Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0577/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0577/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-Samit bejn l-UE u l-USA tat-28 ta' Novembru 2011

15.11.2011

imressqa skont l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ECR (B7‑0577/2011)
ALDE (B7‑0580/2011)
S&D (B7‑0582/2011)
PPE (B7‑0587/2011)

Elmar Brok, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Ioannis Kasoulides, Bernd Posselt, Mário David, Krzysztof Lisek, Ria Oomen-Ruijten, Gabriele Albertini, Elena Băsescu, Cristian Dan Preda, Laima Liucija Andrikienė, Eduard Kukan, Salvatore Iacolino, Marietta Giannakou, Sergio Paolo Francesco Silvestris, Francisco José Millán Mon f'isem il-Grupp PPE
Hannes Swoboda, Roberto Gualtieri f'isem il-Grupp S&D
Sarah Ludford, Olle Schmidt, Gesine Meissner, Marietje Schaake, Alexander Graf Lambsdorff, Alexander Alvaro f'isem il-Grupp ALDE
Jan Zahradil, Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Martin Callanan, Geoffrey Van Orden, Tomasz Piotr Poręba, Adam Bielan, Struan Stevenson, Michał Tomasz Kamiński, Konrad Szymański, Ryszard Czarnecki, Hynek Fajmon, Marek Henryk Migalski f'isem il-Grupp ECR
Niki Tzavela


Proċedura : 2011/2870(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0577/2011
Testi mressqa :
RC-B7-0577/2011
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Samit bejn l-UE u l-USA tat-28 ta' Novembru 2011

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi, minkejja li bosta sfidi dinjija fil-qasam tal-politika barranija, is-sigurtà, l-iżvilupp u l-ambjent qed iqajmu l-ħtieġa ta’ azzjoni konġunta u kooperazzjoni trans-Atlantika, il-kriżi ekonomika attwali telgħet fil-quċċata bħala l-isfida ewlenija li għandha tiġi indirizzata llum;

B. billi, flimkien, l-UE u l-USA jirrappreżentaw nofs l-ekonomija dinjija, u billi s-sħubija ta’ bejniethom ta’ USD 4.28 triljun tikkostitwixxi r-relazzjoni ekonomika li hija l-akbar, l-aktar integrata u l-aktar dejjiema fid-dinja, kif ukoll mutur ewlieni tal-prosperità ekonomika dinjija;

C. billli l-kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi tal-preżent, sew fl-Ewropa kif ukoll fl-Istati Uniti tal-Amerika, qed jheddu l-istabbiltà u l-prosperità tal-ekonomiji tagħna u l-benessri taċ-ċittadini tagħna, u billi qatt ma nħasset aktar urġenti l-kooperazzjoni ekonomika aktar mill-qrib bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti tal-Amerika sabiex jiġu miġġielda dawn il-kriżijiet;

D. billi l-imperattiv li nissalvagwardjaw il-libertà u s-sigurtà domestika m’għandux jinqeda akkost ta’ sagrifiċċju tal-prinċipji ċentrali dwar il-libertajiet ċiviċi u ż-żamma ma’ standards komuni rigward id-drittijiet tal-bniedem;

E   billi s-sħubija trans-Atlantika hija msejsa fuq valuri ċentrali komuni bħal-libertà, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, kif ukoll fuq għanijiet komuni bħalma huma l-progress u l-inklużjoni soċjali, l-ekonomiji miftuħa u integrati, l-iżvilupp sostenibbli u s-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti, u hi l-pedament tas-sigurtà u l-istabbiltà fiż-żona Ewro-Atlantika;

L-impjiegi u t-tkabbir

 

1.  Jilqa’ l-konklużjonijiet tas-Samit G20 li sar f’Cannes fit-3-4 ta’ Novembru 2011, partikolarment rigward il-Pjan ta’ Azzjoni għat-Tkabbir u l-Impjiegi, ir-riforma biex tissaħħaħ is-sistema monetarja internazzjonali, it-tkomplija tal-isforzi biex tittejjeb ir-regolazzjoni finanzjarja u l-impenji biex tingħata spinta lill-kummerċ multilaterali u jiġi evitat il-protezzjoniżmu; iqis li huwa essenzjali li, waqt is-Samit bejn l-UE u l-USA, iż-żewġ sħab iwiegħdu li jieħdu r-rwol prinċipali dwar l-implimentazzjoni tal-impenji tal-G20; jinnota li d-diskussjoni tal-G20 dwar sett ta’ għażliet għall-finanzjament innovattiv u li l-UE qed tkompli tiżviluppa l-idea ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji;

2.  Jistieden lill-amministrazzjonijiet tal-UE u tal-USA jiżviluppaw u jvaraw inizjattiva trans-Atlantika konġunta għall-impjiegi u t-tkabbir, inkluż pjan direzzjonali għall-promozzjoni tal-kummerċ u tal-investiment;

3.  Jitlob li l-UE u l-USA jimplimentaw mekkanżimu ta' twissija bikrija għall-individwazzjoni u d-deterrent tal-protezzjoniżmu fir-relazzjonijiet bilaterali; ifakkar fis-sinifikat li għandhom għall-kummerċ trans-Atlantiku swieq miftuħa tal-akkwist pubbliku li joffru lill-fornituri kollha aċċess indaqs, b’mod partikolari għall-impriżi żgħar u medji, u għalhekk jitlob lill-USA biex ma tintroduċix rekwiżiti ‘Buy American’; jisħaq fuq l-importanza tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Akkwist Pubbliku Governattiv (GPA) għall-iżgurar ta’ aċċess miftuħ u bbilanċjat ta’ dan it-tip għaż-żewġ swieq;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-proċess tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku (TEC) jissaħħaħ biex jintlaħqu dawn l-objettivi, b’mod partikolari l-iżvilupp ta’ standards komuni għal oqsma ġoddali jeħtieġu r-regolazzjoni, bħan-nanoteknoloġija, jew setturi ekonomiċi tal-ġejjieni, bħat-teknoloġija tal-vetturi elettriċi; iħeġġeġ lill-UE u lill-USA biex jinvolvu lir-rappreżentanti tad-Djalogu bejn il-Leġiżlaturi Trans-Atlantiċi (TLD) mill-qrib fit-TEC, peress li l-leġiżlaturi jaqsmu r-responsabilità tagħhom għall-implimentazzjoni u s-sorveljanza ta’ ħafna deċiżjonijiet tat-TEC mal-fergħat eżekuttivi rispettivi tagħhom;

5.  Iħeġġeġ l-iskambju ta’ esperjenzi u l-aqwa prattika bejn l-UE u l-USA dwar kif għandha titħeġġeġ l-intraprenditorija, inkluż permezz ta’ appoġġ għal intrapriżi ġodda u l-indirizzar ta’ fallimenti;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-isforzi ta’ kooperazzjoni jissaħħu fil-qafas ta’ sħubija tar-riċerka u l-innovazzjoni;

7.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li nippromwovu l-kooperazzjoni fl-effiċjenza tar-riżorsi, naħdmu favur l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ pjan direzzjonali konġunt UE-USA dwar il-materja prima sal-2050, b’attenzjoni speċjali għall-metalli rari, u b’mod partikolari, biex tingħata spinta lir-riċerka ta’ alternattivi u t-trawwim ta’ kooperazzjoni fl-innovazzjoni fit-teknoloġiji tal-estrazzjoni u r-riċiklaġġ tal-materja prima;

8.  Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni fil-promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija, l-enerġiji rinnovabbli u standards ta’ sikurezza nukleari għoljin madwar id-dinja, u jilqa' il-koordinazzjoni kontinwa tal-programmi ta’ tikkettar tal-effiċjenza enerġetika għat-tagħmir tal-uffiċċju, u l-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-enerġija;

9.  Jitob lill-Kummissjoni tkompli għaddejja bin-negozjati mal-USA fil-qasam tas-sikurezza tal-prodotti, u jilqa’ l-introduzzjoni ta’ bażi legali għall-Consumer Product Safety Committee tal-USA għan-negozjati mal-UE dwar il-ftehim, li għandu jtejjeb l-iskambju ta’ tagħrif dwar il-prodotti perikolużi, id-danni u l-azzjonijiet korrettivi li jsiru sew fl-Istati Membri tal-UE kif ukoll fl-USA;

Il-governanza dinjija, il-politika tal-affarijiet barranin u l-iżvilupp

 

10.  Ifakkar li l-aqwa garanzija għas-sigurtà dinjija tinsab f’demokraziji ħielsa u miftuħa li jippromwovu l-paċi u l-istabbiltà, u jappella biex l-UE u l-USA jkomplu jsaħħu l-kooperazzjoni biex jippromwovu l-paċi, b’mod partikolari fil-Lvant Nofsani, u jagħtu s-sostenn tagħhom lid-demokraziji emerġenti fl-Afrika ta’ Fuq;

11. Iħeġġeġ lill-UE u l-USA jagħmlu ħilithom għall-bidu mill-ġdid ta’ negozjati diretti bejn l-Iżrael u l-Palestinjani b’konformità sħiħa mal-liġi internazzjonali, li jwassal għal soluzzjoni ta' żewġ stati, abbażi tal-fruntieri tal-1967 u b'Ġerusalemm bħala l-belt kapitali taż-żewġ stati, bl-Istat tal-Iżrael sigur u Stat tal-Palestina indipendenti, demokratiku u vijabbli jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà; jappella lill-Istati Membri u lill-USA jindirizzaw it-talba leġittima tal-Palestinjani biex ikun rappreżentat bħala stat tan-Nazzjonijiet Uniti bħala riżultat tan-negozjati fi ħdan il-qafas tan-NU;

12.  Jikkundanna bil-qawwa l-eskalazzjoni tal-użu tal-forza fis-Sirja, u jappoġġja l-isforzi li l-USA u l-Istati Membri tal-UE għamlu fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) biex tingħadda riżoluzzjoni li tikkundanna l-użu tal-forza letali min-naħa tar-reġim Sirjan u ssejjaħ għat-tmiem ta’ dan l-użu tal-forza kif ukoll tipprovdi għal sanzjonijiet fin-nuqqas ta’ dan; jilqa’ s-suspensjoni min-naħa tal-Lega Għarbija tal-isħubija tas-Sirja, u jilqa’ it-talbiet mir-Re Abdullah tal-Ġordan biex jirriżenja l-President Bashar al-Assad;

13. Jistieden lill-UE u lill-USA jibqgħu jappoġġjaw lill-awtoritajiet tranżizzjonali Libjani f’kull ħidma biex jibnu soċjetà inklussiva u demokratika; jenfasizza fl-istess waqt li dan l-appoġġ għandu jkun kondizzjonali fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-parteċipazzjoni politika taċ-ċittadini kollha, b’mod partikolari tan-nisa;

14. Huwa mħasseb bil-qawwa dwar l-allegazzjonijiet fl-aħħar rapport tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) rigward il-progress li għamel l-Iran fil-ksib tal-għarfien neċessarju biex jiddisinja u jibni arma nukleari; jiddeplora l-fatt li l-Iran, minkejja li ripetutement insista li l-programm nukleari tiegħu huwa maħsub għal finijiet paċifiċi u tal-ġenerazzjoni tal-enerġija ċivili biss, naqas milli jikkoopera bis-sħiħ mal-IAEA; jemmen li l-UE u l-USA għandhom ikompli jaħdmu b’kooperazzjoni mill-qrib u fi ħdan il-P5+1 biex tinżamm il-pressjoni qawwija fuq l-Iran, bil-mezzi politiċi, diplomatiċi u ekonomiċi kollha, inklużi sanzjonijiet, biex jiġi jkun persważ jissodisfa l-obbligi internazzjonali ta’ non-proliferazzjoni tiegħu u biex jiġi evitat u kkontrollat it-theddid tiegħu fuq is-sigurtà internazzjonali;

15. Jenfasizza li, bejniethom, l-UE u l-USA jimmaniġġjaw 90% tal-għajnuna dinjija għall-iżvilupp fil-qasam tas-saħħa u 80% tal-għajnuna kumplessiva; jilqa’ l-varar mill-ġdid tad-Djalogu bejn l-UE u l-USA dwar l-Iżvilupp f’Settembru 2011, minħabba li għad fadal biss ħames snin biex jintlaħqu l-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millenju;

16. Jistieden lill-UE u lill-USA jagħmlu pressjoni għal azzjoni fil-G20 għal aktar kooperazzjoni dinjija fl-indirizzaw tal-ispekulazzjoni abbużiva fuq il-prezzijiet tal-ikel u l-fluttwazzjonijiet eċċessivi tal-prezzijiet dinjija tal-ikel; jisħaq li jeħtieġ li l-G20 jinvolvi pajjiżi li mhumiex fil-G20, biex jiżgura konverġenza dinjija;

17. Jenfasizza li s-Samit għandu jintuża wkoll għall-iskambju tal-opinjonijiet u għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni rigward il-pajjiżi terzi, partikolarment il-BRICs;

18. Jenfasizza li t-tibdil fil-klima joħloq tħassib dinji, u jappella lill-Kummissjoni tfittex impenn ambizzjuż min-naħa tal-USA biex jinkiseb progress fil-Konferenza li jmiss ta’ Durban, bil-ħsieb li jiġi żgurat li jitfassal mandat iddettaljat biex jiġu konklużi n-negozjati għal ftehim dinji komprensiv dwar it-tibdil fil-klima sal-2015; hu mħasseb, f’dan ir-rigward huwa mħasseb dwar l-Abbozz 2594, adottat dan l-aħħar mill-House of Representatives tal-USA, li jagħmel sejħa għal projbizzjoni ta’ parteċipazzjoni tal-linji tal-ajru tal-USA fl-Iskema tal-Iskambju tal-Emissjonijiet tal-UE; jistieden lis-Senat tal-USA biex ma jadottax dan l-Abbozz, u jappella għal djalogu kostruttiv fuq dan is-suġġett;

19. Jitlob li s-Samit tal-UE u l-USA jqis il-kwistjonijiet bħall-protezzjoni tal-klima, l-iskarzezza tar-u l-effiċjenza tar-riżorsi, is-sigurtà tal-enerġija, l-innovazzjoni u l-kompetittività fid-diskussjonijiet dwar l-ekonomija; itenni li l-azzjoni kkoordinata internazzjonalment tgħin biex tindirizza t-tħassib dwar ir-rilaxx tal-karbonju ta’ setturi rilevanti, partikolarment fis-setturi intensivi fl-enerġija;

Il-libertà u s-sigurtà

 

20. Jirrikonoxxi li l-flussi kolha ta’ passiġġieri u merkanzija fiż-żona trans-Atlantika għandhom ikunu soġġetti għal miżuri xierqa u proporzjonali ta’ sigurtà;

21. Jistieden lill-USA, f’dak ir-rigward, titbiegħed minn restrizzjonijiet ġenerali wiesgħa bħal 100% skennjar tal-kontejners jew il-projbizzjoni tal-likwidi abbord l-ajruplani u timxi favur approċċi aktar immirati u bbażati fuq ir-riskju, bħalma huma skemi ta’ operaturi siguri u l-iskennjar tal-likwidi;

22. Jilqa’, f’dan il-kuntest, il-ftuħ ta’ negozjati f’Marzu 2011 rigward il-ftehim UE-USA dwar il-protezzjoni tad-dejta personali, u jissottolinja li l-Ftehim UE-USA dwar Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tal-Parlament kif stipulati fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Mejju 2010 dwar il-varar tan-negozjati għal Ftehimiet dwar Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) mal-Istati Uniti, l-Awstralja u l-Kanada[1];

23. Jenfasizza l-importanza ta’ implimentazzjoni soda tal-ftehimiet UE-USA dwar l-estradizzjoni u l-għajnuna legali reċiproka u l-istrumenti bilaterali relatati;

24. Itenni l-opinjoni tiegħu li l-UE trid tkompli tqajjem mal-USA, kemm fil-livell politiku kif ukoll f’dak tekniku, il-kwistjoni tal-importanza mogħtija mill-UE għall-ammissjoni tal-erba’ Stati Membri tal-UE li fadal għall-programm għall-eżenzjoni mill-viża kemm jista’ jkun malajr;

25. Jisħaq fuq il-ħtieġa nipproteġu l-integrità tal-internet globali u l-libertà tal-komunikazzjoni billi nevitaw miżuri unilaterali għal revoka ta’ indirizzi tal-Internet Protocoll (IP) jew ta’ domain names;

26. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kungress tal-Istati Uniti, lill-kopresidenti tad-Djalogu bejn il-Leġiżlaturi Transatlantiċi u lill-kopresidenti u s-segretarjat tal-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku.