Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0709/2010Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0709/2010

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar l-Uganda: l-hekk imsejjaħ "Abbozz ta' Liġi Bahati" u d-diskriminazzjoni kontra l-popolazzjoni LGBT

15.12.2010

skont l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
S&D (B7‑0709/2010)
ECR (B7‑0710/2010)
ALDE (B7‑0711/2010)
Verts/ALE (B7‑0718/2010)
PPE (B7‑0727/2010)
GUE/NGL (B7‑0729/2010)

Michèle Striffler, Bernd Posselt, Alf Svensson, Monica Luisa Macovei, Cristian Dan Preda, Eija-Riitta Korhola, Filip Kaczmarek, Dominique Baudis f'isem il-Grupp PPE
Véronique De Keyser, Michael Cashman, Corina Creţu f'isem il-Grupp S&D
Marietje Schaake, Ramon Tremosa i Balcells, Sonia Alfano, Alexandra Thein, Kristiina Ojuland, Sophia in 't Veld, Renate Weber, Louis Michel f'isem il-Grupp ALDE
Ulrike Lunacek, Raül Romeva i Rueda, Judith Sargentini f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock, f'isem il-Grupp ECR
Marie-Christine Vergiat, Eva-Britt Svensson, Cornelia Ernst, Rui Tavares, Marisa Matias f'isem il-Grupp GUE/NGL

Proċedura : 2010/3009(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0709/2010
Testi mressqa :
RC-B7-0709/2010
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Uganda: l-hekk imsejjaħ "Abbozz ta' Liġi Bahati" u d-diskriminazzjoni kontra l-popolazzjoni LGBT

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-obbligi u l-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk li jinsabu fil-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, li jiggarantixxu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku minn naħa minnhom, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2001 (il-Ftehim ta' Cotonou) u l-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem li jinsabu fih, b'mod partikolari l-Artikolu 9,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jimpenjaw lill-Unjoni Ewropea u lil-Istati Membri tagħha li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u li jipprovdu l-mezzi biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell tal-UE,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 21 tagħha, li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali,

–   wara li kkunsidra l-attivitajiet kollha tal-UE li jirrigwardaw il-ġlieda kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-omofobija, il-protezzjoni tal-minoranzi u l-politiki ta' kontra d-diskriminazzjoni,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2009 dwar l-Uganda: abbozz ta' leġiżlazzjoni kontra l-omosesswali[1],

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, fil-Jum Internazzjonali Kontra l-Omofobija, fis-17 ta' Mejju 2010,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tat-3 ta' Diċembru 2009 dwar l-integrazzjoni u l-parteċipazzjoni soċjali u kulturali taż-żgħażagħ,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-Abbozz ta' Liġi Kontra l-Omosesswalità ppreżentat mill-Membru privat David Bahati MP fil-25 ta' Settembru 2009 quddiem il-Parlament tal-Uganda jipprevedi l-ikkastigar tal-atti omosesswali bi priġunerija ta' bejn seba' snin u l-għomor il-ħabs kif ukoll il-piena tal-mewt; billi l-Abbozz ta' Liġi jipprevedi l-ikkastigar tan-nuqqas li wieħed jiżvela l-omosesswalità ta' wild jew ta' pazjent b'massimu ta' tliet snin priġunerija; billi l-Abbozz ta' Liġi għadu qed jiġi eżaminat,

B.  billi l-komunità internazzjonali kollha kemm hi kkundannat b'qawwa l-liġi proposta, filwaqt li xi Stati Membri tal-UE heddu li jirrevokaw l-għajnuna għall-iżvilupp li jagħtu lill-Uganda jekk dan l-abbozz isir liġi;

C. billi fid-9 ta' Ottubru u fil-15 ta' Novembru 2010, il-ġurnal lokali 'Rolling Stone' elenka l-ismijiet u d-dettalji personali ta' persuni li huwa allegat li huma omosesswali, filwaqt li inċita lill-qarrejja biex jagħmlulhom ħsara jew jgħallquhom; billi l-Qorti Suprema tal-Uganda ordnat temporanjament lill-ġurnal biex iwaqqaf il-pubblikazzjoni,

D. billi fl-Afrika l-omosesswalità hija legali fi 13-il pajjiż biss u hija reat kriminali fi 38 pajjiż; billi l-Mawritanja, is-Sudan u n-Niġerja tat-Tramuntana jikkastigaw l-omosesswalità bil-piena tal-mewt;

1.  Itenni l-fatt li l-orjentazzjoni sesswali hija xi ħaġa li taqa' fl-isfera tad-dritt individwali għall-privatezza kif garantit bid-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, skont liema dritt l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni għandhom jiġu protetti, filwaqt li l-libertà tal-espressjoni għandha tiġi garantita;

2.  Ifakkar lill-awtoritajiet tal-Uganda fl-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali u skont il-Ftehim ta' Cotonou, li jitlob li d-drittijiet universali tal-bniedem jiġu rispettati;

3.  Itenni l-impenn tiegħu fir-rigward tad-drittijiet universali tal-bniedem, jinnota f'dan ir-rigward li d-difiża tad-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBT ma tistax titqies bħala imponiment ta' valuri Ewropej, iżda minflok bħala d-difiża u l-promozzjoni ta' drittijiet universali tal-bniedem kondiviżi, xi ħaġa li hija wieħed mill-objettivi tal-UE fl-attivitajiet esterni kollha tagħha;

4.  Jikkundanna kwalunkwe tentattiv li tiġi inċitata l-mibegħda u tiġi promossa l-vjolenza kontra grupp minoritarju, inkluż abbażi tas-sess jew tal-orjentazzjoni sesswali; f'dan il-kuntest jikkundanna t-tressiq tal-Abbozz ta' Liġi Kontra l-Omosesswalità u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Uganda biex ma japprovawx l-Abbozz ta' Liġi iżda jirrevedu l-liġijiet tagħhom biex jiddepenalizzaw l-omosesswalità u jiddepenalizzaw il-gruppi maġinalizzati, inklużi l-attivisti LGBT; jenfasizza li liġi kontra l-omosesswalità tkun ta' ħsara kbira fil-ġlieda kontra l-HIV/AIDS;

5.   Għal darba oħra jiċħad b'qawwa kwalunkwe passi biex jiddaħħal l-użu tal-piena tal-mewt fi kwalunkwe ċirkostanzi u proċeduri ta' estradizzjoni għal ċittadini tal-Uganda li jwettqu att omosesswali barra minn pajjiżhom;

6.  Jilqa' l-fatt l-Qorti Suprema tal-Uganda ordnat lill-ġurnal 'Rolling Stone' biex iwaqqaf il-pubblikazzjoni; madankollu għadu mħasseb li ħafna Ugandiżi ġew attakkati konsegwenza diretta tal-artiklu, filwaqt li ħafna għadhom qed jibżgħu li se jiġu attakkati, u jitlob li jiġu protetti mill-awtoritajiet;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jagħmlu użu sħiħ mit-Toolkit għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tat-Tgawdija tad-Drittijiet tal-Bniedem kollha mill-Persuni Lesbjani, Gay, Bisesswali u Transgender (LGBT) fir-relazzjonijiet kollha tagħhom mal-Uganda filwaqt li jkomplu l-ġlieda, fil-kuntest internazzjonali, kontra l-persekuzzjoni tal-persuni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom, xi ħaġa li għandha tkun pilastru ta' Pjan Direzzjonali tal-UE kontra l-omofobija u għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni LGBT;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President tar-Repubblika tal-Uganda, lill-Ispeaker tal-Parlament Ugandiż, lill-Assemblea Leġiżlattiva tal-Afrika tal-Lvant u lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana.