi wara aktar minn 30 sena, il-proċess tad-dekolonizzazzjoni tas-Saħara tal-Punent għadu mhux mitmum,

I.   billi l-UE għadha mħassba dwar il-kunflitt fis-Saħara tal-Punent u dwar il-konsegwenzi u l-implikazzjonijiet reġjonali tiegħu, inkluża s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Saħara tal-Punent, u jappoġġa bis-sħiħ l-isforzi tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-r-Rappreżentant Personali tiegħu biex tinstab soluzzjoni politika ġusta, dejjiema u reċiprokament aċċettabbli li tippermetti l-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, kif previst fir-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti,

J.   billi bosta rapporti wrew li r-riżorsi naturali tas-Saħara tal-Punent qed jiġu sfrutatti mingħajr ma jħallu l-ebda benefiċċju għall-popolazzjoni lokali,

1.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar id-deterjorament sinifikanti tas-sitwazzjoni fis-Saħara tal-Punent u jikkundanna bis-saħħa l-inċidenti vjolenti li seħħew fl-akkampament ta’ Gdaim Izyk meta kien qed jiġi żmantellat, u fil-belt ta’ Laâyoune;

2.  Jistieden lill-partijiet kollha kkonċernati biex jibqgħu kalmi u joqogħdu lura minn aktar vjolenza;

3.  Jiddeplora t-telf ta’ ħajjiet umani u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-familji tal-vittmi, tal-midruba u tal-persuni li għebu;

4.  Jinnota t-twaqqif mill-Parlament Marokkin ta’ kumitat ta’ inkjesta biex jistħarreġ l-avvenimenti li wasslu għall-intervent mill-awtoritajiet Marokkini, iżda jqis li n-Nazzjonijiet Uniti jkunu l-aktar korp adegwat biex iwettaq inkjesta internazzjonali indipendenti biex jiġu ċċarati l-avvenimenti, l-imwiet u l-għajbien;

5.  Jiddispjaċih mill-attakki fuq il-libertà tal-istampa u tal-informazzjoni li għaddew minnhom ħafna ġurnalisti Ewropej u jitlob lir-Renju tal-Marokk jippermetti l-aċċess liberu u l-moviment liberu fis-Saħara tal-Punent għall-istampa, l-osservaturi indipendenti u l-organizzazzjonijiet umanitarji; jiddeplora l-projbizzjoni imposta mill-awtoritajiet Marokkini fuq id-dħul fis-Saħara tal-Punent għall-membri parlamentari, il-ġurnalisti, il-mezzi tax-xandir u l-osservaturi indipendenti;

6.  Jinsisti dwar il-bżonn li l-korpi tan-NU jiġu mistiedna jipproponu t-twaqqif ta’ mekkaniżmu ta’ monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem fis-Saħara tal-Punent;

7.  Jilqa’ t-tkomplija tal-laqgħat informali bejn il-Marokk u l-Front Polisario taħt l-awspiċi tal-r-Rappreżentant Personali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, ukoll f’dawn iċ-ċirkostanzi ta’ tensjoni, u jitlob lill-protagonisti reġjonali jiżvolġu rwol aktar kostruttiv;

8.  Jisħaq dwar l-appoġġ tiegħu għall-issoktar tat-taħdidiet informali bejn il-partijiet fil-kunflitt, bl-għan li tinstab soluzzjoni politika ġusta, dejjiema u reċiprokament aċċettabbli bi qbil mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill ta’ Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li tingħata l-għajnuna umanitarja neċessarja, b’żieda fil-finanzjament allokat, lil numru ta’ persuni stmat bejn id-90,000 u l-165,000, li jgħixu fir-reġjun ta’ Tindouf, biex dawn jiġu megħjuna jissodisfaw il-bżonnijiet bażiċi tagħhom għall-ikel, l-ilma, id-djar u l-kura medika u biex jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ għajxien tagħhom;

10. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-arrest u l-allegazzjonijiet b’rabta ma’ turment tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Saħarawi fit-territorju tas-Saħara tal-Punent; jitlob li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem miżmuma f’ħabsijiet fit-territorju jew fil-Marokk jiġu trattati bi qbil mal-istandards internazzjonali u biex jinġiebu quddiem il-ġustizzja malajr u b’mod ġust;

11. Jistieden lill-UE titlob li r-Renju tal-Marokk jirrispetta d-Dritt internazzjonali fir-rigward tal-isfruttament tar-riżorsi naturali tas-Saħara tal-Punent;

12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni Afrikana, lid-Delegazzjoni tal-PE għar-Relazzjonijiet mal-Pajjiżi tal-Maghreb, lill-Bureau tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja, lill-Parlament u lill-Gvern tal-Marokk, lill-Front Polisario u lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Alġerija u tal-Mawritanja.