Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B7-0100/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B7-0100/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-Baħrejn, b'mod partikolari l-każijiet ta' Nabeel Rajab, Abdulhadi al-Khawaja u Ibrahim Sharif

5.2.2014 - (2014/2553(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
PPE (B7‑0100/2014)
S&D (B7‑0130/2014)
ALDE (B7‑0133/2014)
Verts/ALE (B7‑0134/2014)

Tunne Kelam, Cristian Dan Preda, Bernd Posselt, Monica Luisa Macovei, Roberta Angelilli, Petri Sarvamaa, Eija-Riitta Korhola, Giovanni La Via, Sergio Paolo Francesco Silvestris, Sari Essayah, Krzysztof Lisek, Elena Băsescu, Laima Liucija Andrikienė, Davor Ivo Stier, Salvador Sedó i Alabart f'isem il-Grupp PPE
Véronique De Keyser, Ana Gomes, Richard Howitt, Pino Arlacchi, María Muñiz De Urquiza, Joanna Senyszyn, Liisa Jaakonsaari, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Mitro Repo f'isem il-Grupp S&D
Marietje Schaake, Edward McMillan-Scott, Alexander Graf Lambsdorff, Johannes Cornelis van Baalen, Louis Michel, Marielle de Sarnez, Ramon Tremosa i Balcells, Sarah Ludford, Izaskun Bilbao Barandica, Angelika Werthmann, Hannu Takkula, Robert Rochefort f'isem il-Grupp ALDE
Tarja Cronberg, Nicole Kiil-Nielsen, Margrete Auken, Raül Romeva i Rueda, Jean Lambert, Rui Tavares f'isem il-Grupp Verts/ALE


Proċedura : 2014/2553(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B7-0100/2014
Testi mressqa :
RC-B7-0100/2014
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Baħrejn, b'mod partikolari l-każijiet ta' Nabeel Rajab, Abdulhadi al-Khawaja u Ibrahim Sharif

(2014/2553(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

 

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Baħrejn, u b'mod partikolari dawk tas-17 ta' Jannar 2013[1] u tat-12 ta' Settembru 2013[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2011 dwar ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf[3],

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet li saru mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP / RGħ) dwar il-Baħrejn, b'mod partikolari d-dikjarazzjonijiet tagħha tas-7 ta' Jannar, tal-11 ta' Frar, tal-1 ta' Lulju u tal-25 ta' Novembru 2013, u tas-16 ta' Jannar 2014,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-UE dwar l-aħħar żviluppi fil-Baħrejn tad-19 ta' Settembru 2013,

–   wara li kkunsidra ż-żjara mid-delegazzjoni tas-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Baħrejn fid-19 u fl-20 ta' Diċembru 2012, u d-dikjarazzjoni għall-istampa maħruġa minn dik id-delegazzjoni, u ż-żjara mid-delegazzjoni għall-Peniżola Għarbija mis-27 sat-30 ta' April 2013 u d-dikjarazzjoni għall-istampa tagħha,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet li saru mis-Segretarju Ġenerali tan-NU, partikolarment dik tat-8 ta' Jannar 2013, u d-dikjarazzjoni mill-kelliemi għall-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tas-6 ta' Awwissu 2013,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-OHCHR u s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Baħrejn tad-9 ta' Settembru 2013,

–   wara li kkunsidra l-Kunsill Konġunt UE-GCC u l-Laqgħa Ministerjali f'Manama, il-Baħrejn, fit-30 ta' Ġunju 2013,

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri tal-Lega Għarbija, li ltaqgħet fil-Kajr fl-1 ta' Settembru 2013, biex titwaqqaf qorti pan-Għarbija għad-drittijiet tal-bniedem fil-kapitali tal-Baħrejn, Manama,

–   wara li kkunsidra r-rapport maħruġ mill-Kummissjoni Indipendenti ta' Inkjesta tal-Baħrejn (BICI) f'Novembru 2011, u r-rapport ta' segwitu tagħha tal-21 ta' Novembru 2012,

–   wara li kkunsidra l-Opinjoni A/HRC/WGAD/2013/12 tal-Grupp ta' Ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Detenzjoni Arbitrarja tal-25 ta' Lulju 2013,

–   wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija tal-25 ta' Ġunju 2012,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar l-Istrateġija dwar il-Libertà Diġitali fil-Politika Barranija tal-UE[4],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar il-libertà tal-istampa u tal-midja fid-dinja[5],

–   wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE tal-2004 dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem kif aġġornati fl-2008,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra u l-Karta Għarbija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li tagħhom il-Baħrejn huwa firmatarju,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Baħrejn jibqgħu ta' tħassib kbir; billi ħafna azzjonijiet riċenti mill-awtoritajiet tal-Baħrejn ikomplu jiksru u jirrestrinġu d-drittijiet u l-libertajiet ta’ sezzjonijiet tal-poplu tal-Baħrejn, b’mod partikolari d-dritt tal-individwi għall-protesta paċifika, għal-libertà tal-espressjoni u l-libertà diġitali; billi l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem qed jiffaċċjaw attakki sistematiċi, fastidju u detenzjoni;

B.  billi Nabeel Rajab, il-President taċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Baħrejn (BCHR) u Deputat Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Internazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem (FIDH), kien ikkundannat tliet snin ħabs f'Awwissu 2012 fuq akkużi li sejjaħ u pparteċipa 'f'laqgħat illegali' u 'kiser l-ordni pubbliku' bejn Frar u Marzu 2011; billi s-sentenza tiegħu tnaqqset għal sentejn ħabs wara appell; billi qabel iż-żmien fil-ħabs is-Sur Rajab repetutament kien arrestat minħabba li esprima kritika b'mod paċifiku fil-konfront tal-gvern matul protesti favur id-demokrazija li seħħew fil-Baħrejn fl-2011;

C. billi nhar il-Ġimgħa 29 ta' Novembru 2013 Nabeel Rajab kien diġà skonta tliet kwarti mis-sentenza tiegħu ta' sentejn ħabs u sar legalment eliġibbli biex jinħeles; billi fil-21 ta' Jannar 2014 tressqet it-tielet talba għal ħelsien bikri mill-avukati ta' Nabeel Rajab lill-Qorti, imma din kienet miċħuda;

D. billi l-Grupp ta' Ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Detenzjoni Arbitrarja iddeskriva d-detenzjoni tas-Sur Nabeel Rajab bħala arbitrarja;

E.  billi fit-22 ta' Ġunju 2011, Abdulhadi-al-Khawaja, fundatur tal-BCHR u koordinatur reġjonali tal-Front Line Defenders, li għandu nazzjonalità Daniża, u Ibrahim Sharif, Segretarju Ġenerali tas-Soċjetà ta' Azzjoni Demokratika Nazzjonali, kienu kkundannati l-ħabs għal għomorhom minn qorti militari speċjali; billi l-proċess legali intemm wara tliet snin ta' appelli u s-sentenzi nżammu;

F.  billi fis-27 ta' Jannar 2014, Zainab al-Khawaja, it-tifla ta' Adbulhadi-al-Khawaja, kienet ikkundannata mill-Qorti tal-Maġistrati f'Manama għal erba' xhur oħra ta' priġunerija fuq l-akkuża li 'qerdet proprjetà tal-gvern';

G. billi wara r-rapport tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta Indipendenti tal-Baħrejn (BICI), l-awtoritajiet tal-Baħrejn impenjaw ruħhom li jwettqu riformi; billi l-gvern naqas milli jimplimenta b'mod sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-Kummissjoni, l-aktar il-ħelsien tal-mexxejja tad-dimostranti ħatja li eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni u tal-assemblea paċifika;

H. billi fit-2 ta’ Settembru 2013 il-Baħrejn ħabbar li kien se jospita l-kwartieri ġenerali permanenti tal-Qorti Għarbija tad-Drittijiet tal-Bniedem wara l-approvazzjoni tagħha f’laqgħa tal-Lega Għarbija fil-Kajr;

I.   billi fil-15 ta' Jannar 2014 l-Eċċellenza Tiegħu, il-Prinċep Eredi Salman bin Hamad bin Isa Al Khalifa, fuq talba tal-Eċċellenza Tiegħu, ir-Re Hamad Bin Isa Al Khalifa, kellu taħdidiet intensivi mal-parteċipanti fid-Djalogu ta' Kunsens Nazzjonali, inkluż b'mod partikolari max-Sheikh Ali Salman, is-Segretarju Ġenerali ta' Alwefaq, għall-ewwel darba minn meta bdew l-avvenimenti ta' Frar 2011;

1.  Jikkundanna l-każijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Baħrejn u jħeġġeġ lill-gvern tal-Baħrejn jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet kollha tar-rapport BICI u tar-Reviżjoni Perjodika Universali, itemm l-abbużi kollha kontra d-drittijiet tal-bniedem u jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inklużi l-libertà tal-espressjoni, kemm onlajn u kemm offlajn, u l-libertà tal-assemblea, bi qbil mal-obbligi internazzjonali tal-Baħrejn dwar id-drittijiet tal-bniedem;

2.  Jitlob għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjoni tal-priġunieri kollha ta' kuxjenza, attivisti politiċi, ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u dimostranti paċifiċi, inklużi Nabeel Rajab, Abdulhadi Al-Khawaja, Ibrahim Sharif, Naji Fateel, u Zainab Al-Khawaja;

3.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar it-trattament li l-awtoritajiet tal-Baħrejn qed jagħtu lil Nabeel Rajab u lill-attivisti oħra tad-drittijiet tal-bniedem, minbarra r-rifjut tagħhom li jagħtuh il-ħelsien bikri li hu eliġibbli għalih skont il-liġi;

4.  Jitlob għar-ratifika tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Persuni kollha kontra l-Għejbien Furzat;

5.  Jenfasizza l-obbligu li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ikunu assigurati l-protezzjoni u jitħallew ikomplu l-ħidma tagħhom mingħajr tfixkil, intimidazzjoni jew fastidju;

6.  Jopponi l-ħolqien u l-użu ta' qrati speċjali jew l-użu ta' qrati militari għas-smigħ ta' reati b'rabta mas-sigurtà nazzjonali;

7.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Baħrejn jirrispettaw id-drittijiet tal-minorenni, bi qbil mal-Konvenzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal, li tagħha l-Baħrejn hu firmatarju;

8.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Prinċep Salman bin Hamad bin Isa Al Khalifa li jkollu taħdidiet mal-mexxejja tal-ħames gruppi ewlenin tal-oppożizzjoni fil-15 ta' Jannar 2014 sabiex jesplora mezzi li bihom jegħleb l-isfidi li qed jiffaċċja d-djalogu nazzjonali li kien ġie sospiż mill-gvern ftit jiem qabel; jilqa' r-reazzjoni pożittiva tal-oppożizzjoni u jistenna bil-ħerqa li jerġa' jibda d-Djalogu ta' Kunsens Nazzjonali; jinnota li m'hemmx soluzzjoni oħra ħlief soluzzjoni interna abbażi ta' kompromessi u fiduċja reċiproka; jittama li dan il-pass iħeġġeġ djalogu nazzjonali serju u inklużiv, li jwitti t-triq għal riformi profondi u sostenibbli lejn rikonċiljazzjoni nazzjonali tas-soċjetà tal-Baħrejn;

9.  Jinsab inkoraġġit mit-tnedija operattiva tal-uffiċċju tal-Ombudsman tal-Ministeru għall-Intern u ta' Unità ta' Investigazzjonijiet Speċjali fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku u jitlob biex dawn l-istituzzjonijiet jaġixxu b'mod indipendenti u effettiv; jilqa' r-rwol attiv dejjem akbar li kellha l-Istituzzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem sa mir-riforma tagħha u l-ħolqien ta' 'Kummissjoni tal-Priġunieri u d-Detenuti', li se timmonitorja l-postijiet tad-detenzjoni sabiex timpedixxi t-tortura u t-trattament ħażin; jitlob lill-awtoritajiet tal-Baħrejn itejbu l-kundizzjonijiet u t-trattament tal-priġunieri u jippermettu lill-organizzazzjonijiet lokali u internazzjonali rilevanti jkollhom aċċess għaċ-ċentri ta' detenzjoni;

10. Jinnota li l-Gvern tal-Baħrejn qed jagħmel sforzi li għadhom għaddejjin biex jirriforma l-kodiċi penali u l-proċeduri legali, u jħeġġeġ biex dan il-proċess jitkompla; jistieden lill-Gvern tal-Baħrejn jieħu l-passi meħtieġa kollha biex jiggarantixxi l-proċess ġust, u l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura fil-Baħrejn, u biex jiżgura li din taġixxi f’konformità sħiħa mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

11. Jinkoraġġixxi lin-NU torganizza żjara immedjata mit-tliet Rapporteurs Speċjali dwar id-drittijiet għal-libertà tal-assemblea paċifika u tal-assoċjazzjoni, dwar it-tortura u dwar l-indipendenza tal-maġistrati u l-avukati;

12. Jistieden lill-VP / RGħ u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw strateġija ċara li tistabbilixxi kif l-UE, pubblikament u privatament, se tinsisti dwar il-ħelsien tal-attivisti arrestati u tal-priġunieri ta' kuxjenza; jistieden lill-VP / RGħ taħdem mal-Istati Membri biex tiżgura l-adozzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Baħrejn, li għandha tinkludi sejħa speċifika biex l-attivisti arrestati jinħelsu immedjament u mingħajr kundizzjoni;

13. Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Lega Għarbija li twaqqaf Qorti Għarbija tad-Drittijiet tal-Bniedem f’Manama u jesprimi t-tama tiegħu li din taf isservi ta’ katalist għad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun kollu; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Baħrejn, kif ukoll lis-sħab tiegħu fil-Lega Għarbija, jiżguraw l-integrità, l-imparzjalità, l-effiċjenza u l-kredibilità ta’ din il-Qorti;

14. Jitlob biex il-Kunsill jadotta miżuri xierqa fil-każ li l-proċess ta' riformi ma jitkompliex jew li s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem teħżien;

15. Jinkoraġġixxi t-twaqqif ta' moratorium uffiċjali dwar l-eżekuzzjonijiet bl-għan li titneħħa kompletament il-piena tal-mewt;

16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju tal-Baħrejn.