Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0028/2013Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0028/2013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-vjolenza fuq in-nisa fl-Indja

16.1.2013 - (2013/2512(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
Verts/ALE (B7‑0028/2013)
GUE/NGL (B7‑0033/2013)
PPE (B7‑0034/2013)
ALDE (B7‑0035/2013)
ECR (B7‑0036/2013)
S&D (B7‑0037/2013)

José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Elmar Brok, Lena Kolarska-Bobińska, Elisabeth Jeggle, Cristian Dan Preda, Filip Kaczmarek, Jean Roatta, Bernd Posselt, Roberta Angelilli, Mario Mauro, Eija-Riitta Korhola, Sergio Paolo Francesco Silvestris, Zuzana Roithová, Monica Luisa Macovei, Sari Essayah, Giovanni La Via, Laima Liucija Andrikienė, Philippe Boulland, Tunne Kelam, Jarosław Leszek Wałęsa, Elena Băsescu, Rafał Trzaskowski, Mariya Gabriel, Tadeusz Zwiefka, Petri Sarvamaa, Eduard Kukan, Martin Kastler, Bogusław Sonik, Anna Záborská f'isem il-Grupp PPE
Véronique De Keyser, Ana Gomes, Maria Badia i Cutchet, Corina Creţu, Jo Leinen, Jörg Leichtfried, Britta Thomsen, Zita Gurmai, Iratxe García Pérez, Eider Gardiazábal Rubial, Silvia-Adriana Ţicău, Joanna Senyszyn, Minodora Cliveti, Mitro Repo, Liisa Jaakonsaari, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Michael Cashman, Pino Arlacchi, Daciana Octavia Sârbu, Marc Tarabella f'isem il-Grupp S&D
Graham Watson, Phil Bennion, Marietje Schaake, Alexander Graf Lambsdorff, Leonidas Donskis, Ivo Vajgl, Kristiina Ojuland, Marielle de Sarnez, Louis Michel, Robert Rochefort, Ramon Tremosa i Balcells, Edward McMillan-Scott, Izaskun Bilbao Barandica, Johannes Cornelis van Baalen, Charles Goerens, Angelika Werthmann, Antonyia Parvanova, Sarah Ludford f'isem il-Grupp ALDE
Karima Delli, Franziska Keller, Jean Lambert, Barbara Lochbihler, Marije Cornelissen, Rui Tavares, Raül Romeva i Rueda, Nicole Kiil-Nielsen, Carl Schlyter, Catherine Grèze f'isem il-Grupp Verts/ALE
Charles Tannock, Marina Yannakoudakis, Valdemar Tomaševski f’isem il-Grupp ECR
Mikael Gustafsson, Marie-Christine Vergiat, Patrick Le Hyaric, Martina Anderson, Willy Meyer, Kartika Tamara Liotard, Jiří Maštálka f'isem il-Grupp GUE/NGL
Jaroslav Paška

Proċedura : 2013/2512(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0028/2013
Testi mressqa :
RC-B7-0028/2013
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-vjolenza fuq in-nisa fl-Indja

(2013/2512(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Indja, b'mod partikolari dik tat-13 ta' Diċembru 2012[1] dwar id-diskrimazzjoni abbażi tal-kasta u dawk dwar ir-Rapporti Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja, b'mod partikolari dawk tat-18 ta' April 2012[2] u tat-13 ta' Diċembru 2012[3]; wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti numerużi tiegħu li jikkundannaw l-istupru u l-vjolenza sesswali f’pajjiżi madwar id-dinja,

    wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni konġunt tas-Sħubija Strateġika bejn l-Indja u l-UE, li kien iffirmat f'Novembru 2005, u d-Djalogu Tematiku bejn l-UE u l-Indja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa, (il-25 ta' Novembru 2012);

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton dwar il-Jum Ewropew u Dinji kontra l-Piena Kapitali (l-10 ta' Ottubru 2012),

–    wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-31 ta' Diċembru 2012 mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillary ,

–    wara li kkunsidra l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju tan-Nazzjonijiet Uniti,

–    wara li kkunsidra l-istrumenti tan-NU dwar il-vjolenza fuq in-nisa, b'mod partikolari d-Dikjarazzjoni tal-Vjenna u l-Programm ta' Azzjoni tal-25 ta' Ġunju 1993 adottati mill-Konferenza Dinjija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (A/CONF. 157/23), ir-rapporti mir-Rapporteurs Speċjali tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-vjolenza fuq in-nisa u r-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 19 adottata mill-Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (CEDAW) (il-11-il sessjoni, 1992), id-Dikjarazzjoni dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa tal-20 ta'Diċembru 1993 (A/RES/48/104) u l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa u l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali (CERD), u r-Rakkomandazzjonijiet Ġenerali  XXIV dwar l-Artikolu 1(1) tagħha,

   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet dwar l-Indja tal-Proċeduri Speċjali tan-NU, l-entitajiet tat-trattat tan-NU u l-Eżamijiet Perjodiċi Universali, u b'mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet għall-Indja fir-rapporti tas-CEDAW tan-NU ta' Frar 2007 u ta' Ottubru 2010,

   wara li kkunsidra l-Abbozz ta' Prinċipji u Linji Gwida tan-NU għall-Eliminazzjoni Effikaċi tad-Diskriminazzjoni abbażi tax-Xogħol u d-Dixxendenza,

–    wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni u l-Kodiċi Penali tal-Indja, speċjalment it-Taqsima 376 tiegħu dwar l-istupru,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) u l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fis-16 ta'Diċembru 2012, studenta ta' 23 sena sfat stuprata minn grupp ta’ aggressuri, u l-ħabib tagħha ġie msawwat, meta ħamest irġiel u ġuvnott ħebbew għalihom b'mod vjolenti fuq karozza tal-linja privata fi New Delhi billi l-vittma sofriet feriti hekk gravi li wasslu għall-mewt traġika tagħha fid-29 ta' Diċembru 2012 f'Singapor;

B.   billi kien hemm rabja pubblika qawwija fl-Indja, b'dimostranti mis-sezzjonijiet kollha tas-soċjetà li talbu riformi tal-liġijiet u taż-żamma tal-ordni mill-pulizija, u bidla ġenerali fl-attitudni fir-rigward tan-nisa; billi dawn id-dimostrazzjonijiet jirrappreżentaw pass importanti fil-ksur tal-omertà rigward l-istupru u l-vjolenza sesswali, u bħala tali jirrappreżentaw l-ewwel ċaqliq ta’ bidla;

C.  billi ħamest irġiel u minorenni ġew arrestati b'rabta ma' dan il-każ, u attwalment jinsabu għaddejjin minn proċess mgħaġġel, bi proċedura separata għall-minorenni nvolut;

D.  billi l-Pulizija tal-Indja rreġistrat kawża kontra x-xandar Zee News wara li ttrażmetta intervista mal-ħabib tal-vittma li kien preżenti tul l-attakk tas-16 ta' Diċembru;

E.   billi minn dan l-attakk reċenti fi New Delhi ‘l hawn, ġew rappurtati numru kbir ta' reati ta' stupru oħrajn fl-istampa nazzjonali u dik internazzjonali, bħal dak tas-27 ta' Diċembru 2012, meta tfajla fil-Punjab kkommettiet suwiċidju wara li kienet stuprata minn grupp, għaliex il-pulizija ma kinux lesti li jirreġistraw l-ilment tagħha jew li jarrestaw lill-akkużati, u minflok issuġġerewlha li tiżżewweġ lil wieħed mill-aggressuri tagħha, u bħal dak tat-12 ta' Jannar fil-Punjab, meta mara ta' 29 sena, omm ta' żewġt itfal, ġiet stuprata minn grupp fuq karozza tal-linja, każ li kien simili ħafna għall-ewwel wieħed, u li minħabba f'hekk il-pulizija reġgħet arrestat 6 susspettati, u dak ta' jum wara, meta tfajla ta' 16-il sena tat in-nar lilha nnifisha wara li sfat stuprata;

F.   billi, skont l-Uffiċċju Nazzjonali tar-Reġistru Kriminali tal-Indja, kien hemm aktar minn 24 000 rapport ta' stupru fl-2011; billi kien hemm kundanna waħda biss wara aktar minn 635 rapport ta' stupru f'Delhi fl-2012;

G.  billi l-moviment tan-nisa fl-Indja għandu tradizzjoni twila ta' denunzja ta' kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa fl-Indja, u wkoll ta' inugwaljanzi bejn is-sessi b'mod ġenerali, filwaqt li jitlobli tittieħed azzjoni politika favur id-drittijiet tal-bniedem tan-nisa;

H.  billi l-vjolenza sesswali kontra n-nisa hi mifruxa, mhux biss fl-Indja iżda wkoll madwar id-dinja, u għandha l-għeruq tagħha fl-inugwaljanzi strutturali bejn is-sessi, u billi l-azzjonijiet kontra l-vjolenza fuq in-nisa għandhom għaldaqstant jintrabtu mat-titjib tal-pożizzjoni u tas-sitwazzjoni tan-nisa u t-tfajliet fil-livelli kollha tas-soċjetà;

I.    billi skont l-istimi tax-xjenzati soċjali tal-Indja, hemm firxa wiesgħa ta' prattiki vjolenti u ta' diskriminazzjoni li wasslu għal madwar 2 miljun każ ta' mewt ta' nisa u tfajliet kull sena fl-Indja, bil-vjolenza sesswali tkun waħda biss mill-fatturi, flimkien ma’ kwistjonijiet dwar dota, infantiċidju femminili, traskuraġni tat-tfal, aċċess inugwali għar-riżorsi u l-kura tas-saħħa u kura ħażina tal-anzjani;

J.    billi n-nisa u t-tfajliet li jiġu affettwati minn diskriminazzjoni abbażi tal-kasta huma partikolarment vulnerabbli għall-forom differenti ta' vjolenza sesswali, għal prostituzzjoni sfurzata u ritwali, traffikar, vjolenza domestika u ta' kastig, meta jfittxu li jiksbu ġustizzja għar-reati li twettqu kontrihom, kif wera għal darb’ oħra l-każ magħruf ta' stupru mill-Pipili Gang tad-29 ta' Novembru 2011, meta l-awtoritajiet irrifjutaw li jirreġistraw il-każ, u kien biss wara l-intervent tal-Qorti Suprema li t-tfajla ngħatat trattament adegwat, għalkemm mietet aktar tard kaġun tal-feriti li sostniet;

K.  billi stħarriġ tal-2012 mill-Fondazzjoni Thomson Reuters li wera lill-Indja bħala l-agħar post għan-nisa fost il-pajjiżi tal-G20;

L.   billi skont l-Amnesty International, fl-Indja jsir rapport ta' stupru kull 21 minuta, u bosta stupri ma jiġux irrappurtati, speċjalment fl-iktar komunitajiet foqra, minħabba l-istigma soċjali marbuta ma' dan ir-reat; billi jidher li l-pulizija fl-Indja huma konxji bis-sħiħ tar-rikorrenza ta' dan ir-reat, u li spiss jonqsu milli jaġixxu fid-difiża tan-nisa;

M.  billi l-vjolenza sesswali tħalli lill-vittmi bi problemi tas-saħħa serji, kemm fiżjoloġiċi kif ukoll fiżiċi, inkluż mard li jittieħed sesswalment bħall-AIDS; billi bosta vittmi ta' stupru jisfaw vittmi doppji għaliex jiġu mwarrba mill-familji u l-komunitajiet tagħhom stess;

N.  billi l-liġijiet tal-Indja dwar l-abbuż sesswali ġew ikkritikati mill-gruppi għad-drittijiet tal-bniedem nazzjonali u internazzjonali bħala li għadda żmienhom, partikolarment minħabba d-definizzjoni dejqa ta' stupru tagħhom; billi l-Indja ma għandhiex servizzi adegwati għall-vittmi ta' abbuż sesswali, inkluż rispons sensittiv u fil-pront mill-pulizija, aċċess għall-kura tas-saħħa, konsulenza u servizzi ta' appoġġ oħrajn, sabiex b'hekk ir-rispons għall-istupru hu wieħed ad hoc u mhux prevedibbli, u li spiss ikun umiljanti għall-vittmi;

O.  billi wara l-attakk fi New Delhi, il-gvern ċentrali tal-Indja ħoloq kummissjoni ta' tliet membri biex jeżaminaw il-liġijiet attwali sabiex jipprovdu ġustizzja aktar rapida u piena aktar qawwija f'każijiet ta' abbuż sesswali aggravat;

P.   billi wara l-avvenimenti riċenti, uffiċċjali għoljin tal-gvern ħabbru li kienu se jippromwovu pieni aktar ħorox għall-istupru, inkluża l-piena kapitali;

Q.  billi f'Mejju 2012, 90 organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u individwi kitbu lill-Prim Ministru Indjan Manmohan Singh biex iħeġġu riformi fir-rispons għal abbuż sesswali u biex jitolbu responsabilità akbar tal-pulizija;

R.   billi l-UE allokat EUR 470 miljun għall-Indja għall-perjodu bejn l-2007 u l-2013 f'appoġġ għal-programmi tas-saħħa u l-edukazzjoni tal-Gvern tal-Indja;

S.   billi tul l-aħħar għoxrin sena, l-Indja wettqet progress sinifikanti fil-proċess ta' tnaqqis tal-faqar, għalkemm għad fadal ħafna xi jsir, speċjalment biex titnaqqas id-diskrepanza fl-opportunitajiet fl-edukazzjoni, is-saħħa u fil-prospetti ekonomiċi tan-nisa u tal-gruppi vulnerabbli;

T.   billi l-Indja hi l-ikbar demokrazija fid-dinja u tirrappreżenta sieħba politika u ekonomika importanti tal-UE li tfisser obbligi demokratiċi;

1.   Jesprimi dispjaċir qawwi għall-vittmi tal-attakk fi New Delhi, u għall-vittmi ta' kull attakk ieħor, kemm jekk irrappurtati mill-midja jew le, u jestendi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tagħhom; jikkundanna bil-qawwa kull forma ta' vjolenza sesswali, li hi fenomenu globali li taffettwa bosta pajjiżi;

2.   Jilqa' l-mewġa qawwija ta' solidarjetà fl-Indja u fil-livell internazzjonali mal-vittmi tal-istupri u jittama li l-protesti tal-massa jgħinu biex jitħaffu r-riformi meħtieġa;

3.   Jistenna li l-Indja, bħala pajjiż demokratiku b'rabtiet sinifikanti mal-UE, tiżgura r-rispett għall-prinċipji demokratiċi, għad-drittijiet fundamentali u tal-bniedem, b'mod partikolari l-istat tad-dritt u d-drittijiet tan-nisa;

4.   Jiddispjaċih bil-qawwi li ma sarx sforz akbar biex tingħata assistenza immedjata lill-vittmi tal-attakki u li f'dan il-każ u f'każijiet oħrajn simili il-livell ta' rispett baxx għan-nisa, in-nuqqas ta' għajnuna medika, ta' żona ta' kontroll mill-pulizija u ta' rimedji legali, kollha jiskoraġġixxu lill-vittmi tal-istupru milli jressqu akkużi kontra dawk l-istupraturi;

5.   Ifakkar lill-gvern tal-Indja dwar id-drittijiet u l-obbligi tiegħu skont il-Kostituzzjoni tal-Indja, speċjalment id-dover li jtemm il-prattiki ta' ħsara għad-dinjità tan-nisa (Artikolu 51(A));

6.   Iħeġġeġ lill-Parlament tal-Indja biex ikomli jinkorpora r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Nazzjonali għan-Nisa tal-Indja (NCW) dwar kif għandu jemenda u jimplimenta l-liġi tal-Indja biex jipproteġi lin-nisa minn dawn ir-reati;

7.   Jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Gvern li se jistabbilixxi Kummissjoni ta' Inkjesta dwar is-sigurtà pubblika tan-nisa f'Delhi u wkoll il-ħolqien ta' bord ġudizzjarju biex jirrevedi l-qafas leġislattiv tal-Indja fir-rigward tal-vjolenza kontra n-nisa; jinsab ħerqan għall-pubblikazzjoni rapida tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Inkjesta stabbilit bis-superviżjoni tal-ex Imħallef tal-Qorti Suprema J.S. Verma, u għall-kollaborazzjoni tiegħu mal-NCW u mal-Parlament Indjan, sabiex jiġu implimentati bis-sħiħ il-miżuri għall-prevenzjoni ta' dawn it-tipi ta' reati fil-futur;

8.   Jilqa' l-ħolqien ta' qorti bi proċedimenti rapidi biex jiġu trattati b'mod partikolari l-każijiet ta' vjolenza sesswali kontra n-nisa; madankollu jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-proċess tal-akkużat hu magħluq għall-ġurnalisti, u hemm projbizzjoni għall-istampar jew pubblikazzjoni ta' kwalunkwe kwistjoni b'rabta ma' proċedimenti simili, ħlief bil-permess tal-qorti, ħaġa li kkawżat tħassib fost il-pubbliku ġenerali; iqis li dawk li jinstabu ħatja għandhom jingħataw piena proporzjonata mar-reat tagħhom; madankollu, itenni l-oppożizzjoni li ilu jħaddan kontra l-piena kapitali, fi kwalunkwe każ u f’kull ċirkostanza;

9.   Jitlob lill-awtoritajiet tal-Indja, sabiex b'konsultazzjoni mill-qrib mal-gruppi tan-nisa, jiżviluppaw rispons koordinat għall-vjolenza abbażi tas-sessi, u speċjalment f'każ ta' abbuż sesswali; jenfasizza l-bżonn li l-gvernijiet tal-istati jimmonitorjaw it-trattament mill-pulizija ta' investigazzjonijiet ta' abbuż sesswali billi jżommu lill-uffiċjali tal-pulizija responsabbli, itellgħu l-qorti lil dawk li jwettqu r-reat, u jiżguraw li l-vittmi jiġu ttrattati b'dinjità;

10. Jitlob lill-Parlament tal-Indja biex jiżgura li l-Abbozz dwar id-Dritt Kriminali (Emenda) tal-2012 jiġi emendat ħalli jikkriminalizza kull forma ta' abbuż sesswali, kemm dawk b'penetrazzjoni sesswali jew le, filwaqt li jiżgura li kwalunkwe piena ġdida tkun konformi mal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, u biex jemenda l-liġi sabiex jitneħħew l-immunità legali u l-ostakoli proċedurali meta l-pulizija jew forzi ta' sigurtà oħrajn ikunu akkużati b'abbuż sesswali jew bi ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem;

11. Jitlob lir-rappreżentanzi tal-UE u tal-Istati Membri fl-Indja sabiex jagħtu prijorità lil dawk il-programmi li jindirizzaw il-vjolenza kontra n-nisa, inkluż fl-edukazzjoni, kif ukoll lil programmi li jagħmlu enfasi partikolari fuq in-nisa u t-tfajliet;

12. Jitlob lill-awtoritajiet tal-Indja jieħdu azzjoni immedjata u jimplimentaw miżuri effikaċi sabiex itejbu t-trattament ta' stupru u ta' abbuż sesswali mill-forzi tal-pulizija tal-Indja, inkluż il-ħolqien ta' unitajiet speċifiċi fi ħdan kull taqsima tal-pulizija; jinnota li l-Ministru Ewlieni ta' Delhi ma għandha l-ebda responsabilità għall-operat tal-pulizija fil-ġurisdizzjoni tagħha; ifakkar li fi bliet ewlenin oħrajn, ir-rappurtar u l-ġestjoni diretta żguraw il-kisba ta' responsabilità politika akbar u ta' modernizzazzjoni tal-forzi tal-pulizija; jinnota l-bżonn urġenti għal taħriġ tal-pulizija fir-rigward tas-sigurtà tan-nisa;

13. Jitlob lill-Gvern tal-Indja biex jinvestiga l-każijiet ta' persuni f'karigi uffiċjali ewlenin li kontrihom għad hemm pendenti akkużi formali ta' stupru;

14. Jitlob lill-Kummissjoni taħdem mal-awtoritajiet tal-Indja sabiex tgħinhom jiżviluppaw rispons koordinat għall-vjolenza abbażi tas-sess, speċjalment ta' abbuż sesswali, inkluż bl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-kampanja tan-NU “UNiTE to End Violence against Women”; jitlob lill-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa, sabiex tul is-57 sessjoni tagħha, li se ssir f'Marzu 2013, tiddiskuti u tirrikonoxxi l-fatt li l-vjolenza kontra n-nisa tieħu sura unika f'każijiet li jinvolvu s-sess u l-kasta;

15. Jesprimi tħassib serju dwar il-vjolenza mifruxa mwettqa kontra n-nisa u tfajliet Dalit fl-Indja, inkluż vjolenza sesswali minn irġiel mill-kasti dominanti, u dwar il-livell ta' impunità partikolarment għoli għal min iwettaq ir-reat f'dawn il-każijiet; jitlob lill-Gvern tal-Indja jitratta l-każijiet kollha ta' vjolenza sesswali fir-rigward tan-nisa bl-istess mod, u biex jinvestiga u jtella' l-akkużati l-qorti b'mod ekwu, ġust, trasparenti u rapidu;

     

16. Jenfasizza li l-ebda persuna ma għandha tkun soġġetta għal żwieġ mingħajr kunsens jew abbażi ta' forza jew pressjoni; jenfasizza li l-ebda vittma ma għandha tiġi sforzata tiżżewweġ lil min ikun wettaq l-attakk u l-għandu jingħata appoġġ addizzjonali lill-vittma sabiex iwaqqaf il-pressjoni soċjali biex tagħmel dan;

17.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-UE tkompli tipprovdi assistenza settorjali mmirata fl-Indja bil-għan li jintlaħqu l-MDGs, tul il-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss u fil-karta tal-istrateġija tal-pajjiż li jmiss għal wara l-2013; jemmen li din għandha tinkludi appoġġ settorjali soċjali għas-saħħa u l-edukazzjoni tan-nisa u ukoll l-aħjar prattika ta' governanza, teħid ta' deċiżjonijiet u żvilupp tajba, inkluż metodi ta' titjieb fl-għoti ta' servizz biex ikunu indirizzati kwistjonijiet ta' faqar u ta' ġeneru, riformi istituzzjonali u l-ġestjoni tas-settur pubbliku;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-President, lill-Gvern u l-Parlament tal-Indja, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-kapijiet tas-Sottokummissjoni tan-NU dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa, lid-Direttur Ġenerali tan-NU għan-Nisa, u lill-Mibgħut Speċjali tan-NU dwar il-Vjolenza Kontra n-Nisa.