Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0201/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0201/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni f’Mali

18.4.2012

imressqa skont l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
Verts/ALE (B7‑0201/2012)
ALDE (B7‑0204/2012)
ECR (B7‑0209/2012)
PPE (B7‑0212/2012)
S&D (B7‑0213/2012)
(2012/2603(RSP))

Mariya Nedelcheva, Filip Kaczmarek, Gay Mitchell, Michèle Striffler, Monica Luisa Macovei, Cristian Dan Preda, Tokia Saïfi, Arnaud Danjean, Santiago Fisas Ayxela, Roberta Angelilli, Mario Mauro, Michael Gahler, Ioannis Kasoulides, Tunne Kelam, Bernd Posselt, Peter Šťastný f'isem il-Grupp PPE
Véronique De Keyser, Patrice Tirolien, Pino Arlacchi, Maria Eleni Koppa, Thijs Berman, Ana Gomes f'isem il-Grupp S&D
Charles Goerens, Louis Michel, Robert Rochefort, Ramon Tremosa i Balcells, Niccolò Rinaldi, Graham Watson, Izaskun Bilbao Barandica, Marielle de Sarnez, Johannes Cornelis van Baalen, Marietje Schaake, Kristiina Ojuland f'isem il-Grupp ALDE
François Alfonsi, Judith Sargentini, Nicole Kiil-Nielsen, Raül Romeva i Rueda, Catherine Grèze f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki, Paweł Robert Kowal f'isem il-Grupp ECR

Proċedura : 2012/2603(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0201/2012
Testi mressqa :
RC-B7-0201/2012
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni f’Mali

(2012/2603(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel, adottata f’Marzu tal-2011,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar Mali tat-22 ta’ Marzu[1], is-26 ta’ Marzu[2], l-4 ta’ April[3] u d-9 ta’ April[4] 2012,

 

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-22 ta’ Marzu, is-26 ta’ Marzu u s-7 ta’April 2012 dwar is-sitwazzjoni f'Mali,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas iffirmat fis-6 ta’ April 2012 bejn il-ġunta militari u l-ECOWAS,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 u t-23 ta' Marzu 2012 dwar ir-reġjun tas-Saħel,

–   wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta’ Alġeri tal-2006 dwar l-iżvilupp u l-paċi fit-Tramuntana ta’ Mali,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni li saret fit-12 ta' April 2012 mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillary [5],

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-dipartiment tal-għajnuna umanitarja tal-Kummissjoni dwar il-prevenzjoni ta’ kriżi umanitarja f’Mali,

–   wara li kkunsidra t-talba minn aġenziji varji tan-NU – il-UNICEF, il-UNHCR u d-WHO – tal-10 ta’ April 2012 għal finanzjament addizzjonali għall-miljuni ta’ nies affettwati bin-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel fir-reġjun tas-Saħel,

–   wara li kkunsudra l-appell tal-UNICEF għal USD 26 miljun għal Mali sabiex il-pajjiż ikun jista’ jissodisfa l-bżonnijiet tas-saħħa u dawk nutrittivi tat-tfal sal-aħħar tas-sena,

–   wara li kkunsidra t-talba tal-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati tat-23 ta’ Frar 2012 għal USD 35.6 miljun sabiex tiġi indirizzata l-kriżi umanitarja li qed tikber f’Mali,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Afrika tal-Punent,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A. billi matul il-lejl ta’ bejn il-21 u t-22 ta’ Marzu 2012, il-President ta’ Mali, Amadou Toumani Touré, twaqqa’ f’kolp ta’ stat li ġab fi tmiemu proċess demokratiku twil li kien beda iktar minn għoxrin sena qabel;

B.  billi fil-jiem ta' wara l-kolp ta’ stat, pressjoni internazzjonali u sforzi ta' medjazzjoni, speċjalment min-naħa tal-Komunità Ekonomika tal-Istati Afrikani tal-Punent (ECOWAS), wasslu għall-konklużjoni ta' ftehim qafas fis-6 ta' April 2012 bejn il-Comité nazzjonali pour le redressement et la démocratie (CNRDE) u l-ECOWAS, li ppermetta l-ħatra ta’ Dioncounda Traore bħala president interim, li ġie nkarigat jorganizza elezzjonijiet nazzjonali fi żmien 40 jum;

C. billi, bi qbil mal-Kostituzzjoni tal-1992, il-President tal-Assemblea Nazzjonali nħatar President Interim;

D. wara li kkunsidra l-mewġa ta' arresti fis-16 u s-17 ta' April, mingħajr ebda proċedura ġudizzjarja, ta' mexxejja politiċi, fosthom żewġ kandidati fl-elezzjonijiet presidenzjali, u ta' uffiċjali militari anzjani li qed jinżammu priġunieri fil-kamp militari ta’ dawk responsabbli għall-kolp ta’ stat;

E.  billi l-pajjiż qiegħed jaffaċċa wkoll ġlied vjolenti mill-ġdid fit-Tramuntana tal-pajjiż bejn il-forzi tal-Gvern u r-ribelli tat-Tuareg, li minn Jannar spostja aktar minn 200 000 persuna; billi n-numru stmat ta’ persuni spustati internament jaqbeż il-100 000, u billi madwar 136 000 refuġjat ħarbu lejn pajjiżi ġirien (l-Alġerija, il-Mawritanja, in-Niġer u l-Burkina Faso), fejn in-nixfa qawwija diġà kkawżat nuqqas sinifikanti ta’ ikel fis-snin reċenti;

F.  billi r-ribelli tat-Tuareg, li jappartjenu prinċipalment għall-Moviment Nazzjonali għal-Liberazzjoni ta’ Ażawad (MNLA), ħakmu t-Tramuntana ta’ Mali wara l-kolp ta’ stat militari, keċċew il-forzi tal-Gvern minn tliet reġjuni fit-Tramuntana ta' Mali (Kidal, Gao u Timbuktu) u pproklamaw unilateralment l-indipendenza tal-istat il-ġdid ta’ ‘Ażawad’ fis-6 ta’ April 2012;

G. billi grupp Iżlamiku bl-isem ta’ Ansar Dine, li għandu rabtiet mill-qrib mal-Al Qaeda fil-Magreb Iżlamiku (ACMI), iddikjara li għandu kontroll fuq Timbuktu u qed jipprova jimponi l-liġi tax-Xarija f’Mali;

H. billi l-proliferazzjoni tal-armi li qed jemanaw mil-Libja, it-traffikar tad-drogi u l-livell għoli ta' qgħad u faqar qed jikkontribwixxu għad-destabilizzazzjoni tar-reġjun b’mod ġenerali;

I.   billi jeżistu rabtiet iddikjarati fil-miftuħ bejn gruppi terroristiċ fir-reġjun tas-Saħara u s-Saħel u traffikanti ta’ drogi, armi, sigaretti u bnedmin, li jinvolvu b’mod partikolari l-qbid ta’ ostaġġi għal riskatt;

J.   billi jeżistu wkoll movimenti estremisti oħrajn fit-Tramuntana ta’ Mali, bħalma huma l-AQMI (l-Al-Qaeda fil-Magreb Iżlamiku), il-Moviment għall-Unità u l-Ġiħad fl-Afrika tal-Punent (MUJAO) u l-Boko Ħaram, ibbażati fin-Niġerja;

K. billi kien hemm bosta rvellijiet tat-Tuareg f’Mali, fl-1963, fl-1990 u fl-2006, b’tentattiv biex jiġi żgurat titjib fil-kundizzjonijiet ta’ għajxien tagħhom, u billi ċerti wegħdiet li saru lit-Taureg ma seħħewx, b’mod partikolari fi żmien il-“Patt Nazzjonali” tal-1992, u dan kollu kompla jgħin biex jinħoloq sens ta' frustrazzjoni;

L.  billi d-daqs enormi u l-popolazzjoni sparsa tat-territorju ta’ Mali u l-fruntieri twal u mhux definiti b’mod ċar jinneċessitaw koordinazzjoni reġjonali tajba ta’ informazzjoni u azzjoni;

M. billi l-UE għandha interess vitali fis-sigurtà, l-istabilità u l-iżvilupp tar-reġjun kollu tas-Saħel, b’mod partikolari fi żmien ta’ nuqqas gravi ta’ ikel li qed jaffettwa miljuni ta’ nies hemmhekk; billi l-vjolenza reċenti se tkompli taggrava l-emerġenza tal-ikel kemm fit-Tramuntana ta’ Mali kif ukoll fil-pajjiżi ġirien, fejn ir-refuġjati qed jidħlu f’żoni li jsofru minn nuqqas qawwi ta’ sigurtà tal-ikel; billi hemm Strateġija tal-UE għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel; billi s-Saħel qed jaffaċċa l-agħar kriżi umanitarja f’dawn l-aħħar 20 sena;

N. billi jeħtieġ li t-terroriżmu fis-Saħel jiġi missielet parzjalment permezz ta’ politika attiva għall-promozzjoni tal-iżvilupp, il-ġustizzja soċjali, l-istat tad-dritt u l-integrazzjoni; billi huwa neċessarju li jiġu offruti prospetti ekonomiċi għall-gruppi tal-popolazzjoni lokali li jipprovdu alternattiva għall-ekonomija kriminali;

O. billi fis-16 ta' April 2012, ir-Rappreżentant Speċjali tan-NU tas-Segretarju Ġenerali għat-Tfal u l-Konflitti Armati, Radhika Coomaraswamy, esprimiet it-tħassib profond tagħha fir-rigward ta’ rapporti dwar ir-reklutaġġ ta' suldati tfal;

P.  billi qed ikun hemm rapporti ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem tal-popolazzjoni ta' Mali speċjalment fiż-żoni tat-Tramuntana tal-pajjiżi maħkuma mir-ribelli;

Q. billi bosta ċittadini ta’ Mali sabu ruħhom maqbuda fir-reġjuni tat-Tramuntana tal-pajjiż u għandhom aċċess limitat għall-ikel u għal neċessitajiet bażiċi oħrajn, filwaqt li l-operazzjonijiet ta’ għajnuna għadhom fil-biċċa l-kbira tagħhom sospiżi minħabba n-nuqqas ta' sigurtà u minħabba l-fatt li f'ħafna każijiet l-aġenziji ta’ għajnuna nsterqulhom it-tagħmir, il-vetturi u l-provvisti tagħhom;

R.  billi l-persuni spustati qed jgħixu f’kundizzjonijiet ta’ faqar talment estrem li l-bżonnijiet tal-bniedem mhux qed jiġu ssodisfati filwaqt li t-tensjonijiet soċjali qed jiżdiedu; billi aktar minn 50% ta’ dawk spustati huma nisa miċħuda minn kwalunkwe forma ta' protezzjoni, u jikkostitwixxu grupp partikolarment vulnerabbli;

S.  billi, minħabba s-serq tal-faċilitajiet u l-ħażniet tagħhom, bosta organizzazzjonijiet umanitarji telqu mir-reġjun tat-Tramuntana;

T.  billi l-UE rrilaxxat EUR 9 miljun addizzjonali f’għajnuna finanzjarja għall-1.4 miljun ċittadin ta’ Mali stmati fi bżonn ta' għajnuna alimentari;

U. billi din is-sena bejn 175 000 u 220 000 tifel u tifla se jsofru minn malnutrizzjoni gravi u billi l-aċċess għat-Tramuntana ta' Mali u għal żoni fejn ir-refuġjati qed jgħixu lil hinn mill-fruntieri qed isir dejjem iktar problematiku;

1.  Jikkundanna l-kolp ta' stat militari f'Mali u s-sospensjoni tal-istituzzjonijiet tar-repubblika tal-pajjiżi;

2.  Jilqa' l-iffirmar ta' ftehim qafas li jipprovdi għal serje ta' passi mmirati lejn ir-restawr tal-ordni kostituzzjonali; iħeġġeġ il-partijiet kollha kkonċernati ta' Mali jimplimentaw immedjatament dan il-ftehim;

3.  Ifaħħar l-azzjonijiet meħuda mill-ECOWAS, l-Unjoni Afrikana, in-Nazzjonijiet Uniti u l-pajjiżi ġirien bl-għan li jiffaċilitaw ir-ritorn rapidu ta’ Mali għall-ordni kostituzzjonali u t-tnedija ta’ miżuri konkreti mfassla biex jipproteġu s-sovranità, l-unità u l-integrità territorjali ta’ Mali; jieħu nota tal-eżitu tal-konferenza li saret f'Ouagadougou bejn l-14 u l-15 ta' April 2012 taħt l-awspiċi tal-President Burkinjan Blaise Compaoré, il-medjatur maħtur mill-ECOWAS, u jittama li l-kalendarju u l-arranġamenti dettaljati tat-tranżizzjoni se jkomplu jiġu ċċarati bil-ħeffa;

4.  Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li jinżammu u jiġu rrispettati s-sovranità, l-unità u l-integrità territorjali ta' Mali; jistieden lill-awtoritajiet ta’ Mali u lill-Moviment tat-Tuareg għal-Liberazzjoni jilħqu soluzzjoni paċifika u fit-tul permezz ta’ djalogu kostruttiv;

5.  Jistieden lill-partijiet kollha jżommu lura bl-għan li terġa' tiġi rrestawrata l-awtorità tar-rappreżentanti eletti, u jikkooperaw biex tiġi żgurata l-organizzazzjoni bikrija ta' elezzjonijiet taħt superviżjoni internazzjonali, flimkein ma’ treġġieh lura fil-pront għad-demokrazija;

6.  Huwa tal-fehma li ma hemm l-ebda soluzzjoni militari għall-kunflitt fit-Tramuntana u li għandha tinstab soluzzjoni permezz tan-negożjati;

7.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw b’mod attiv il-passi li jmiss fil-proċess ta’ tranżizzjoni anke billi jibagħtu missjoni ta’ osservazzjoni elettorali għall-monitoraġġ tal-elezzjonijiet; iħeġġeġ lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tħaffef l-implimentazzjoni tal-komponenti varji tal-Istrateġija tal-UE għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel;

8.  Jitlob ir-rilaxx immedjat tal-persuni li qed jinzammu b'mod arbitrarju mill-persunal militari responsabbli għall-kolp ta’ stat;

9.  Jitlob ir-rilaxx immedjat ta’ dawk kollha maħtufa u l-waqfien immedjat ta’ kull vjolenza, u jġedded it-talba tiegħu lill-partijiet kollha f'Mali sabiex isibu soluzzjoni paċifika permezz ta' djalogu politiku adegwat;

10. Jesprimi tħassib profond rigward it-theddida terroristika ikbar fit-Tramuntana ta' Mali minħabba l-preżenza ta' membri tal-Al Qaeda fil-Maghreb Iżlamiku u ta’ elementi estremisti fost ir-ribelli; jikkundanna, f'dan ir-rigward, kull forma ta' vjolenza u serq, inkluż kontra ħaddiema umanitarji, u l-ħtif f’Gao ta' persunal diplomatiku Alġerjan;

11. Jikkundanna l-atti ta’ vjolenza mwettqa minn gruppi armati;

12. Jikkundanna b’mod partikolari l-attroċitajiet imwettqa kontra l-popolazzjoni ċivili, li kienu diretti l-iktar kontra n-nisa milli kontra vittmi oħrajn, u jikkundanna b’mod partikolari l-użu tal-ħtif u l-istupru bħala armi tal-gwerra; jitlob inkjesta fl-attroċitajiet imwettqa f’Mali matul dawn ix-xhur reċenti;

13. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħtu attenzjoni partikolari fir-rigward tas-sitwazzjoni tan-nisa u l-bniet fir-reġjun tas-Saħel, u jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jiżguraw il-protezzjoni tagħhom minn kwalunkwe tip ta' vjolenza u mill-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom;

14. Jistieden lill-awtoritajiet ta’ Mali jiġġieldu b’mod vigoruż kwalunkwe traffikar b’xeħta Mafjuża;

15. Jikkundanna s-serq u s-sakkeġġ tal-wirt kulturali;

16. Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw il-koordinazzjoni reġjonali fl-iżforzi li jagħmlu;

17. Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw l-isforzi biex jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-Istati fir-reġjun u biex jimmobilizzaw ir-riżorsi kollha disponibbli sabiex jipproteġu n-nies u jippromwovu s-sigurtà u l-iżvilupp fir-reġjun b’kooperazzjoni mal-Istati fir-reġjun u l-organizzazzjonijiet interstatali ECOWAS u WAEMU;

18. Jitlob li tiġi kkunsidrata l-possibilità ta’ missjoni Ewropea fil-qasam tal-PESD b’mandat mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jiġi pprovdut appoġġ loġistiku lill-Armata ta’ Mali jekk il-Gvern ta’ Mali jitlob dan u għall-possibilità ta’ forza tal-ECOWAS jew forza konġunta ECOWAS/Unjoni Afrikana/Nazzjonijiet Uniti biex jiġu protetti ż-żoni ta’ Mali li mhumiex okkupati minn gruppi armati illegali;

19. Jispera li l-missjoni tal-ESDP se tgħin biex il-pajjiżi fis-sottoreġjun jikkontrollaw il-fruntieri tagħhom b’mod iktar effettiv u b’mod partikolari biex jiġġieldu t-traffikar ta’ armi, drogi u bnedmin;

20. Jikkundanna wkoll il-ħtif bejn l-24 u l-25 ta’ Novembru 2001 ta’ żewġ ċittadini Franċiżi, Svizzeru, Olandiż u Sud-Afrikan b’passaport Brittaniku, flimkien mal-qtil ta’ ċittadin Ġermaniz li rreżista lil dawk li ppruvaw jaħtfuħ; jinnota li dan iġib it-total ta' ostaġġi mill-UE fiż-żona tas-Saħel għal 12, bl-Al-Qaeda fil-Magreb Iżlamiku li għada żżomm żewġ ċittadini Spanjoli u ċittadin Taljan maħtufa fil-Punent tal-Alġerija f’Ottubru 2011 u erba’ ċittadini Franċiżi maħtufa fin-Niġer f’Settembru 2010; u, fil-15 ta’ April, missjonarju Nisrani Svizzeru maħtuf f’Timbuktu;

21. Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni ta' kriżi umanitarja u alimentai li qed tiddeterjora b'rata mgħaġġla u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri iżidu u jħaffu l-kunsinna ta' provvisti umanitarji lill-popolazzjonijiet fil-bżonn; jinnota li l-Kummissjoni qiegħda tagħti fondi addizzjonali ta’ EUR 9 miljun b’reazzjoni għall-ħtiġijiet umanitarji ġodda fit-Tramuntana ta' Mali; jinnota li jinħtieġu sforzi urġenti sabiex jinfetaħ l-ispazju umanitarju u biex il-provvista ta’ ikel u mediċina tkun tista' tilħaq it-Tramuntana ta' Mali; jinsab imħasseb li, sakemm ma jitteħdux tali miżuri rapidi, tista' tiżviluppa kriżi umanitarja kbira li jista' jkollha wkoll impatt negattiv fuq il-pajjiżi ġirien;

22. Jitlob il-ftuħ ta’ kuritur umanitarju bħala għajnuna għal għexieren ta’ eluf ta’ persuni spustati minħabba l-ġlied f’Mali, li ħafna minnhom fittxew refuġju f’pajjiżi ġirien bħan-Niġer, il-Mawritanja u l-Burkina Faso; jitlob ukoll reazzjoni komprensiva u rapida għall-kriżi umanitarja tas-Saħel b’mod ġenerali;

23. Jinnota li l-kriżi attwali f’Mali toriġina mill-problemi ekonomiċi u soċjali tal-pajjiż u li jeħtieġ li jiġu ssodisfati b’urġenza l-ħtiġijiet tal-persuni fir-rigward tal-aċċess għall-impjiegi, is-saħħa, id-djar u s-servizzi soċjali, f'liema rigward kulħadd irid jiġi trattat b'mod ugwali, filwaqt li jiġu garantiti d-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi;

24. Jistieden lill-Unjoni Ewropea żżid l-azzjoni tagħha biex tassisti lill-persuni tar-reġjun billi tgħin sabiex jingħataw aċċess aħjar għall-ilma, għall-edukazzjoni pubblika u għas-servizzi tas-saħħa, kif ukoll infrastruttura aħjar sabiex jitjieb l-aċċess għar-reġjun;

25. Jitlob valutazzjoni dettaljata tal-appoġġ tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun;

26. Huwa konvint li soluzzjoni dejjiema fir-reġjun għandu jkollha l-għan li ssaħħaħ l-istituzzjonijiet statali, tippromwovi l-parteċipazzjoni pubblika attiva fit-teħid ta' deċiżjonijiet u twitti t-triq għal żvilupp ekonomiku sostenibbli u ekwu;

27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-istituzzjonijiet tal-ECOWAS u l-Unjoni Afrikana, lill-President Interim ta’ Mali u lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.