Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B8-0367/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B8-0367/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar l-aħħar traġedji fil-Mediterran u l-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil

28.4.2015 - (2015/2660(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
PPE (B8‑0367/2015)
Verts/ALE (B8‑0378/2015)
ALDE (B8‑0380/2015)
S&D (B8‑0384/2015)

Monika Hohlmeier, Roberta Metsola, Elmar Brok, Cristian Dan Preda, Andrej Plenković, Arnaud Danjean, Elisabetta Gardini, Ramón Luis Valcárcel, Davor Ivo Stier, Lara Comi, Dubravka Šuica, Fernando Ruas, Barbara Matera, Alessandra Mussolini, Massimiliano Salini, Lorenzo Cesa, Ivo Belet f'isem il-Grupp PPE
Gianni Pittella, Tanja Fajon, Jörg Leichtfried, Birgit Sippel, Enrique Guerrero Salom, Claude Moraes, Kashetu Kyenge, Soledad Cabezón Ruiz f'isem il-Grupp S&D
Guy Verhofstadt, Cecilia Wikström, Louis Michel, Frédérique Ries, Marielle de Sarnez, Philippe De Backer, Nathalie Griesbeck, Gérard Deprez, Hilde Vautmans f'isem il-Grupp ALDE
Ska Keller, Judith Sargentini, Jean Lambert f'isem il-Grupp Verts/ALE


Proċedura : 2015/2660(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B8-0367/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-aħħar traġedji fil-Mediterran u l-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil

(2015/2660(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 u l-protokoll addizzjonali tagħha,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-flussi migratorji fil-Mediterran, b'attenzjoni partikolari għall-ġrajjiet traġiċi ftit 'il barra minn Lampedusa[1],

–   wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni dwar il-ħidma tat-Task Force fil-Mediterran,

–   wara li kkunsidra d-dibattitu dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni, li sar fil-Parlament fil-25 ta' Novembru 2014,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni[2],

–   wara li kkunsidra l-inizjattiva tal-Baħar Mediterran Ċentrali tal-UNHCR u l-proposti tal-UNHCR biex jiġu indirizzati l-wasliet attwali u futuri tal-persuni li jfittxu l-asil, ir-rifuġjati u l-migranti fl-Ewropa,

–   wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni fuq għaxar punti dwar il-migrazzjoni tal-Kunsill Konġunt tal-Affarijiet Barranin u l-Affarijiet Interni tal-20 ta' April 2015,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-summit speċjali tal-Kunsill tal-UE dwar il-kriżi tar-rifuġjati fil-Mediterran tat-22 ta' April 2015,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi, skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), mill-bidu ta' din is-sena mietu aktar minn 1 500 persuna fil-Baħar Mediterran;

B.  billi skont l-IOM hu kkalkolat li 23 918-il migrant laħqu l-kosta Taljana mill-1 ta' Jannar 2015 'l hawn; billi skont l-awtoritajiet Griegi, 10 445 migrant ġew salvati mill-gwardja tal-kosta Griega fil-Baħar Eġew fl-ewwel kwart tal-2015;

C. billi l-forzi marittimi Taljani, il-Gwardja tal-Kosta Taljana, il-qawwa Navali Taljana u bosta bastimenti kummerċjali wettqu operazzjonijiet bla heda biex isalvaw lill-migranti fil-periklu fuq il-Baħar Mediterran, u salvaw madwar 10 000 migrant f'sitt ijiem mill-Ġimgħa 10 ta' April sal-Ħamis 16 ta' April 2015;

D. billi l-aħħar operazzjoni ddedikata biss għat-tfittxija u s-salvataġġ fil-Mediterran, Mare Nostrum, salvat 150 810 migrant matul perjodu ta’ 364 jum; billi bħalissa, stimi inizjali mhumiex qed juru tnaqqis fl-għadd ta' migranti li qed jaqsmu l-Mediterran;

E.  billi proporzjon ikbar ta’ nies li qed jippruvaw jaqsmu l-Mediterran qegħdin jaħarbu mill-kunflitti jew mill-persekuzzjoni fis-Sirja, l-Iraq, l-Eritrea, is-Somalja u l-Libja; billi madwar 700 migrant huma nieqsa u maħsuba mgħarrqa wara li d-dgħajsa tas-sajd tal-injam li kienu mgħaffġin fuqha nqalbet qrib il-Libja hekk kif bastiment merkantili Portugiż kien dirett lejhom biex jagħtihom l-għajnuna tard is-Sibt 18 ta' April; billi wieħed minn dawk li salvaw ġie rrapurtat li informa lill-awtoritajiet Taljani li seta’ kien hemm massimu ta' 950 persuna abbord; billi traġedja simili seħħet aktar kmieni dan ix-xahar, fejn kien irrapurtat li 400 migrant kienu tilfu ħajjithom fuq il-baħar meta nqalbet dgħajsa tas-sajd tal-injam b'madwar 550 persuna abbord;

F.  billi l-operazzjoni konġunta "Triton" b'koordinament tal-Frontex, bdiet taħdem kompletament fl-1 ta' Novembru 2014, b'baġit inizjali ta' EUR 2.9 miljun fix-xahar biss, meta mqabbel ma' aktar minn EUR 9 miljuni fix-xahar għal Mare Nostrum; billi aktar minn 24 400 migrant irregolari ġie salvat fuq ir-rotta tal-Mediterran ċentrali mit-tnedija tal-Operazzjoni Konġunta "Triton" 'l hawn, inkluż madwar 7 860 bil-parteċipazzjoni tal-assi kofinanzjati mill-Frontex;

G. billi l-kuntrabandisti u t-traffikanti tal-bnedmin jisfruttaw il-migrazzjoni irregolari u jipperikolaw il-ħajjiet tal-migranti għall-gwadann finanzjarju tagħhom, huma responsabbli għal eluf ta' mwiet, u jirrappreżentaw sfida serja għall-UE u għall-Istati Membri; billi t-traffikanti jiġġeneraw profitti ta' EUR 20 biljun fis-sena mill-attivitajiet kriminali tagħhom; billi skont il-Europol, il-gruppi kriminali organizzati li qegħdin jiffaċilitaw b'mod attiv it-trasport tal-migranti irregolari fil-Baħar Mediterran, kellhom rabta mat-traffikar tal-bnedmin, drogi, armi tan-nar u t-terroriżmu; billi fis-17 ta' Marzu 2015 il-Europol nieda t-Tim Operattiv Konġunt tiegħu "Mare" biex jindirizza dawn il-gruppi kriminali;

H. billi l-instabbiltà u l-kunflitt reġjonali qegħdin ikollhom impatt fuq l-influss qawwi ta' migranti u l-flussi ta' persuni spostati u għalhekk, fuq l-għadd ta' individwi li qegħdin jippruvaw jaslu fl-UE; billi l-espansjoni rapida tal-IS u tad-Da’esh fiż-żoni ta' kunflitt tal-viċinat, fl-aħħar mill-aħħar se tħalli impatt fuq l-influss tal-massa tal-migranti u l-flussi ta' persuni spostati;

1.  Jesprimi dispjaċir u sogħba qawwija għat-telf traġiku ripetut ta’ ħajjiet fil-Mediterran; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jkomplu jibnu fuq il-kooperazzjoni eżistenti u jagħmlu dak kollu possibbli ħalli jipprevjenu aktar imwiet fuq il-baħar; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jagħmlu ħilithom sabiex jidentifikaw l-iġsma u l-persuni neqsin, u jinformaw lil qrabathom;

2.  Jappella lill-UE u lill-Istati Membri jipprovdu r-riżorsi meħtieġa biex jiżguraw li l-obbligi ta’ tfittxija u salvataġġ jiġu ssodisfati b’mod effikaċi u li għalhekk jiġu ffinanzjati kif inhu xieraq; jistieden lill-Istati Membri jkomplu juru solidarjetà u impenn billi jżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-baġits u l-operazzjonijiet ta' Frontex u tal-EASO, u jimpenja ruħu li jipprovdi lil dawn l-aġenziji bir-riżorsi (umani u tagħmir) neċessarji sabiex jiġu ssodisfati l-obbligi tagħhom, u dan permezz tal-baġit tal-UE u l-fondi rilevanti tiegħu;

3.  Itenni l-ħtieġa li l-UE ssejjes r-reazzjoni tagħha għal dawn l-aħħar traġedji fil-Mediterran fuq is-solidarjetà u l-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà, kif iddikjarat fl-Artikolu 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u tieħu approċċ Ewropew komprensiv; itenni l-ħtieġa li l-UE tintensifika l-kondiviżjoni ġusta ta’ responsabbiltà u solidarjetà għal dawk l-Istati Membri li jirċievu l-ogħla numru ta’ rifuġjati u persuni li jfittxu l-asil f’termini assoluti jew f'termini proporzjonali;

4.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-Kunsill Ewropew li jsaħħaħ l-operazzjoni tal-UE Triton permezz ta’ aktar fondi u assi; iħeġġeġ lill-UE tistabbilixxi mandat ċar għal Triton sabiex tespandi ż-żona ta' operazzjoni li għandu u żżid il-mandat tiegħu għal operazzjonijiet ta' tfittxija u salvataġġ fil-livell tal-UE;

5.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kunsill Ewropew dwar l-ipproċessar konġunt tal-applikazzjonijiet għall-asil bl-appoġġ tat-timijiet tal-EASO; jistieden lill-Kummissjoni tespandi l-mandat tal-EASO biex tkabbar ir-rwol operattiv tiegħu fl-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal asil;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-possibilitajiet eżistenti għall-ħruġ ta' viżi umanitarji fl-ambaxxati u l-uffiċċji konsulari tagħhom; jindika f'dan ir-rigward, li l-Kunsill għandu jqis serjament il-possibilità li jagħti bidu għad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja tal-2001 jew għall-Artikolu 78(3) tat-TFUE, li t-tnejn jipprevedu mekkaniżmu ta’ solidarjetà fil-każ ta’ influssi tal-massa jew f’daqqa ta’ persuni spostati;

7.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu kontribuzzjonijiet akbar għall-programmi eżistenti ta' risistemazzjoni, speċjalment dawk l-Istati Membri li ma kkontribwixxew xejn;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi kwota vinkolanti għad-distribuzzjoni fost l-Istati Membri kollha tal-persuni li jfittxu asil;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw il-possibbiltà ta' proċessar rapidu b'kollaborazzjoni ma' pajjiżi terzi ta' tranżitu u oriġini u ta' ritorn sikuri għal dawk li ma jikkwalifikawx għall-asil u l-protezzjoni fl-UE, filwaqt li jiġi żgurat li r-riżorsi jintużaw bl-aħjar mod għal dawk li jirrikjedu l-protezzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jitħeġġu l-politiki ta' ritorn volontarju filwaqt li tiġi garantita l-protezzjoni tad-drittijiet għall-migranti kollha u jkun żgurat aċċess sikur u legali għas-sistema tal-asil tal-UE, b'rispett dovut tal-prinċipju tan-non refoulement;

10. Jilqa' l-fatt li l-VP/RGħ u l-Presidenza Latvjana laqqgħu minnufih kunsill konġunt straordinarju tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin u l-Ministri tal-Intern fil-Lussemburgu, u jilqa' l-fatt li l-Istati Membru laqqgħu minnufih summit straordinarju sabiex isibu soluzzjonijiet komuni bi tweġiba għas-sitwazzjoni ta' kriżi fil-Mediterran; jinnota li sar l-ewwel dibattitu wiesa' dwar l-għażliet għas-salvataġġ tal-ħajjiet, il-ġlieda kontra l-kuntrabandisti u t-traffikanti u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà fost l-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-ilqugħ u l-protezzjoni; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw l-impenn ulterjorment, u jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' impenn min-naħa tal-Kunsill Ewropew li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' solidarjetà vinkolanti u kredibbli madwar l-UE kollha;

11. Jitlob traspożizzjoni rapida u sħiħa u implimentazzjoni effettiva tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil mill-Istati Membri parteċipanti kollha, biex b'hekk jiġu żgurati standards Ewropej komuni, inkluż kundizzjonijiet ta' lqugħ tal-persuni li jfittxu asil u r-rispett tad-drittijiet fundamentali, kif previst skont il-leġiżlazzjoni eżistenti;

12. Jitlob koordinament aktar mill-qrib tal-politiki tal-UE u tal-Istati Membri sabiex jiġu indirizzati l-kawżi bażiċi tal-migrazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa ta’ approċċ olistiku tal-UE, li jsaħħaħ il-koerenza tal-politiki interni u esterni tagħha u b’mod partikolari l-politika estera u ta’ sigurtà komuni, il-politika tal-iżvilupp u l-politika dwar il-migrazzjoni tagħha; jitlob it-tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-UE ma’ pajjiżi sħab fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika biex jiġu promossi d-demokrazija, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, is-sigurtà u l-prosperità;

13. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-pajjiżi terzi jistabbilixxu sanzjonijiet kriminali l-aktar qawwija kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu kemm lejn l-UE kif ukoll fi ħdanha, u anke kontra individwi jew gruppi li jisfruttaw lill-migranti vulnerabbli fl-UE, filwaqt li jiżguraw li l-individwi li jgħinu lill-persuni li jfittxu asil u l-bastimenti f'diffikultà ma jiġux imħarrka;

14. Jistieden lill-Istati Membri jaħdmu mill-qrib mal-Europol, il-Frontex, l-EASO u l-Eurojust fil-ġlieda kontra traffikanti tal-bnedmin u netwerks kriminali ta’ kuntrabandisti, u li jidentifikaw u jittraċċaw il-finanzjament tagħhom u jidentifikaw il-mod kif joperaw sabiex iwaqqfuhom milli jagħmlu l-flus billi jpoġġu l-ħajjiet tal-migranti f’riskju; jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, b'mod partikolari dawk li jinsabu madwar il-Libja, fattur indispensabbli biex netwerks kriminali bħal dawn jitneħħew b'suċċess, u li dan għandu jsir kemm f'termini ta' taħriġ ta' infurzar tal-liġi u kemm ta' forniment ta' servizzi ta' informazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li l-pajjiżi terzi jirrispettaw id-dritt internazzjonali rigward is-salvataġġ tal-ħajjiet fuq il-baħar, u jiżguraw il-protezzjoni tar-rifuġjati u r-rispett tad-drittijiet fundamentali;

15. Jenfasizza li jeħtieġ li jiġu indirizzati l-kawżi primarji tal-vjolenza u tas-sottożvilupp fil-pajjiżi ta’ oriġini sabiex jitwaqqaf il-fluss ta’ rifuġjati u migranti ekonomiċi; jinnota, f'dan il-kuntest, li t-tisħiħ sinifikanti tal-istrutturi ta' governanza bil-bini ta' istituzzjonijiet pubbliċi effikaċi u inklużivi, l-iżgurar ta' bini tal-kapaċità f'sistemi ta' asil ta' pajjiżi terzi, l-istabbiliment tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni endemika fil-livelli kollha, kif ukoll il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u ta' demokrazija ulterjuri, għandhom ikunu l-prijoritajiet ewlenin għall-gvernijiet kollha fil-pajjiżi tal-oriġni;

16. Itenni l-appoġġ tiegħu għan-negozjati kollha mmexxija min-NU intiżi biex jistabbilixxu mill-ġdid l-awtorità tal-gvern fil-Libja, u l-impenn tagħha li żżid l-isforzi sabiex tindirizza l-kunflitti u l-instabbiltà fil-Libja u fis-Sirja; jenfasizza li l-ħolqien ta' stabbiltà reġjonali f'żoni ta' kunflitt huwa essenzjali għat-tnaqqis ta' aktar spostament ta' individwi;

17. Ifakkar li l-għan ta' din ir-riżoluzzjoni huwa li jiġu indirizzati l-avvenimenti traġiċi reċenti fil-Mediterran u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta' April 2015, u li jiġi propost sett ta' miżuri urġenti li għandhom jittieħdu minnufih, b'kunsiderazzjoni tal-fatt li l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, li huwa l-kumitat kompetenti fi kwistjonijiet bħal dawn, bħalissa qed ifassal rapport li se jirrifletti l-orjentazzjoni politika tal-Parlament fuq perjodu medju u fit-tul b'rabta mal-migrazzjoni;

18. Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa u tressaq aġenda Ewropea ambizzjuża dwar il-migrazzjoni, li tkun tqis l-aspetti kollha tal-migrazzjoni;

19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.