Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0152/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0152/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar siti tal-internet diskriminatorji u reazzjonijiet tal-gvernijiet

13.3.2012

imressqa skont l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tieħu post il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
Verts/ALE (B7‑0152/2012)
GUE/NGL (B7‑0153/2012)
PPE B7‑0154/2012)
S&D (B7‑0155/2012)
ALDE (B7‑0156/2012)
ECR (B7‑0157/2012)

Manfred Weber, Marian-Jean Marinescu, Simon Busuttil, József Szájer, Jacek Saryusz-Wolski, Wim van de Camp, Iliana Ivanova, Jacek Protasiewicz f'isem il-Grupp PPE-DE
Sylvie Guillaume, Kinga Göncz, Emine Bozkurt, Ioan Enciu, Tanja Fajon, Iliana Malinova Iotova, Joanna Senyszyn, Rovana Plumb, Kristian Vigenin, Ivailo Kalfin, Evgeni Kirilov f'isem il-Grupp S&D
Renate Weber, Sarah Ludford, Metin Kazak, Filiz Hakaeva Hyusmenova, Nathalie Griesbeck, Sophia in 't Veld f'isem il-Grupp ALDE
Daniel Cohn-Bendit, Rebecca Harms, Marije Cornelissen f'isem il-Grupp Verts/ALE
Peter van Dalen, Timothy Kirkhope, Roberts Zīle, Marek Henryk Migalski, Valdemar Tomaševski, Michał Tomasz Kamiński, Paweł Robert Kowal, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Marek Józef Gróbarczyk, Janusz Wojciechowski, Adam Bielan f'isem il-Grupp ECR
Marie-Christine Vergiat, Jiří Maštálka f'isem il-Grupp GUE/NGL


Proċedura : 2012/2554(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0152/2012
Testi mressqa :
RC-B7-0152/2012
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar siti tal-internet diskriminatorji u reazzjonijiet tal-gvernijiet

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 4 u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Artikoli 2, 3, 4, 9, 10, 18, 19, 20, 21, 26, 45, 49, 56, 67, 83 u 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali[1],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri[2],

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/43/KE li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew l-etniċità[3],

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-11 ta' Frar 2012 tal-Viċi President tal-Kummissjoni Vivianne Reding dwar is-sit tal-Partit għal-Libertà Olandiż (PVV)[4],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi, fil-bidu ta' Frar, il-PPV nieda hotline fuq l-internet 'Meldpunt Midden en Oost Europeanen', fejn talab lin-nies jirrapportaw ilmenti li joriġinaw mill-'migrazzjoni massiva ta' ħaddiema' ta' 'ċittadini mill-Ewropa Ċentrali jew tal-Lvant', b'mod partikolari ta' Pollakki, Rumeni u Bulgari; billi n-nies qed jiġu mistoqsija, b'mod partikolari, jekk esperjenzawx xi problemi f'termini ta' mġiba antisoċjali u jekk tilfux l-impjiegi tagħhom minħabba wieħed minn dawk iċ-ċittadini;

B.  billi l-moviment liberu taċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea huwa minqux fl-Artikolu 21 tat-TFUE, u l-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea huwa minqux fl-Artikolu 45 tat-TFUE;

C. billi d-dritt għall-protezzjoni mid-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' nazzjonalità huwa minqux fl-Artikolu 18 tat-TFUE, u l-protezzjoni mid-diskriminazzjoni abbażi tal-oriġini razzjali jew etnika hija minquxa fl-Artikolu 10 tat-TFUE;

D. billi d-dritt għal-libertà tal-ħsieb huwa minqux fl-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u d-dritt għal-libertà tal-espressjoni huwa minqux fl-Artikolu 11 tiegħu;

E.  billi l-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq il-valuri tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, kif stipulat fl-Artikolu 2 tat-Trattat UE, u fuq ir-rispett inekwivoku għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, kif minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fil-KEDB;

F.  billi l-Istati Membri għandhom obbligu fil-konfront taċ-ċittadini kollha tal-UE li jiżguraw li ma jiġux iddiskriminati jew stigmatizzati meta jgħixu u jaħdmu madwar l-Ewropa;

G. billi l-hotline tal-PVV tinċita apertament għad-diskriminazzjoni kontra ħaddiema tal-Unjoni Ewropea minn pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant u qed toħloq firdiet bejn komunitajiet fis-soċjetà Olandiża;

H. billi s-sit tal-PVV jimmina l-moviment liberu tal-persuni u d-dritt għan-nondiskriminazzjoni, fuq il-bażi tad-Direttiva 2004/38/KE u l-Artikoli tat-Trattat rilevanti;

I.   billi l-Gvern Olandiż iffirma ftehim ta' appoġġ parlamentari mal-PVV u għalhekk jista' jkollu maġġoranza fil-Parlament Olandiż;

J.   billi sal-lum il-Gvern Olandiż ma kkundannax formalment il-hotline tal-PVV;

K. billi l-ambaxxaturi ta' għaxar pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant fil-Pajjiżi l-Baxxi oġġezzjonaw bis-saħħa għall-websajt, filwaqt li ddijaraw li din tħeġġeġ il-perċezzjoni negattiva ta' grupp partikolari ta' ċittadini tal-UE fi ħdan is-soċjetà Olandiża;

L.  billi skont l-aħħar studji mwettqa mill-Università Erasmus f'Rotterdam[5], il-ħaddiema migranti mill-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant qed jagħtu kontribut sinifikanti għall-ekonomija Olandiża u għas-suq tax-xogħol Olandiż;

M. billi l-impenn tal-politika tal-Gvern Olandiż favur l-integrazzjoni Ewropea naqas b'mod sinifikanti matul l-aħħar snin, kif intwera mill-pożizzjoni tal-Gvern Olandiż kurrenti dwar kwistjonijiet bħat-tkabbir taż-żona ta' Schengen u l-moviment liberu tal-ħaddiema;

N. billi hemm riskju reali li jiġu mnedija hotlines simili fi Stati Membri oħra;

1.  Jikkundanna bil-qawwa s-sit imniedi mill-PVV, billi jmur kontra l-valuri fundamentali Ewropej tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u jista' jeqred il-bażi tal-Unjoni, li hija l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-libertà tal-moviment;

2.  Iqis il-hotline tal-PVV bħala inizjattiva malintenzjonata bl-għan li toħloq firdiet fis-soċjetà u li jinkiseb vantaġġ politiku għad-detriment ta' ħaddiema mill-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant;

3.  Jistieden bis-saħħa lill-Prim Ministru Mark Rutte biex, f'isem il-Gvern Olandiż, jikkundanna din l-inizjattiva deplorabbli u jiddistanzja ruħu minnha; jenfasizza, barra minn hekk, l-obbligu tal-gvernijiet kollha tal-Unjoni Ewropea li jiggarantixxu d-drittijiet tal-moviment liberu u tan-nondiskriminazzjoni u jitlob, għalhekk, lill-Kunsill Ewropew jikkundanna formalment il-hotline tal-PVV peress li din tagħmel ħsara lil dawk id-drittijiet u hija affront għall-valuri u l-prinċipji Ewropej;

4.  Iħeġġeġ lill-Gvern Olandiż biex ma jinjorax il-politiki tal-PVV li jmorru kontra l-valuri fundamentali tal-UE;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet Olandiżi jinvestigaw jekk din l-inizjattiva rriżultatx fl-inċitament għall-mibegħda u d-diskriminazzjoni;

6.  Jenfasizza li l-ħaddiema mill-pajjiżi li ngħaqdu mal-UE fl-2004 u l-2007 kellhom impatt pożittiv fuq l-ekonomija tal-Istati Membri u ma kkaġunawx tfixkil serju fis-swieq tax-xogħol tagħhom, imma taw kontribut sinifikanti għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli fl-UE;

7.  Jistieden lill-Gvern Olandiż jagħti tweġiba immedjata lill-ittri mibgħuta mill-Kummissjoni dwar il-leġiżlazzjoni prevista li tista' tikser id-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, u biex jagħti segwitu għat-talbiet li għamel il-Parlament fir-riżoluzzjonijiet tiegħu;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jagħmlu l-aħjar li jistgħu biex iwaqqfu t-tixrid ta' attitudnijiet ksenofobiċi bħal dawk espressi f'din il-websajt u biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tad-Deċiżjoni Qafas dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija fl-Istati Membri kollha;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.