Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0370/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0370/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar l-Ukraina: il-każi ta’ Yulia Tymoshenko u membri oħra tal-gvern preċedenti

8.6.2011

imressqa skont l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
PPE (B7‑0370/2011)
ALDE (B7‑0372/2011)
Verts/ALE (B7‑0373/2011)

Elmar Brok, Ioannis Kasoulides, Cristian Dan Preda, Michael Gahler, Zuzana Roithová, Mario Mauro, Filip Kaczmarek, Bernd Posselt, Tunne Kelam, Eija-Riitta Korhola, Monica Luisa Macovei, Elena Băsescu, Sari Essayah, Giovanni La Via, Krzysztof Lisek, Andrzej Grzyb, Bogusław Sonik, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Laima Liucija Andrikienė, Jan Kozłowski, Martin Kastler f'isem il-Grupp PPE-DE
Kristiina Ojuland, Marielle De Sarnez, Leonidas Donskis, Marietje Schaake, Ramon Tremosa i Balcells, Gesine Meissner f'isem il-Grupp ALDE
Rebecca Harms, Werner Schulz, Raül Romeva i Rueda f'isem il-Grupp Verts/ALE

Proċedura : 2011/2714(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0370/2011
Testi mressqa :
RC-B7-0370/2011
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Ukraina: il-każi ta’ Yulia Tymoshenko u membri oħra tal-gvern preċedenti

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukraina, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010[1],

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998 u n-negozjati li għadhom għaddejjin dwar il-ftehim ta' assoċjazzjoni maħsub biex jissostitiwixxi l-FSK,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina, li tissostitwixxi l-Pjan ta' Azzjoni u li ġiet approvata mill-Kunsill ta' Kooperazzjoni UE-Ukraina f'Ġunju 2009,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Mejju 2011 “Analiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat” (COM(2010)0207) u r-Rapport ta’ progress tal-25 ta’ Mejju 2011 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tiegħu dwar id-detenzjoni ta’ Yulia Tymoshenko fl-24 ta’ Mejju 2011,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-26 ta' Mejju 2011 mill-kelliemi tar-Rappreżentant Għoli tal-UE Catherine Ashton dwar il-każ ta’ Yulia Tymoshenko,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummmissarju Stefan Füle fl-24 ta’ Marzu 2011 wara l-laqgħa tiegħu ma’ Yulia Tymoshenko,

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta’ liġi dwar il-prevenzjoni u t-trattament tal-korruzzjoni adottat mill-Verkhovna Rada fis-7 ta’ April 2011 u li se jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2011,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi l-UE hija favur Ukraina demokratika u stabbli li tirrispetta l-prinċipji tal-ekonomija tas-suq soċjali, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi, u li tiggarantixxi d-drittijiet fundamentali; billi l-istabbiltà politika domestika, konċentrazzjoni fuq ir-riforma interna u r-rispett tal-istat tad-dritt, li jinkorpora proċessi legali ġusti, imparzjali u indipendenti, fl-Ukraina huma prerekwiżiti għal żvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina; billi l-Viċinat tal-Lvant iħaddan dawn il-prinċipji kollha,

B.  billi riforma komprensiva tal-ġudikatura u miżuri li jiżguraw ir-rispett tal-istat tad-dritt fl-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet kriminali, inkluż il-prinċipju ta' proċedimenti ġudizzjarji ġusti, imparzjali u indipendenti, għadhom ma ġewx implimentati fl-Ukraina,

C. billi l-korruzzjoni u l-abbuż tal-poter għadhom mifruxa fl-Ukraina u jirrikjedu rispons bla ekwivoċi mill-awtoritajiet, inkwantu jressqu ‘l dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja; billi jeħtieġ li l-prosekuzzjonijiet u l-investigazzjonijiet ikunu imparzjali u indipendenti, u jeħtieġ li ma jintużawx għal finijiet politiċi,

D. billi fl-24 ta’ Mejju 2011 l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali fl-Ukraina kkompleta l-investigazzjoni dwar il-każ kontra Yulia Tymoshenko, ex Prim Ministru tal-Ukraina, u ressaq kontrieha akkużi ta' abbuż ta' poter bi rbit mal-konklużjoni ta' kuntratti tal-gass mal-Federazzjoni Russa fl-2009,

E.  billi fil-21 ta’ Frar 2011 żewġ proċedimenti kriminali kontra Yulia Tymoshenko nġiebu flimkien f’kawża waħda li fiha hija akkużata bi frodi ta’ fondi mill-bejgħ ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont il-Protokoll ta’ Kjoto u bl-approprjazzjoni bla dritt ta’ UAH 67 miljun li kienu allokati mill-baġit statali tal-Ukraina, taħt garanzija tal-gvern lill-Gvern Awstrijak, għax-xiri u l-importazzjoni ta’ 1 000 vettura Opel Combo li suppost kellhom jintużaw għal finjijiet medikali f’żoni rurali meta kienet Prim Ministru,

F.  billi, mindu ġew varati l-investigazzjonijiet fil-15 ta’ Diċembru 2010, Yulia Tymoshenko ġiet interrogata 44 darba, ġiet imposta fuqha projbizzjoni tal-ivvjaġġar, sew intern kif ukoll internazzjonali, għal kważi sitt xhur, inżammet mill-awtoritajiet tal-Ukraina milli tivvjaġġa ġewwa l-Ukraina f’erba’ okkażjonijiet, kif ukoll li tivvjaġġa lejn Brussell fi Frar u f’Ġunju, u ġiet imħarrka u interrogata fil-25 ta’ Mejju 2011 għal diversi sigħat qabel ma nħelset,

G. billi 12-il persuna li kienu uffiċjali mlaħħqa fil-gvern ta’ Tymoshenko jinsabu miżmuma f’detenzji ta’ qabel proċess, fosthom Yuri Lutsenko, li kien Ministru tal-Intern u li huwa wieħed mill-mexxejja tal-Partit Popolari ta’ Awtodifiża, li ġie akkużat b’abbuż tal-uffiċċju u b’approprjazzjoni bla dritt ta’ fondi u arrestat fis-26 ta’ Diċembru 2010 talli allegatament ma kkooperax mal-prosekuzzjoni, kif ukoll dak li kien l-Ewwel Viċi Ministru tal-Ġustizzja, Yevhen Korniychuk, li safa arrestat fit-22 ta’ Diċembru 2010 b’akkużi li kiser il-liġi bi rbit ma’ proċeduri ta’ akkwsit pubbliku għal servizzi legali,

H. billi s-Sur Lutsenko ma nħelisx mid-detenzjoni ta’ qabel proċess meta l-proċess tiegħu nfetaħ fit-23 ta’ Mejju 2011, minkejja l-fatt li d-detenzjoni għall-allegat nuqqas ta’ kooperazzjoni fl-investigazzjoni tal-kawża tiegħu hija miżura estremanent sproporzjonata,

I.   billi rapport preliminari tal-Kumitat Daniż ta’ Ħelsinki għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-proċessi ta’ Lutsenko u Korniychuk elenka vjolazzjonijiet enormi tal-konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem,

J.   billi proċedimenti kriminali nbdew ukoll kontra dak li kien Ministru tal-Ekonomija, Bohdan Danylyshin, li ħarab mill-Ukraina u ngħata asil politiku fir-Repubblika Ċeka; billi dak li kien Ministru tal-Ambjent, Georgy Filipchuk, u dak li kien Aġent Ministru tad-Difiża, Valery Ivashchenko, ukoll jiffaċċaw akkużi kriminali,

K. billi dak li kien Speaker tal-Parlament tal-Krimea, Anatoliy Grytsenko (Partit tar-Reġjuni), ġie miżmum fl-24 ta’ Jannar 2011 u akkużat b’abbuż ta’ poter li jinvolvi l-għoti illegali ta’ 4 800 ettaru artijiet; billi kawża kriminali oħra nfetħet aktar tard, rigward frodi tal-artijiet bi rbit ma’ art ta’ żvilupp turistiku f’Yalta,

L.  billli l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali fetaħ ukoll investigazzjoni kirminali dwar abbuż ta’ poter kontra dak li kien President tal-Ukraina, Leonid Kuchma,

M. billi l-Kostituzzjoni tal-Ukraina tipprovdi dwar responsabbiltà kollettiva għad-deċiżjonijiet li jieħu l-Gvern tal-Ukraina,

N. billi l-UE tkompli tenfasizza l-ħtieġa li jintwera rispett għall-istat tad-dritt, li jinkorpora proċessi legali ġusti, imparzjali u indipendenti, filwaqt li jevita l-periklu li jagħti lok għall-perċezzjoni li miżuri ġudizzjarji jkunu qed jintużaw selettivament; billi l-UE dawn il-prinċipji tqishom speċjalment importanti f’pajjiż li jaspira li jidħol f’relazzjoni kuntrattwali aktar profonda msejsa fuq assoċjazzjoni politika,

1.  Jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-akbar trasparenza fl-investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u proċessi, u jwissi kontra kwalunkwe użu tal-liġi kriminali bħala għodda għall-ilħiq ta’ finijiet politiċi;

2.  Huwa mħasseb dwar żieda fil-prosekuzzjoni selettiva ta’ figuri mill-oppożizzjoni politika fl-Ukraina kif ukoll dwar il-karattru sproporzjonat tal-miżuri applikati, partikolarment fil-kawżi tas-Sinjura Tymoshenko u s-Sur Lutsenko, li kien ministru tal-Intern, u jinnota li s-Sur Lutsenko ilu miżmum mis-26 ta’ Diċembru 2010; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-Kummissarju tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Ukraina, Nina Karpachova, li talbet lill-Prosekutur Ġenerali tal-Ukraina jikkunsidra l-possibbiltà li japplika miżuri preventivi li ma jinvolvux id-detenzjoni;

3.  Ifakkar lill-awtoritajiet tal-Ukraina li l-prinċipju tar-responsabbiltà kollettiva għad-deċiżjonijiet tal-gvern ma tippermettix il-prosekuzzjoni ta’ membri individwali tal-gvern fuq deċiżjonijiet li ttieħdu b’mod kolleġġjali;

4.  Jenfasizza li l-investigazzjonijiet li għaddejjin fuq mexxejja politiċi prominenti tal-Ukraina m’għandhomx iżommuhom milli jieħdu sehem attiv fil-ħajja politika tal-pajjiż, jiltaqgħu mal-votanti u jivvjaġġaw għal laqgħat internazzjonali; jistieden, għalhekk, lill-awtoritajiet tal-Ukraina jneħħu l-projbizzjoni tal-ivvjaġġar, sew intern kif ukoll internazzjonali, imposta fuq Yulia Tymoshenko u figuri politiċi ewlenin oħra;

5.  Jisħaq fuq il-fatt li t-tisħiħ tal-istat tad-dritt u ġlieda kredibbli kontra l-korruzzjoni huma essenzjali mhux biss għall-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-approfondiment tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina b’mod ġenerali, imma wkoll għall-konsolidament tad-demokrazija fl-Ukraina;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni tgħin fir-riforma tal-ġudikatura tal-Ukraina billi tagħmel użu aħjar tal-programm tal-UE għall-bini tal-kapaċità u tikkunsidra li jinħoloq Grupp Konsultattiv ta’ Livell Għoli tal-UE għall-Ukraina biex jgħin lill-pajjiż fl-isforzi tiegħu ħalli jallinja ruħu mal-leġiżlazzjoni tal-UE, inkluż f’dak li jirrigwarda l-ġudikatura;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lis-SEAE, lill-Istati Membri, lill-President, il-Gvern u l-Parlament tal-Ukraina u lill-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE.