Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B8-0071/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B8-0071/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar l-eskalazzjoni tal-vjolenza bejn l-Iżrael u l-Palestina

16.7.2014 - (2014/2723(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
S&D (B8‑0071/2014)
PPE (B8‑0073/2014)
ECR (B8‑0074/2014)
ALDE (B8‑0075/2014)

Cristian Dan Preda, Arnaud Danjean, Jacek Saryusz-Wolski, Elmar Brok, Francisco José Millán Mon, Gunnar Hökmark, Michèle Alliot-Marie, Philippe Juvin f'isem il-Grupp PPE
Victor Boştinaru, Knut Fleckenstein f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock f'isem il-Grupp ECR
Annemie Neyts-Uyttebroeck, Louis Michel, Charles Goerens, Ivo Vajgl, Marielle de Sarnez, Jean-Marie Cavada, Pavel Telička, Gérard Deprez, Jozo Radoš, Nedzhmi Ali, Petras Auštrevičius, Fernando Maura Barandiarán f'isem il-Grupp ALDE


Proċedura : 2014/2723(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B8-0071/2014
Testi mressqa :
RC-B8-0071/2014
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-eskalazzjoni tal-vjolenza bejn l-Iżrael u l-Palestina

(2014/2723(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 123 (2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-kunflitt attwali qiegħed jikkaġuna mwiet traġiċi u tbatija inaċċettabbli għall-popolazzjonijiet ċivili taż-żewġ partijiet involuti;

B.  billi, fl-istqarrija tiegħu tat-12 ta' Lulju 2014, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU esprima tħassib serju rigward il-kriżi marbuta ma' Gaża, talab għal tnaqqis fl-eskalazzjoni tas-sitwazzjoni, għar-ritorn tal-kalma u għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-waqfien mill-ġlied ta' Novembru 2012, u għar-rispett tad-dritt umanitarju internazzjonali, inkluża l-protezzjoni taċ-ċivili, u esprima l-appoġġ tiegħu għat-tkomplija ta' negozjati diretti bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani bl-għan li jintlaħaq ftehim ta' paċi komprensiv abbażi tas-soluzzjoni ta' żewġ stati;

C. billi l-Eġittu ppropona pjan għall-waqfien mill-ġlied fl-14 ta' Lulju 2014, li sal-lum ġie aċċettat biss mill-Iżrael;

D. billi Ħamas huwa deżinjat bħala organizzazzjoni terroristika mill-UE;

E.  billi l-President Palestinjan Mahmoud Abbas talab lin-Nazzjonijiet Uniti biex iqiegħdu lill-Palestina taħt "protezzjoni internazzjonali" minħabba s-sitwazzjoni li sejra għall-agħar f'Gaża;

F.  billi d-dritt internazzjonali u umanitarju, inkluża r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra, japplika bis-sħiħ għall-partijiet kollha involuti fil-kunflitt;

G. billi t-taħditiet ta' paċi diretti bejn il-partijiet weħlu u l-isforzi reċenti kollha biex jitkomplew in-negozjati fallew; billi l-UE talbet lill-partijiet biex jaħdmu fuq azzjonijiet li jwasslu għal ambjent ta' fiduċja li hu meħtieġ biex ikun hemm negozjati sinifikanti, biex jieqfu l-azzjonijiet li jdgħajfu l-kredibbiltà tal-proċess u biex jiġi evitat l-inċitament;

1.  Jappella għat-tmiem tal-attakki bir-rokits fuq l-Iżrael mill-Istrixxa ta' Gaża, li Ħamas u l-gruppi armati l-oħra għandhom iwaqqfu minnufih, kif ukoll għat-tmiem tal-azzjoni militari Iżraeljana kontra Gaża;

2.  Jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu dwar is-sitwazzjoni kritika fl-Istrixxa ta' Gaża u fin-Nofsinhar tal-Iżrael; jibki t-telf ta' ħajjiet ta' ċivili, fosthom ħafna nisa u tfal; jiddenunzja l-qtil tat-tliet żgħażagħ Iżraeljani fit-12 ta' Ġunju u taż-żagħżugħ Palestinjan fit-2 ta' Lulju 2014, li ġie kkundannat b'mod universali; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi innoċenti kollha;

3.  Jisħaq li kemm iċ-ċittadini Iżraeljani kif ukoll dawk Palestinjani għandhom id-dritt jgħixu fil-paċi u fis-sigurtà; jisħaq fuq il-bżonn li ż-żewġ naħat jirrispettaw għalkollox id-dritt umanitarju internazzjonali, u li ma jista' jkun hemm l-ebda ġustifikazzjoni għal attakki mmirati deliberatament fuq ċivili innoċenti, fatt li jikkostitwixxi delitt tal-gwerra skont id-dritt internazzjonali, u għall-qerda ta' infrastruttura ċivili;

4.  Jappella għal tnaqqis minnufih fl-eskalazzjoni tal-kunflitt permezz ta' ftehim ta' waqfien mill-ġlied bejn iż-żewġ naħat u l-waqfien immedjat tal-atti ta' vjolenza kollha li jheddu l-ħajja taċ-ċittadini; jilqa' l-isforzi kollha biex tiġi nnegozjata tregwa permanenti bejn il-partijiet, u jistieden lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli u lill-Istati Membri biex iżidu l-pressjoni diplomatika sabiex dawn l-azzjonijiet jiġu appoġġati;

5.  Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali, u b'mod partikolari lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, sabiex mingħajr dewmien, tirreaġixxi b'mod adegwat u ssib soluzzjoni għall-kriżi attwali; iħeġeġġ lill-atturi reġjonali ewlenin, partikolarment lill-Eġittu u lill-Ġordan, biex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jikkalmaw is-sitwazzjoni; jilqa' d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Eġizzjani biex jiftħu l-qsim ta' Rafah biex jiffaċilitaw l-aċċess umanitarju lejn Gaża u jippermettu t-tranżitu ta' ċivili Palestinjani;

6.  Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ stati abbażi tal-fruntieri tal-1967, b'Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati, bi Stat tal-Iżrael sikur u bi Stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli li jgħixu flimkien fil-paċi u fis-sigurtà, li jkun jimplika t-tneħħija tal-imblokk tal-Istrixxa ta' Gaża; jisħaq, għal darb'oħra, fuq il-fatt li l-miżuri mhux vjolenti huma l-uniku mezz biex tinkiseb paċi ġusta u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani;

7.  Jitlob, f'dan l-ispirtu, għal sforzi serji u kredibbli miż-żewġ naħat u mill-komunità internazzjonali biex jitkomplew it-taħditiet ta' paċi diretti bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, biex jinkisbu riżultati konkreti f'dawn it-taħditiet; jerġa' jħeġġeġ lill-UE tiżvolġi rwol aktar attiv fl-isforzi li l-għan tagħhom huwa li tinkiseb paċi ġusta u dejjiema;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Mibgħut tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-Knesset u lill-Gvern tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, lill-Parlament u lill-Gvern tal-Eġittu u lill-Parlament u lill-Gvern tal-Ġordan.