Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B8-0311/2014Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B8-0311/2014

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni u r-rwol tat-test tal-SMEs

26.11.2014 - (2014/2967(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
PPE (B8‑0311/2014)
ECR (B8‑0312/2014)
ALDE (B8‑0313/2014)
S&D (B8‑0315/2014)
GUE/NGL (B8‑0316/2014)

Markus Pieper f'isem il-Grupp PPE
Jörg Leichtfried, Evelyn Regner, Patrizia Toia, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Victor Negrescu, Vilija Blinkevičiūtė f'isem il-Grupp S&D
Ashley Fox, Sajjad Karim, Anthea McIntyre f'isem il-Grupp ECR
Pavel Telička, Jean-Marie Cavada, António Marinho e Pinto f'isem il-Grupp ALDE
Dennis de Jong f'isem il-Grupp GUE/NGL


Proċedura : 2014/2967(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B8-0311/2014
Testi mressqa :
RC-B8-0311/2014
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni u r-rwol tat-test tal-SMEs

(2014/2967(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika li saret dan l-aħħar rigward ir-reviżjoni tal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-impatt (IA) tal-Kummissjoni u l-abbozz tal-linji gwida tal-IA riveduti korrispondenti,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar l-iżgurar ta' valutazzjonijiet tal-impatt indipendenti[1],

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-IAs, bħala għodda fi stadju bikri meta tkun qed tiġi żviluppata leġiżlazzjoni, jiżvolġu rwol kruċjali fl-aġenda tal-Kummissjoni għal regolamentazzjoni intelliġenti bl-iskop li jipprovdu evidenza trasparenti, komprensiva u ekwilibrata dwar l-effetti soċjali u ambjentali, il-valur miżjud ta' azzjoni mill-UE, il-piż regolatorju u amministrattiv mistenni kif ukoll l-ispejjeż u l-benefiċċji ta' mogħdijiet ta' azzjoni alternattivi għall-partijiet ikkonċernati kollha;

B.  billi l-linji gwida eżistenti tal-IA jipprevedu rwol ċentrali għas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni u għall-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt (IAB) fir-rigward tad-deċiżjoni dwar jekk IA hijiex meħtieġa jew le għal inizjattiva speċifika;

C. billi l-IAB għandu rwol importanti bħala punt ta' kontroll tal-kwalità ċentrali għall-IAs;

D. billi t-Trattati jinkludu klawżoli soċjali u ambjentali orizzontali – flimkien ma' obbligi li jitħarsu l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità – li jridu jitqiesu fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u tal-attivitajiet tal-Unjoni u li jeħtieġu analiżi dettaljata tal-impatt relevanti ta' kwalunkwe leġiżlazzjoni proposta;

E.  billi skont grupp ta' esperti tal-Kummissjoni, l-ispiża għal SME biex tikkonforma ma' regolament tista' tkun għaxar darbiet aktar mill-ispiża għal kumpaniji akbar; billi, għalhekk, IA xierqa u indipendenti hija ta' rilevanza partikolari għall-SMEs li spiss jiltaqgħu ma' aktar diffikultajiet minn intrapriżi kbar biex jadattaw għal rekwiżiti ġuridiċi u amministrattivi ġodda u, minħabba d-daqs tagħhom, huma inqas kapaċi jantiċipaw bidliet regolatorji fi stadju bikri;

F.  billi l-prinċipju "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir" huwa l-pedament tas-"Small Business Act" għall-Ewropa tal-2008; billi ilu jagħmel parti mil-linji gwida tal-IA mill-2009, u minn testi oħra tal-Kummissjoni mill-2005; billi dan il-prinċipju għandu l-għan li jqis l-interessi tal-SMEs fi stadji bikrin ħafna tat-tfassil tal-politika sabiex il-leġiżlazzjoni tkun aktar favorevoli għall-SMEs; billi hija disponibbli firxa wiesgħa ta' għodda sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi ta' dan il-prinċipju, inkluża l-applikazzjoni ta' test tal-SMEs għall-proposti leġiżlattivi fil-ġejjieni;

G. billi l-linji gwida attwali tal-IA jipprevedu gwida speċifika fis-sura ta' test tal-SMEs, fosthom għal miżuri possibbli ta' mitigazzjoni; billi l-abbozz tal-linji gwida riveduti ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni dwar it-test tal-SMEs;

H. billi valutazzjoni xierqa tal-emendi sostantivi tal-Parlament għall-proposta inizjali tal-Kummissjoni turi valur miżjud konsiderevoli biex tappoġġa l-pożizzjoni tal-Parlament fin-negozjati fil-qafas tat-trilogu;

Kamp ta' applikazzjoni

1.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni biex tirrevedi regolarment il-linji gwida tal-IA bil-għan li jittejbu l-proċeduri tal-IA;

2.  Jissottolinja l-fatt li l-Kummissjoni għandha tiżgura li l-aspetti ekonomiċi, soċjali, amministrattivi u ambjentali jiġu vvalutati fl-istess dettall;

3.  Huwa mħasseb, madankollu, mill-fatt li l-abbozz tal-linji gwida riveduti huwa ħafna inqas speċifiku mil-linji gwida eżistenti fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni għall-IAs u li l-abbozz iħalli ħafna aktar possibilità ta' interpretazzjoni f'idejn id-direttorat ġenerali responsabbli fir-rigward tad-deċiżjoni dwar jekk IA hijiex meħtieġa jew le; jemmen li l-prattiki eżistenti li jinvolvu l-IAB fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet għandhom jinżammu;

4.  Jemmen li l-Kummissjoni għandha żżomm l-approċċ eżistenti tagħha li tippreżenta IA għall-inizjattivi kollha li jissodisfaw tal-anqas wieħed minn dawn il-kriterji li ġejjin:

     (a) il-proposti leġiżlattivi inklużi fil-Programm Leġiżlattiv u ta' Ħidma tal-Kummissjoni (CLWP);

     (b) il-proposti leġiżlattivi li ma jkunux fil-Programm Leġiżlattiv u ta' Ħidma tal-Kummissjoni b'impatti ekonomiċi, amministrattivi, soċjali u ambjentali li jkunu identifikabbli b'mod ċar;

     (c) l-inizjattivi mhux leġiżlattivi li jiddefinixxu l-politiki għall-ġejjieni (eż. white papers, pjanijiet ta' azzjoni, programmi ta' nfiq u linji gwida għan-negozjar għal ftehimiet internazzjonali);

     (d) atti delegati jew ta' implimentazzjoni mdaħħla mill-Kummissjoni – u l-aġenziji tagħha meta jkun relevanti – li x'aktarx ikollhom impatti identifikabbli sinifikanti ekonomiċi, soċjali, ambjentali u fuq il-piż amministrattiv;

5.  Jinnota li l-valutazzjoni tal-impatt trid tkun rigoruża, komprensiva u bbażata fuq l-informazzjoni l-aktar eżatta, objettiva u kompleta disponibbli, b'analiżi li tkun proporzjonata u li tiffoka fuq l-għan u l-objettiv tal-proposta, sabiex tippermetti deċiżjoni politika informata sew;

6.  Huwa konvint li l-IAs huma mezz importanti ta' appoġġ għat-teħid ta' deċiżjonijiet fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE u huma parti importanti tal-proċess ta' regolamentazzjoni aħjar; madankollu, jirrikonoxxi l-fatt li l-IAs ma jistgħux jieħdu post l-evalwazzjonijiet u d-deċiżjonijiet politiċi;

7.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġu kkonsultati l-partijiet ikkonċernati kollha fi stadju bikri tal-proċess tal-IA sabiex l-input tagħhom ikun jista' jitqies meta l-IAs ikunu qed jitfasslu, u qabel ma jiġu ppubblikati;

8.  Jinnota li l-kamp ta' applikazzjoni ta' IA jista' ma jikkorrispondix mal-proposti adottati meta dawn jinbidlu ladarba jitressqu għal approvazzjoni mill-Kulleġġ tal-Kummissarji; jitlob li l-abbozz tal-linji gwida riveduti jinkludi dikjarazzjoni li l-IA għandha tiġi aġġornata biex tiżgura l-kontinwità bejn il-kwistjonijiet ikkunsidrati fiha u kwalunkwe proposta li finalment tiġi adottata mill-Kummissjoni;

Il-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt (IAB)

9.  Jesprimi tħassib serju għall-fatt li r-rwol tal-IAB fil-proċess tal-IA mhuwiex definit b'mod aktar ċar fl-abbozz tal-linji gwida riveduti; jinsisti bil-qawwa li l-Kummissjoni terġa' tikkunsidra din l-omissjoni u tistabbilixxi b'mod aktar ċar proċeduri relatati mal-IAB f'sett ġdid ta' abbozz tal-linji gwida riveduti fir-reazzjoni tagħha għal din ir-riżoluzzjoni adottata mill-Parlament;

10. Iqis li tali proċeduri ġodda għandhom jistabbilixxu b'mod ċar, li jiftiehem u trasparenti, il-proċess ta' sottomissjoni, reviżjoni u approvazzjoni aħħarija tal-IAs ippreżentati lill-IAB;

11. Itenni l-fehma tiegħu li m'għandhomx jiġu adottati proposti mill-Kummissjoni sakemm ma jkunux akkumpanjati minn opinjoni pożittiva mill-IAB;

12. Ifakkar ukoll lill-Kummissjoni dwar it-talba tal-Parlament li tissaħħaħ l-indipendenza tal-IAB, u b'mod partikolari li membri tal-IAB ma jkunux soġġetti għal kontroll politiku; iqis li l-IAB għandu jkun magħmul biss minn persuni bi kwalifiki għoljin li jkunu kompetenti biex jivvalutaw l-analiżi ppreżentata fir-rigward tal-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali;

It-test tal-SMEs

13. Ifakkar li fir-rieżami tagħha tal-2011 dwar is-"Small Business Act", il-Kummissjoni qieset li kienet ħasra li tmien Stati Membri biss kienu integraw it-test tal-SMEs fil-proċessi nazzjonali tagħhom tat-teħid ta' deċiżjonijiet; jitlob lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri biex ixerrdu aħjar il-prinċipji tat-test tal-SMEs fil-kuntest tal-proċeduri nazzjonali, b'appoġġ għall-politika dwar l-SMEs;

14. Jilqa' l-impenn ċar li l-Kummissjoni ħadet f'dak ir-rieżami biex issaħħaħ ulterjorment it-test tal-SMEs; jiddeplora, madankollu, il-fatt li, bil-kontra għal dak li tħabbar, it-test tal-SMEs lanqas biss hu msemmi fl-abbozz tal-linji gwida riveduti tal-IA;

15. Ifakkar li l-Kummissjoni, fis-"Small Business Act", impenjat ruħha li timplimenta l-prinċipju "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir" fit-tfassil tal-politika tagħha, u li dan jinkludi t-test tal-SMEs biex jivvaluta l-impatt tal-leġiżlazzjoni fil-ġejjieni u l-inizjattivi amministrattivi dwar l-SMEs; jenfasizza li huwa vitali li jiġi żgurat li dan it-test jitwettaq sew, u jqis li hemm marġini sinifikanti ta' progress li għad irid isir;

16. Jinsisti li t-test tal-SMEs, kif stabbilit fl-Anness 8 tal-linji gwida, għandu jinżamm sabiex jiġi evitat li l-SMEs jintlaqtu b'mod sproporzjonat jew jiġu żvantaġġati mill-inizjattivi tal-Kummissjoni meta mqabbla ma' kumpaniji kbar;

17. Jisħaq fuq il-fatt li f'każijiet bħal dawn, l-IA għandha tinkludi għażliet li jkopru mekkaniżmi u/jew flessibbiltajiet alternattivi sabiex jgħinu lill-SMEs jikkonformaw mal-inizjattiva (kif previst fl-Anness 8.4); jilqa', f'dan ir-rigward, l-esklużjoni tal-mikrointrapriżi mill-kamp ta' applikazzjoni tal-proposta leġiżlattiva bħala għażla politika ddikjarata fl-abbozz tal-linji gwida riveduti; jemmen, madankollu, li l-eżenzjoni awtomatika tal-mikrointrapriżi mhux dejjem tista' tkun l-aħjar approċċ, u li għalhekk dan irid jiġi vvalutat każ b'każ għal kull proposta sabiex tiġi riflessa l-politika tal-inverżjoni tal-oneru tal-provi, jiġifieri li l-mikrointrapriżi għandhom jibqgħu barra l-kamp ta' applikazzjoni tal-proposti sakemm ma jintweriex li għandhom jiġu inklużi; jappoġġa l-kunsiderazzjoni ta' soluzzjonijiet adattati u reġimi eħfef għall-SMEs fl-IAs meta dan ma jillimitax b'mod inadegwat l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni;

Applikazzjoni u monitoraġġ

18. Jinnota li l-forma aħħarija ta' att leġiżlattiv tista' tkun ferm differenti mill-proposta adottata mill-Kummissjoni; jemmen li jkun utli li titħejja sinteżi tal-benefiċċji u l-ispejjeż stmati għal atti leġiżlattivi adottati, u li din tkun aġġornata biex tirrifletti bidliet mill-analiżi li hija inkluża fl-IA bħala riżultat ta' emendi li saru matul il-proċess leġiżlattiv; iqis li l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-impatt ta' proposta jkunu ssimplifikati b'eżerċizzju bħal dan;

L-istabbiliment ta' Korp Konsultattiv dwar Regolamentazzjoni Aħjar

19. Jirrikonoxxi l-ħidma u r-rapport finali tal-Grupp ta' Livell Għoli għall-Piżijiet Amministrattivi, skont il-mandat tal-Kummissjoni; ifakkar fl-intenzjoni tal-Kummissjoni, kif iddikjarat fil-komunikazzjoni l-aktar reċenti tagħha dwar ir-REFIT (Ġunju 2014), li tistabbilixxi grupp ġdid ta' livell għoli dwar ir-regolamentazzjoni aħjar, li jikkonsisti minn rappreżentanti ta' partijiet ikkonċernati u esperti nazzjonali;

20. Jipproponi li l-Kummissjoni tistabbilixxi mill-aktar fis possibbli lil dan il-grupp bħala Korp Konsultattiv dwar Regolamentazzjoni Aħjar ta' livell għoli li jinvolvi kemm il-kompetenzi tal-partijiet ikkonċernati kif ukoll l-esperti nazzjonali; jipproponi mandat konsultattiv qawwi u indipendenti għal dan il-korp, li għandu jikkomplementa l-ħidma tal-Kummissjoni dwar l-IAs; jemmen li l-kompetenzi ta' tali korp, anke fir-rigward tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, jistgħu jipprovdu valur miżjud għall-proċedura tal-IA u għal inizjattivi oħra relatati mar-regolamentazzjoni aħjar; jitlob li l-Parlament u l-Kunsill jiġu involuti fil-proċedura tan-nomina ta’ esperti; jissuġġerixxi li jitqiesu l-aħjar prattiki u l-esperjenza tal-korpi eżistenti għal regolamentazzjoni aħjar (bħal dawk fl-Isvezja, fir-Repubblika Ċeka, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fir-Renju Unit u fil-Ġermanja);

21. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq abbozz ġdid tal-linji gwida riveduti tal-IA, li jqis il-punti enfasizzati minn din ir-riżoluzzjoni u l-istruttura tal-Kummissjoni li għadha kif ġiet introdotta, b'mod partikolari r-rwol tal-Viċi President il-ġdid inkarigat mir-Regolamentazzjoni Aħjar;

Il-valutazzjonijiet tal-impatt fil-Parlament

22. Jitlob li l-IAs tal-Kummissjoni jiġu eżaminati mill-Parlament, b'mod sistematiku u kemm jista' jkun malajr, b’mod partikolari fil-livell tal-kumitati;

23. Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar il-garanzija li l-valutazzjonijiet tal-impatt ikunu indipendenti, u li fiha talab li jsir użu aktar konsistenti mill-valutazzjonijiet tal-impatt parlamentari, strument li diġà huwa disponibbli; ifakkar li intestatura baġitarja speċifika u servizzi dedikati huma disponibbli biex ikopru t-twettiq tal-IAs; iqis li r-rikors għal IA parlamentari huwa partikolarment meħtieġ meta jkunu ddaħħlu bidliet sostantivi għall-proposta inizjali tal-Kummissjoni;

Il-valutazzjonijiet tal-impatt fil-Kunsill Ewropew

24. Jistenna li l-Kunsill jonora l-impenn tiegħu li jivvaluta b'mod sistematiku l-impatt tal-emendi sostantivi tiegħu stess;

 

°

°         °

 

 

25.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.