Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0202/2012Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0202/2012

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni f’Burma/il-Mjanmar

18.4.2012

imressqa skont l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
S&D (B7‑0202/2012)
Verts/ALE (B7‑0206/2012)
PPE (B7‑0207/2012)
ALDE (B7‑0208/2012)
GUE/NGL (B7‑0210/2012)
ECR (B7‑0211/2012)
(2012/2604(RSP))

José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Ivo Belet, Werner Langen, Ioannis Kasoulides, Tokia Saïfi, Lena Kolarska-Bobińska, Monica Luisa Macovei, Roberta Angelilli, Ria Oomen-Ruijten, Eduard Kukan, Alojz Peterle, Jarosław Leszek Wałęsa, Bernd Posselt, Cristian Dan Preda, Csaba Sógor, Laima Liucija Andrikienė, Mario Mauro, Tunne Kelam, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Arnaud Danjean f'isem il-Grupp PPE-DE
Véronique De Keyser, Ana Gomes, Pino Arlacchi, Marc Tarabella, Barbara Weiler f'isem il-Grupp S&D
Wolf Klinz, Marietje Schaake, Robert Rochefort, Marielle de Sarnez, Graham Watson, Ramon Tremosa i Balcells, Izaskun Bilbao Barandica, Johannes Cornelis van Baalen, Louis Michel, Anneli Jäätteenmäki, Kristiina Ojuland f'isem il-Grupp ALDE
Barbara Lochbihler, Jean Lambert f'isem il-Grupp Verts/ALE
Geoffrey Van Orden, Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki, Adam Bielan f'isem il-Grupp ECR
Helmut Scholz f'isem il-Grupp GUE/NGL

Proċedura : 2012/2604(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0202/2012
Testi mressqa :
RC-B7-0202/2012
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni f’Burma/il-Mjanmar

(2012/2604(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 18 sa 21 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 25 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-UE tat-23 ta’ Frar 2009 li sejħet għal djalogu globali inklussiv bejn l-awtoritajiet u l-forzi demokratiċi f’Burma/il-Mjanmar,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar Burma/il-Mjanmar, b'mod partikolari dawk tal-25 ta’ Novembru 2010[1] u tal-20 ta’ Mejju 2010[2],

–   wara li kkunsidra l-ġabra ta' miżuri restrittivi tal-Unjoni Ewropea, kif stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-tal-Kunsill 2010/232/PESK tas-26 ta’ April 2010 u kif emendati l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1083/2011 tas-27 ta' Ottubru 2011,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' April 2011 dwar it-tneħħija tas-sospensjoni tal-laqgħat ta' livell għoli kif ukoll dwar is-sospensjoni tal-projbizzjoni ta' viżi għall-membri ċivili tal-gvern (id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/239/PESK),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tat-28 ta' April 2011,

–   wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU tat-12 ta’ Marzu 2012 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’Burma/il-Mjanmar,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tat-2 ta' April 2012 dwar l-elezzjonijiet f'Burma/il-Mjanmar,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tas-Samit tal-ASEAN ta’ Novembru 2011 li jgħaddi l-Presidenza tal-ASEAN lil Burma/il-Mjanmar fl-2014,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta' Jannar 2012 dwar it-triq tar-riformi f’Burma/il-Mjanmar,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli tat-28 ta’ April 2011 u tal-14 ta’ Ottubru 2011 dwar l-allinjament ta’ ċerti pajjiżi terzi mad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/239/PESK u 2011/504/PESK dwar miżuri restrittivi kontra Burma/il-Mjanmar,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE tat-23 ta' Jannar 2012 dwar Burma/il-Mjanmar,

–   wara li kkunsidra ż-żjara tal-Kummissarju għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs, f'Burma/il-Mjanmar bejn it-12 u l-14 ta' Frar 2012,

–   wara li kkunsidra r-riżultati tal-Ewwel Laqgħa Interparlamentari bejn l-UE u Burma/il-Mjanmar tas-26 ta’ Frar sat-2 ta' Marzu 2012,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli, b'mod partikolari dawk tat-13 ta' Novembru 2010 dwar il-ħelsien ta' Aung San Suu Kyi, tat-13 ta' Jannar 2011 u tat-12 ta' Ottubru 2011 dwar il-ħelsien tal-priġunieri politiċi, u tat-2 ta' April 2012 dwar l-iżvolġiment tal-elezzjonijiet parzjali,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Samit tal-ASEAN tat-3 ta' April 2012 li tirrigwarda l-eżitu tal-elezzjonijiet parzjali tal-1 ta' April 2012 u ssejjaħ għat-tneħħija tas-sanzjonijiet,

–   wara li kkunsidra d-diversi laqgħat li saru minn Awwissu 2011 ‘l hawn bejn il-President ta’ Burma/il-Mjanmar U Thein Sein u Daw Aung San Suu Kyi,

–   wara li kkunsidra d-diskors dwar il-Qagħda tal-Unjoni tal-President Thein Sein fl-okkażjoni tal-ewwel anniversarju tal-gvern tiegħu fl-1 ta’ Marzu 2012, li fih irrikonoxxa li, minkejja l-isforzi li saru, għad baqa’ “ħafna aktar xi jsir”,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fl-1 ta' April 2012, f’Burma/il-Mjanmar saru elezzjonijiet parzjali għal 40 siġġu fil-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Parlament (Pyithu Hluttaw), li fihom il-Partit tal-Lega Nazzjonali għad-Demokrazija (NLD) ta' Aung San Suu Kyi seta' jipparteċipa bis-sħiħ; billi dawn l-elezzjonijiet parzjali, li ġeneralment tqies li l-komunità internazzjonali ġeneralment qistihom u ġusti, huma indikazzjoni li Burma/il-Mjanmar tinsab fit-triq lejn tibdil demokratiku;

B.  billi, matul l-ewwel sena tiegħu fil-kariga,il-gvern tal-President Thein Sein għamel aktar progress lejn id-demokrazija milli kien sar fl-aħħar għexur ta’ snin;

C. billi l-oppożizzjoni bħalissa għandha biss 6.6% tas-siġġijiet fil-parlament (42 minn 659 siġġu), filwaqt li maġġoranza kbira tas-siġġijiet hija kkontrollata mill-partit fil-gvern, il-Partit tal-Unjoni, Solidarjeta u Żvilupp (USDP), inklużi l-25% tas-siġġijiet li huma rriservati għall-fizzjali militari;

D. billi l-elezzjonijiet ġenerali li jmiss, skedati għall-2015, meta 75% tas-siġġijiet se jiġu kkontestati, se jkunu l-vera żmien ta’ prova tar-rieda tal-awtoritajiet ta' Burma/il-Mjanmar li jiddemokratizzaw il-pajjiż;

E.  billi l-mod kif saru l-elezzjonijiet parzjali tal-1 ta’ April u l-istediniet lil osservaturi u ġurnalisti barranin u l-preżenza tagħhom, inkluż rappreżentant tal-Parlament Ewropew, jagħtu xhieda tar-rieda tal-Gvern ta’ Burma/il-Mjanmar li jissokta bil-proċess ta’ riforma tiegħu, li għandu jkun sostenibbli u irriversibbli;

F.  billi dawn it-tibdiliet li qed isiru joħolqu opportunitajiet importanti biex tiżviluppa relazzjoni speċjali u wisq itjeb bejn l-Unjoni Ewropea u Burma/il-Mjanmar;

G. billi hemm ħtieġa għal prudenza, fid-dawl tal-fatt li, skont ir-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem f’Burma/il-Mjanmar, għad baqa’ tħassib serju dwar id-drittijiet tal-bniedem, għad hemm mijiet ta’ priġunieri politiċi fil-ħabsijiet, u ħafna minn dawk li m’għadhomx miżmuma nħelsu biss kondizzjonatament;

H. billi l-gvern qed jindirizza l-wirt ta' għexur ta' snin ta' gwerra ċivili u kunflitti armati, bir-riżultat ta’ sensiela ta' ftehimiet ta’ waqfien mill-ġlied mal-parti l-kbira tal-gruppi armati etniċi, għajr l-eċċezzjoni tas-sitwazzjoni tal-Kachin, filwaqt li l-għajnuna umanitarja għal għexur ta’ eluf ta’ ċivili spostati hija bblukkata u l-politika ta’ diskriminazzjoni kontra l-minoranza Rohingya għadha għaddejja bla ma battiet xejn;

I.   billi l-gvern indika li miexi bi proċess ta’ kostruzzjoni tal-paċi fi tliet fażijiet: l-ewwel waqfien mill-ġlied, it-tieni proċessi ekonomiċi, kulturali u politiċi, u fl-aħħar nett ftehim kumplessiv – u li jinvolvi tibdil tal-kostituzzjoni – dwar kwistjonijiet etniċi, fosthom demobilizzazzjoni u l-integrazzjoni tal-ex kombattenti, il-qsim tar-riżorsi u aktar awtonomija;

J.   billi hemm qabża bejn id-deċiżjonijiet politiċi fl-ogħla livell u l-kapaċitajiet istituzzjonali u tekniċi limitati fil-prattika, u billi l-bidliet idumu ma jkollhom effett fuq il-ħajja tal-maġġoranza taċ-ċittadini ta’ Burma/il-Mjanmar, li jibqgħu jħabbtu wiċċhom ma’ faqar kbir, livell għoli ta’ dejn, nuqqas ta’ impjiegi u assenza ta’ servizzi soċjali;

K. billi fl-imgħoddi ħafna setturi tal-attività ekonomika f'Burma/il-Mjanmar, bħall-minjieri, l-injam, iż-żejt, il-gass u l-kostruzzjoni ta' digi ġew konnessi ma' abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem u mal-qerda tal-ambjent u kienu, fl-istess ħin, is-sors ewlieni tad-dħul tal-gvern militari;

L.  billi l-gvern ħa passi biex jespandi l-libertajiet ċivili fil-pajjiż, b’aktar libertà tal-informazzjoni u espressjoni, it-tneħħija tal-projbizzjoni fuq bosta siti u pubblikazzjonijiet, il-libertà tal-għaqda, l-istabbiliment ta’ Kummissjoni Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-abolizzjoni tal-bord taċ-ċensura, li għandha sseħħ qabel tmiem l-2012;

M. billi l-Barunessa Ashton, ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, sejra żżur Burma/il-Mjanmar ftit wara l-laqgħa tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2012;

N. billi ġudikatura indipendenti u imparzjali hija essenzjali jekk f’Burma/il-Mjanmar se jkun hemm il-ġustizzja u r-rispett tal-istat ta’ dritt; jistieden lill-Gvern ta’ Burma/il-Mjanmar ukoll biex jibda riformi legali ħalli jiżgura ġudikatura tassew indipendenti u imparzjali;

O. billi l-gvern fl-aħħar qiegħed jieħu nota tat-tħassib tan-nies rigward proġetti li jistgħu jagħmlu ħsara ambjentali u soċjali;

P.  billi l-miżuri restrittivi tal-UE kontra Burma/il-Mjanmar se jiġu riveduti fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill Ġenerali fit-23 ta' April 2012;

1.  Jilqa’ l-iżvolġiment trasparenti u kredibbli tal-elezzjonijiet parzjali tal-1 ta’ April, li l-osservaturi internazzjonali qiesu li kienu liberi, filwaqt li nnutaw l-irregolaritajiet li ġew irrappurtati fiż-żmien qabel il-votazzjoni; huwa fiduċjuż li l-parlamentari ġodda eletti jibdew il-kariga tagħhom mill-aktar fis; jappoġġa lill-awtoritajiet fl-isforzi tagħhom biex jiggarantixxu li l-proċess ta’ riforma jkun sostenibbli u irriversibbli;

2.  Jesprimi r-rispett kbir tiegħu għat-taqbida, li damet deċenni sħaħ, tal-mexxejja tal-opożizzjoni u rebbieħa tal-Premju Sakharov Aung San Suu Kyi, jifirħilha għar-rebħa tal-partit tagħha fl-elezzjonijiet parzjali ta’ April u jiċċelebra l-kuraġġ u t-tenaċja tagħha bħala eżempju ta’ kuraġġ ġeneruż u ta’ taqbid għal-libertà u d-demokrazija kontra t-tirannija;

3.  Jirrikonoxxi l-passi meħuda mill-President Thein Sein u riformaturi oħrajn fir-reġim ta' Burma/il-Mjanmar biex jimplimentaw riformi demokratiċi matul l-aħħar sena, u jħeġġiġhom jissuktaw dan il-proċess b'urġenza, ħalli l-bidla ssir irriversibbli;

4.  Juri s-sodisfazzjon tiegħu dwar l-isforzi tal-gvern, il-parlament u t-tmexxija tal-forzi armati biex itemmu kunflitti armati interni li ilhom għaddejjin deċenni saħ, u jħeġġeġ li jiġu ffinalizzati bil-ħeffa n-negozjati tal-paċi mal-Kachins;

5.  Iħeġġeġ lill-Gvern ta' Burma/il-Mjanmar jikkunsidra, qabel l-elezzjonjiet tal-2015, emendi għall-Kostituzzjoni tal-2008 li jxejnu r-rwol tal-forzi armati fil-politika ċivili, partikolarment is-siġġijiet tal-militar fiż-żewġ kmamar tal-parlament;

6.  Jilqa’ t-tqarrib reċiproku bejn il-President U Thein Sein u Daw Aung San Suu Kyi, u d-djalogu bejn il-gvern u l-oppożizzjoni;

7.  Jilqa’ l-isforzi internazzjonali ta’ livell għoli biex jinkoraġġixxu l-bidla demokratika f’Burma/il-Mjanmar, jieħu nota taż-żjara tal-Prim Ministru Britanniku David Cameron wara l-elezzjonijiet parzjali ta’ April, u jilqa’ d-diskussjonijiet siewja li kellu mal-President ta’ Burma/il-Mjanmar U Thein Sein u ma’ Daw Aung San Suu Kyi;

8.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħelsien ta’ għadd sinifikanti ta’ priġunieri politiċi u l-libertà tal-midja u tal-internet, li tjiebet ħafna, filwaqt li jesprimi tħassib dwar iċ-ċensura u r-restrizzjonijiet li għad hemm; jilqa’ l-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar il-libertà tal-għaqda u l-progress li ġie rrappurtat dwar bidliet fil-liġijiet u fil-prattika ħalli jeliminaw l-użu tax-xogħol furzat;

9.  Jistieden lill-Gvern ta' Burma/il-Mjanmar biex, bla dewmien u bla kundizzjonijiet, jeħles il-priġunieri politiċi kollha li għad fadal, u biex jagħti aċċess liberu għall-ħabsijiet ta’ Burma/il-Mjanmar lill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u lil korpi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden ukoll lill-Kummissjoni Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem biex tintensifika ħidmietha ħalli tippromwovi u tissalvagwardja d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini;

10. Jitlob li l-liġi tal-1982 dwar iċ-ċittadinanza tindidel b’tali mod li tiżgura r-rikonoxximent xieraq tad-dritt għaċ-ċittadinanza tal-minoranza etnika Rohingya;

11. Jistieden lill-awtoritajiet ta’ Burma/il-Mjanmar jiggarantixxu midja ħielsa u indipendenti u jiżguraw li l-liġi l-ġdida tal-midja tippermetti aċċess bla restrizzjonijiet għat-teknoloġija tal-komunikazzjoni u tal-informazzjoni;

12. Jistieden lill-Gvern ta' Burma/il-Mjanmar jagħti bidu għal riformi legali ħalli jiżgura ġudikatura tassew indipendenti u imparzjai u jistabbilixxi proċess ta’ ġustizzja u responsabbiltà ta’ rendikont għall-abbużi tal-imgħoddi kontra d-drittijiet tal-bniedem;

13. Jilqa' d-deċiżjoni tad-19-il Sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, li estenda l-mandat tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'Burma/il-Mjanmar għal sena oħra;

14. Jistieden lill-President Thein Sein jinvestiga allegazzjonijiet ta’ vjolenza sesswali mill-armata ta’ Burma/il-Mjanmar u jieħu passi fil-qrati kontra dawk is-suldati li wettqu attu ta’ dan it-tip; iħeġġeġ lill-Gvern ta' Burma/il-Mjanmar iwaqqaf minnufih ir-reklutaġġ u l-użu tas-suldati tfal, jintensifika l-miżuri għall-garanzija tal-ħarsien tat-tfal mill-kunflitti armati u jissokta bil-kollaborazzjoni tiegħu mar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għat-Tfal u l-Kunflitti Armati;

15. Jistieden lill-President Thein Sein jikkonsulta lill-komunitajiet lokali milquta mill-proġetti ppjanati ta’ digi u jwettaq valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali indipendenti;

16. Jilqa' l-passi pożittivi tal-UE bħala appoġġ għall-bidu tat-tranżizzjoni politika fil-pajjiż, inkluża l-wegħda ta' EUR 150 miljun għall-għajnuna umanitarja, somma maħsuba b'mod partikolari biex tiżviluppa l-faċilitajiet tas-saħħa u tal-edukazzjoni tal-pajjiż u għall-assistenza tal-persuni spustati;

17. Jilqa’ l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet ta’ Burma/il-Mjanmar rigward ir-rata tal-kambju tal-valuta;

18. Jitlob lill-Kunsill jissospendi l-miżuri restrittivi fis-seħħ, bl-eċċezzjoni tal-embargo fuq l-armi, għal perjodu inizjali ta’ sena, u jitolbu jissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni fil-pajjiż;

19. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jistabbilixxu kalendarju u indikaturi ċari rigward l-evalwazzjoni tal-proċess ta’ riforma politika u ekonomika f’Burma/il-Mjanmar;

20. Jirrikonoxxi li l-kummerċ u l-investiment responsabbli u sostenibbli – inklużi dawk mill-Unjoni Ewropea – se jsostnu l-isforzi ta’ Burma/il-Mjanmar biex il-pajjiż jiġġieled kontra l-faqar u jiżgura li parti akbar tal-popolazzjoni tgawdi mill-miżuri, u jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissoni jikkunsidraw li Burma/il-Mjanmar ikollha aċċess privileġġat għas-suq tal-Unjoni Ewropea;

21. Jilqa’ l-impenn tal-UE li żżid l-għajnuna lill-popolazzjonijiet milquta mill-kunflitti u jistieden lill-Gvern ta' Burma/il-Mjanmar iħalli aġenziji tal-għajnuna u n-Nazzjonaijiet Uniti jidħlu fi stati etniċi, jew inkella jiżgura li tingħata għajnuna lokali bbażata fuq il-komunità u għajnuna transfruntiera ħalli jiżgura li dawn il-popolazzjonijet vulnerabbli jintlaħqu;

22. Jilqa' ż-żjara uffiċjali imminenti tal-Barunessa Ashton, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll is-deċiżjoni tagħha li f’dik l-okkażjoni tistabbilixxi preżenza diplomatika fil-pajjiż u tinawgura l-Uffiċċju tal-UE f’Yangon;

23. Ifakkar l-istedina lir-rebbieħa tal-Premju Sakharov, Daw Aung San Suu Kyi, biex iżżur il-Parlament Ewropew ħalli tirċievi uffiċjalment il-Premju Sakharov li rebħet fl-1991 għal dak kollu li għamlet biex iġġib 'il quddiem id-demokrazija u l-libertà f'Burma/il-Mjanmar;

24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN u lill-Parlament u l-Gvern ta' Burma/il-Mjanmar.