Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0579/2011Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0579/2011

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-kontribut tal-politika komuni tas-sajd għall-produzzjoni ta' prodotti pubbliċi

14.2.2012

imressqa skont l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
PPE (B7‑0579/2012)
S&D (B7‑0584/2012)
Verts/ALE (B7‑0065/2012)
ECR (B7‑0066/2012)
ALDE (B7‑0067/2012)

Maria do Céu Patrão Neves f'isem il-Grupp PPE-DE
Ulrike Rodust, Guido Milana, Dolores García-Hierro Caraballo, Estelle Grelier, Iliana Malinova Iotova, Catherine Trautmann, Antolín Sánchez Presedo f'isem il-Grupp S&D
Pat the Cope Gallagher, Filiz Hakaeva Hyusmenova, Giommaria Uggias f'isem il-Grupp ALDE
Isabella Lövin f'isem il-Grupp Verts/ALE
Marek Józef Gróbarczyk, Struan Stevenson f'isem il-Grupp ECR

Proċedura : 2011/2899(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0579/2011
Testi mressqa :
RC-B7-0579/2011
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kontribut tal-politika komuni tas-sajd għall-produzzjoni ta' prodotti pubbliċi

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni tas-Sajd[1],

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem ta' "L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020" (COM(2011)244 finali),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem ta' "Rio+20: lejn l-ekonomija ekoloġika u governanza aħjar" (COM(2011)363),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem ta' "Ewropa 2020", (COM(2010)2020),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva Qafas dwar Strateġija tal-Baħar (2008/56/KE)[2],

–   wara li kkunsidra l-pakkett ta' riforma tal-politika komuni tas-sajd imressaq mill-Kummissjoni fit-13 ta' Lulju 2011,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982,

–   wara li kkunsidra l-Kodiċi ta’ Kondotta tal-FAO għas-Sajd Responsabbli, adottat fil-31 ta’ Ottubru 1995,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura,

A. billi s-sajd jirrapreżenta waħda mill-eqdem attivitajiet tal-bniedem u billi l-ħut huma element importanti u indispensabbli tal-alimentazzjoni tal-bniedem u d-disponibilità tal-ħut għandha tkun iggarantita u s-sinifikat tagħha għandu jiġi rikonoxxut u vvalorizzat skont il-politika komuni tas-sajd (PKS);

B.  billi s-settur tas-sajd, li jkopri kemm il-qbid ta' ħut salvaġġ u ukoll l-akkwakultura, jinvolvi attivitajiet li jikkontribwixxu għall-produzzjoni ta' beni komuni indispensabbli permezz ta' tliet aspetti prinċipali, is-sajd, l-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq; billi l-istokkijiet ta' ħut b'saħħithom, l-ekosistemi tal-baħar b'saħħithom u l-preservazzjoni tal-bijodiversità tal-baħar jikkostitwixxu beni komuni importanti li għandhom jiġu ppreservati;

C. billi l-akkwakultura sostenibbli, kemm jekk tal-baħar jew tal-ilma ħelu, inshore jew offshore, hi element importanti tas-settur tas-sajd;

D. billi s-sajd fuq skala żgħira għandu rwol partikolarment importanti fil-ħajja ekonomika, soċjali, ambjentali u kulturali li għandu jkun rikonoxxut u vvalorizzat skont il-PKS; billi l-komunitajiet tal-kosta ntlaqtu ħażin ħafna mit-tnaqqis globali fis-settur tas-sajd li kellu effett negattiv qawwi fuq il-portijiet tas-sajd madwar l-UE;

E.  billi l-PKS riformata għandha tiggarantixxi s-sostenibilità ambjentali, soċjali u ekonomika tas-settur tas-sajd fil-baċiri idrografiċi differenti, anke permezz tal-introduzzjoni ta' mudell ta' ġestjoni deċentralizzat li jqarreb iċ-ċentri għat-teħid ta' deċiżjonijiet lejn l-oqsma ta' attività reali u jżid ir-responsabilitajiet tal-parteċipanti interessanti;

F.  billi, is-settur tas-sajd jinvolvi attivitajiet li jiddependu fuq ekosistemi funzjonanti, peress li l-istokkijiet ta' ħut u ekosistemi tal-baħar fi status ambjentali tajjeb huma essenzjali għas-sostenibilità fit-tul tal-estrazzjoni, l-ipproċessar u tqegħid fis-suq ta' prodotti tas-sajd;

G. billi s-settur tas-sajd Ewropew jikkontribwixxi għall-iżvilupp soċjali, bil-ħolqien dirett jew indirett ta' impjiegi, u ukoll għat-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa, billi jipprovdi 6.4 miljun tunnellata ta' ħut fis-sena;

H. billi l-multifunzjonalità tas-settur tas-sajd hi riflessa f'oqsma differenti, pereżempju permezz tal-impatt li għandha fuq kwistjonijiet soċ-ekonomiċi, storiċi, kulturali, xjentifiċi u ambjentali;

I.   billi l-attivitajiet tas-sajd jimpattaw l-aktar liż-żoni kostali u lill-gżejjer, billi jikkontribwixxu għall-ġestjoni effikaċi tagħhom u għad-dinamiċi soċjali u ekonomiċi tagħhom; billi dan hu ta' importanza partikolari għall-komunitajiet tagħhom li spiss huma żvantaġġjati minħabba l-iskarsezza ta' impjiegi u d-dgħjufija tal-ekonomiji lokali;

J.   billi l-PKS riformata għandu jkollha rabta mill-qrib ma' inizjattivi tal-UE oħrajn ewlenin fil-qasam tal-affarijiet marittimi, b'mod partikolari dawk deskritti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem ta' "Politika Marittima Ewriooea Integrata għall-Unjoni Ewropea" (COM(2007)574 finali), li tiddikjara li l-qasam tas-sajd Ewropew jista' ukoll jikkawża u jsaħħaħ firxa vasta ta' studji xjentifiċi li japprofondixxu l-għarfien tagħna tad-dinamiċi oċeanografiċi, l-ekosistemi u l-bijoloġija tal-speċi akkwatiċi li huma nvoluti direttament jew indirettament fl-attività tas-sajd;

K. billi settur tas-sajd dinamiku, ġestit tajjeb jista’ jagħti kontribut dejjem akbar lis-soċjetà u lill-ekonomija Ewropea, u b’hekk iwettaq rwol importanti fl-Istrateġija Ewropa 2020;

1.  Jenfasizza li s-settur tas-sajd hu importanti għall-industrija tal-UE li tipprovdi liċ-ċittadini tal-UE b'ikel ta' kwalità għolja u li joħloq valur ekonomiku u soċjali miżjud għall-Unjoni Ewropea; hu tal-fehma, għalhekk, li l-PKS riformata teħtoeġ tiżgura l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi u l-preservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut f'livell b'saħħtu, sabiex l-attivitajiet tas-sajd ikunu jistgħu jkomplu fiż-żoni u fil-komunitajiet tradizzjonali tagħhom għall-perjodu twil taż-żmien;

2.  Jikkunsidra li s-sostenibilità ambjentali, ekonomika u soċjali huma objettivi importanti tal-PKS, u jenfasizza li l-ogħla prijorità tal-PJS għandha tkun il-ħolqien ta' settur tas-sajd sostenibbli sabiex ikun żgurat li l-ġenerazzjonijiet attwali u futuri jkunu jistgħu jgawdu mill-benefiċċji ambjentali, soċjali u ekonomiċi tas-sajd;

3.  Jenfasizza li s-sajd, jekk ġestit tajjeb, jista' jwassal għal kontribut akbar għas-soċjetà Ewropea, f'termini ta' sigurtà tal-ikel, impjiegi, iż-żamma ta' komunitajiet tas-sajd dinamiċi u bosta affarijiet oħrajn; jenfasizza li l-eżistenza ta' stokkijiet ta' ħut b'saħħithom, ekosistemi tal-baħar b'saħħithom u l-preservazzjoni tal-bijodiversità tal-baħar huma fihom infushom beni komuni li jinħolqu biss jekk l-istokkijiet tal-ħut ikunu ġestiti tajjeb u b'mod sostenibbli u jekk jiġi mminimizzat kull impatt negattiv u mhux meħtieġ fuq l-ambjent;

4.  Iqis bħala kruċjali r-rikonoxximent tal-ibħra – li jkopru aktar minn żewġ terzi tal-wiċċ tal-pjanetà tagħna ‑ bħala riżors li għandhom rwol kruċjali xi jwettqu fil-produzzjoni ta' riżorsi naturali oħrajn (pereżempju is-sajd); jikkunsidra ukoll bħala strateġikament importanti li l-PKS għandha tinkorpora miżuri ċari u preċiżi sabiex ikun żgurat li tkun tista' twettaq ir-rwol strateġiku tagħha permezz ta' approċċ eko-sistematiku;

5.  Jenfasizza li l-PKS tikkontribwixxi għall-kisba tal-miri tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità u ukoll tal-għan tal-UE li twaqqaf it-telf ta' bijodiversità u t-tnawwir tas-servizzi ta' eko-sistema sal-2020 bl-adozzjoni ta' miżuri li jiżguraw s-sajd sostenibbli, bit-teħid ta' miżuri prekawzjonali għall-qerda ta' sajd qerriedi, billi jkun żgurat l-irkupru ta' stokkijiet tal-ħut sfruttati żżejjed u bit-teħid ta' miżuri għall-protezzjoni ta' speċi mhux milquta mis-sajd;

6.  Ifakkar li, fil-livell ekonomiku, is-settur tas-sajd (inkluż l-akkwakultura) hu stmat li jiġġenera EUR 34.2 biljun fi qligħ annwali u li fil-livell soċjali joħloq aktar minn 350 000 impjieg fis-setturi tas-sajd kemm upstream kif ukoll downstream, fl-ipproċessar tas-sajd u fit-twegħid fis-suq, b'mod partikolari fiż-żoni kostali, reġjuni u gżejjer ultraperiferiċi;

7.  Jenfasizza li s-settur tas-sajd għandu dimensjoni multi-funzjonali, u li lil hinn mit-tliet oqsma ta' attività tradizzjonali u mill-impatt viżibbli fil-livell ekonomiku, ambjentali u soċjali, dan is-settur jwettaq ukoll rwol rilevanti f'numru ta' oqsma oħrajn bħall-ambjent, il-kultura, ir-rikreazzjoni u t-turiżmu, ix-xjenza, l-enerġija u l-edukazzjoni u jenfasizza b'mod partikolari l-importanza f'dan ir-rigward tas-settur ta' sajd fuq skala żgħira;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti kunsiderazzjoni xierqa tal-fatt li s-settur tas-sajd iwettaq rwol importanti fl-oqsma li ġejjin:

(i)   il-kultura – billi jikkontribwixxi għall-gastronomija, l-etnografija, l-istorja, il-litteratura, l-istudju tal-mużewiijiet, eċċetera.

(ii)  ir-rikreazzjoni u t-turiżmu – billi joffri bosta attivitajiet differenti, bħal ġiti l-baħar ma' sajjieda lokali, l-osservazzjoni ta' baleni u ta' tjur tal-baħar, l-għadis ekoloġiku eċċetera.

(iii) ix-xjenza – billi jgħin lil xjenzati tal-baħar u oħrajn fir-riċerka tagħhom.

(iv) l-enerġija – billi jippromwovi l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda li aktar tard jistgħu jibbenefikaw lis-soċjetà kollha kemm hi

(v)  l-ambjent ‑ billi jissalvagwardja żoni ġeografiċi bijo-sensittivi, kif ukoll żoni kostali fejn jinsabu l-imqafas u n-nurseries, u ukoll fit-tindif tal-ibħra

(vi) l-edukazzjoni – billi jiżviluppa t-tgawdija tal-ambjent apert u billi jrawwem ir-rispett għall-baħar;

 

9.  Jenfasizza li, grazzi għad-dimensjoni multifunzjonali tiegħu, is-settur tas-sajd jipprovdi lill-komunitajiet b'beni komuni li huma ta' benefiċċju għaċ-ċittadini tal-UE b'mod ġenerali u mhux biss dawk li huma direttament jew indirettament involuti fis-sajd, kontribut li għandu jiġi rikonoxxut u vvalorizzat; jinnota, barra minn hekk, li numru konsiderevoli taċ-ċittadini tal-UE, b'mod partikolari dawk li jgħixu fiż-żoni kostali, jibbenefikaw mill-multi-funzjonalità tal-attivitajiet tas-sajd; jikkunsidra li għandha tingħata kunsiderazzjoni sħiħa lill-multifunzjonalità tas-settur tas-sajd fil-finanzjament tal-PKS; jenfasizza li l-produzzjoni ta' dawn il-beni pubbliċi addizzjonali ma għandhomx jintużaw bħala skuża biex jiddewmu r-riformi meħtieġa tal-PKS;

10. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tassisti lill-portijiet tas-sajd żgħar li ġew affettwati ħażin minn tnaqqis ta' nżul kaġun ta' sajd żejjed;

11. Jenfasizza li s-settur tas-sajd (li jkopri kemm is-sajd għall-ħut salvaġġ u l-akkwakultura sostenibbli) hu wieħed mill-pillastri l-iktar importanti għas-sigurtà tal-ikel fl-Unjoni Ewropea u minħabba f'hekk is-sostenibilità u l-istabilità tiegħu għandhom jiġu ggarantiti mir-riforma tal-PKS, sabiex fil-futur, dan is-settur ikun jista' jipprovdi prodtti tas-sajf ta' kwalità suffiċjenti u fi kwantità suffiċjenti biex jissoddisfa t-tama ta' aktar minn nofs biljun ċittadin tal-UE;

12. Jenfasizza l-potenzjal tal-akkwalkultura tal-baħar u tal-ilma ħelu biex jikkumplimenta r-rwol tas-sajd biex jagħti kontribut importanti lis-sigurtà tal-ikel fl-UE; jenfasizza l-ħtieġa ta' politika speċifika li tiżgura s-sostenibilità ambjentali tas-settur tal-akkwakultura; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi kriterji kwalitattivi ġenerali għall-akkwakultura li għandhom jintlaħqu madwar l-UE u li jikkunsidraw l-impatt ambjentali u soċjali tal-akkwakultura; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-prodotti ta' akkwakultura importati jkunu jiġu prodotti bi qbil mal-istandards ta' sostenibilità u kwalità rilevanti tal-UE, jiġifieri l-istandards ambjentali jew ta' benesseri tal-annimali;

13. Jinnota li s-sajd rikreattiv ma kienx trattat fil-proposti tal-Kummissjoni mressqa fit-13 ta' Lulju 2011; jenfasizza li dan għandu jiġi trattat separatament bħala parti mill-proċess ta' riforma tal-PKS;

14. Jenfasizza li d-diversifikazzjoni ulterjuri tal-attivitajiet direttament jew indirettament marbutin mas-sajd jistgħu jgħinu biex inaqqsu l-eżodu ta' ħaddiema mis-settur, iżommu ħajjin l-użanzi u t-tradizzjonijiet reġjonali, u jwaqqfu t-tneħħija tan-nies minn xi żoni kostali;

15. Jenfasizza li l-ġestjoni tas-sajd qed dejjem aktar tissejjes fuq data xjentifika, li tistimola r-riċerka applikata f'dan il-qasam, tippromwovi l-għarfien u trawwem l-iżvilupp u l-innovazzjoni teknoloġika, bi qbil mal-Istrateġija UE 2020 għall-promozzjoni ta' tkabbir intelliġenti;

16. Jenfasizza li s-settur tas-sajd jiddependi fuq is-saħħa tal-istokkijiet u fuq il-bilanċ tal-ekosistema, sabiex ir-riforma tal-PKS ikollha terġa titfa' l-enfasi lura fuq ir-rwol tas-settur bħala l-gwardjan u l-maniġer tar-riżorsi tal-baħar bil-għan li tinħoloq ekonomija aktar effikaċi, aktar ambjentali u kompetittiva, bi qbil mal-Istrateġija UE 2020 għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli;

17. Jenfasizza li l-attivitajiet tas-sajd, b'kunsiderazzjoni tad-dimensjonijiet kollha tagħhom, inkluż l-akkwakultura sostenibbli, l-impatt dirett u indirett tagħhom u l-beni komuni produtti permezz tal-attivitajiet tas-sajd, jiggarantixxu l-koeżjoni soċjali u territorjali u jippromwovu t-taħriġ vokazzjonali u d-dinamiżmu soċjali u ekonomiku bi qbil mal-Istrateġija UE 2020 għall-promozzjoni ta' tkabbir inklussiv;

18. Jenfasizza li s-settur tas-sajd, kemm jekk waħdu jew permezz ta' Politika Marittima Integrata (IMP), għandu jikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet Rio+20 għal ekonomija miftuħa u ukoll għall-ħolqien ta' impjiegi u l-qerda tal-faqar;

19. Jiddikjara li l-attivitajiet tas-sajd iwettqu rwol importanti fil-kuntest aktar wiesa' tal-IMP u jirrappreżentaw element ewlieni fil-politiki ta' ippjanar marittimi spazjali u fil-qafas tal-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd;

20. Jitlob lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-multifunzjonalità tas-settur tas-sajd u l-valur tal-produzzjoni tiegħu ta' firxa wiesgħa ta' beni komuni;

21. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-PKS tikkontribwixxi għall-miri ta' politika ġenerali, bħall-istrateġija UE 2020 fil-proposti u fid-deċiżjonijiet ta' politika tagħha fil-ġejjieni; hu tal-fehma li dan il-proċess kruċjali tar-riforma tal-PKS għandu jirrikonoxxi lill-PKS bħala sors ta' żvilupp fil-kuntest tal-Proġett Ewropew ta' Tkabbir u għandu joħloq il-kundizzjonijiet li jippermettu l-iżvilupp tal-potenzjal sħiħ tiegħu; jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra l-karatteristiċi speċifiċi tas-sajd u tar-reġjuni kostali fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta' dawn il-politiki;

22. Jitlob lill-Kummissjoni tintegra l-kunċett ta' "kundizzjonalità" li diġà jintuża fil-politika agrikola komuni, fil-PKS riformata sabiex tiżgura d-diskriminazzjoni pożittiva għal prattiki tas-sajd favur l-ambjent, pereżempju permezz ta' aċċess aħjar għall-fondi;

23. Jitlob lill-Kummissjoni, ssib soluzzjoni legali li tippermetti lis-sajjieda jiżviluppaw sorsi ta' dħul oħrajn fost il-firxa wiesgħa ta' "attivitajiet marbutin mas-sajd", sabiex jiġi promoss l-iżvilupp ta' attivitajiet paralleli mingħajr ma jkunu ppenalizzati finanzjarjament;

24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex igħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.