Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B8-0342/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B8-0342/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

9.3.2016 - (2016/2609(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
Verts/ALE (B8-0342/2016)
ECR (B8-0350/2016)
EFDD (B8-0372/2016)
PPE (B8-0374/2016)
ALDE (B8-0379/2016)
S&D (B8-0381/2016)

Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Mariya Gabriel, Tunne Kelam, Davor Ivo Stier, Andrej Plenković, Roberta Metsola, Eva Paunova, Jarosław Wałęsa, Maurice Ponga, Bogdan Brunon Wenta, Andrey Kovatchev, Lorenzo Cesa, Claude Rolin, Patricija Šulin, Milan Zver, Giovanni La Via, Dubravka Šuica, Ivan Štefanec, Jaromír Štětina, Pavel Svoboda, Ramona Nicole Mănescu, Thomas Mann, Elisabetta Gardini, Lara Comi, Stanislav Polčák, Tomáš Zdechovský, Ivana Maletić, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Michaela Šojdrová, Massimiliano Salini, Romana Tomc, Sven Schulze, David McAllister, Csaba Sógor, Luděk Niedermayer, Anna Záborská, Joachim Zeller, Adam Szejnfeld, Jiří Pospíšil, Marijana Petir, Barbara Matera, Salvatore Cicu, Therese Comodini Cachia, László Tőkés, József Nagy, Krzysztof Hetman, Inese Vaidere on behalf of the PPE Group
Pier Antonio Panzeri, Maria Arena, Kashetu Kyenge, Norbert Neuser, Victor Boştinaru, Knut Fleckenstein, Richard Howitt, Hugues Bayet, Brando Benifei, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Soledad Cabezón Ruiz, Nicola Caputo, Andrea Cozzolino, Andi Cristea, Miriam Dalli, Nicola Danti, Isabella De Monte, Doru-Claudian Frunzulică, Enrico Gasbarra, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Neena Gill, Ana Gomes, Enrique Guerrero Salom, Michela Giuffrida, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Cătălin Sorin Ivan, Liisa Jaakonsaari, Afzal Khan, Jeppe Kofod, Marju Lauristin, Krystyna Łybacka, Marlene Mizzi, Sorin Moisă, Victor Negrescu, Momchil Nekov, Demetris Papadakis, Emilian Pavel, Vincent Peillon, Pina Picierno, Tonino Picula, Kati Piri, Miroslav Poche, Liliana Rodrigues, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Monika Smolková, Renato Soru, Tibor Szanyi, Marc Tarabella, Patrizia Toia, Elena Valenciano, Julie Ward, Josef Weidenholzer, Flavio Zanonato, Damiano Zoffoli on behalf of the S&D Group
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Anna Elżbieta Fotyga, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Tomasz Piotr Poręba, Valdemar Tomaševski, Ruža Tomašić, Angel Dzhambazki, Branislav Škripek, Monica Macovei on behalf of the ECR Group
Charles Goerens, Nedzhmi Ali, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Marielle de Sarnez, Martina Dlabajová, Fredrick Federley, María Teresa Giménez Barbat, Nathalie Griesbeck, Marian Harkin, Filiz Hyusmenova, Ivan Jakovčić, Ilhan Kyuchyuk, Valentinas Mazuronis, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Marietje Schaake, Hannu Takkula, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Paavo Väyrynen, Cecilia Wikström on behalf of the ALDE Group
Jordi Sebastià, Maria Heubuch, Heidi Hautala, Judith Sargentini, Bart Staes, Michèle Rivasi, Barbara Lochbihler, Ernest Urtasun, Bodil Valero, Igor Šoltes, Bronis Ropė, Davor Škrlec on behalf of the Verts/ALE Group
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Piernicola Pedicini, Laura Agea, Laura Ferrara, Isabella Adinolfi, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD


Proċedura : 2016/2609(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B8-0342/2016
Testi mressqa :
RC-B8-0342/2016
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo:

(2016/2609(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), b'mod partikolari dawk tad-9 ta' Lulju 2015[1] u tas-17 ta' Diċembru 2015[2],

–  wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta għall-istampa tas-16 ta' Frar 2016 tal-Unjoni Afrikana, in-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Internazzjonali La Francophonie dwar il-ħtieġa ta' djalogu politiku inklużiv fir-RDK u l-impenn tagħhom li jappoġġaw atturi Kongoliżi fl-isforzi tagħhom għall-konsolidazzjoni tad-demokrazija fil-pajjiż,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-UE tad-19 ta' Novembru 2015 wara t-tnedija tad-djalogu nazzjonali fir-RDK,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tad-9 ta' Novembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fir-RDK,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-UE tal-21 ta' Ottubru 2015 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem għas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tat-12 ta' Ottubru 2015 dwar ir-riżenja tal-kap tal-Kummissjoni Elettorali fir-RDK,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar ir-RDK, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 2198 (2015) dwar it-tiġdid tar-reġim ta' sanzjonijiet tar-RDK u l-mandat tal-Grupp ta' Esperti u 2211 (2013), li ġeddet il-mandat tal-Missjoni ta' Stabbilizzazzjoni tan-NU fir-RDK (MONUSCO),

–  wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta għall-istampa tat-2 ta' Settembru 2015 tal-Tim ta' Mibgħuta u Rappreżentanti Internazzjonali għar-reġjun tal-Lagi l-Kbar tal-Afrika dwar l-elezzjonijiet fir-RDK,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tas-27 ta' 2015 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivitajiet tal-Uffiċċju Konġunt tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fir-RDK (UNJHRO),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-25 ta' Jannar 2015 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Federica Mogherini, insegwitu tal-adozzjoni tal-liġi elettorali l-ġdida fir-RDK,

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-12 ta' Jannar 2015 tal-Grupp ta' Esperti tan-NU dwar ir-RDK,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet ta' Najrobi ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas għall-Paċi, is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni għar-RDK u r-Reġjun, iffirmat f'Addis Ababa fi Frar 2013,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Ġunju 1981,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Kongo tat-18 ta' Frar 2006,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-elezzjonijiet leġiżlattivi u presidenzjali li jmiss, li huma skedati li jsiru f'Novembru 2016, jistgħu jikkostitwixxu opportunità ulterjuri għal tranżizzjoni demokratika tal-poter;

B.  billi l-mandat tal-President tar-RDK huwa kostituzzjonalment limitat għal żewġ termini;

C.  billi l-President Joseph Kabila, li ilu fil-poter sa mill-2001, ġie akkużat mill-avversarji tiegħu li rrikorra għal mezzi amministattivi u tekniċi biex jipprova jdewwem l-elezzjonijiet u jibqa' fil-poter lil hinn mill-mandat tiegħu, u għad irid jiddikjara pubblikament li se jirriżenja fit-tmiem tal-mandat tiegħu; billi din is-sitwazzjoni kkawżat tensjoni politika, kunflitti u vjolenza li dejjem qed jikbru fil-pajjiż kollu;

D.  billi ġew espressi dubji dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti (CENI);

E.  billi minn Jannar 2015, uffiċjali tas-sigurtà u tal-intelligence Kongoliżi wettqu azzjonijiet repressivi fir-rigward ta' attivisti paċifiċi, mexxejja politiċi u oħrajn li jopponu t-tentattivi tal-President Kabila li jimmodifika l-Kostituzzjoni sabiex jibqa' fil-poter lil hinn mil-limitu ta' żewġ termini previst mill-Kostituzzjoni; billi l-gruppi tad-drittijiet tal-bniedem qed jirrappurtaw b'mod kontinwu d-deterjorament tas-sitwazzjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda fir-RDK, inkluż l-użu ta' forza eċċessiva kontra dimostranti paċifiċi u żieda fin-numru ta' proċessi politikament motivati; billi l-MONUSCO rreġistrat aktar minn 260 każ ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatati mal-elezzjoni, l-aktar kontra avversarji politiċi, is-soċjetà ċivili u ġurnalisti, matul is-sena li għaddiet; billi l-UNJHRO fir-RDK iddikjara li rreġistra aktar minn 400 każ ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi 52 arrest, sa mill-bidu tal-2016;

F.  billi f'Ġunju 2015 il-President Kabila ħabbar it-tnedija ta' djalogu nazzjonali; billi t-tħejjijiet formali għal tali djalogu għadhom ma bdewx, peress li żewġ gruppi kbar tal-oppożizzjoni ddeċidew li ma jipparteċipawx għaliex huma jqisu li din hija tattika ta' dewmien;

G.  billi f'Settembru 2015 seba' persuni politiċi ta' livell għoli tkeċċew mill-koalizzjoni fil-gvern tar-RDK għar-raġuni li huma ffirmaw ittra lill-President Kabila li tħeġġu jikkonforma mal-Kostituzzjoni u ma jibqax iggranfat mal-poter wara li jintemm it-terminu tiegħu; billi fl-istess xahar kien hemm ġlied vjolenti f'Kinshasa, fejn dimostranti li kienu qed jopponu kwalunkwe tentattiv għat-tielet mandat antikostituzzjonali ġew attakkati b'mod vjolenti;

H.  billi dawk detenuti arbitrarjament jinkludu lil Yves Makwambala u Fred Bauma, attivisti tad-drittijiet tal-bniedem tal-moviment Filimbi (“Whistle”), u t-tnejn li huma ġew arrestati talli pparteċipaw f'workshop maħsub biex jinkoraġġixxi liż-żgħażagħ Kongoliżi jwettqu d-dmirijiet ċiviċi tagħhom b'mod paċifiku u responsabbli, u li issa ilhom il-ħabs għal 11-il xahar u r-rilaxx tagħhom diġà ġie mitlub mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tad-9 ta' Lulju 2015;

I.  billi l-mexxejja tal-partiti ewlenin tal-oppożizzjoni tal-Kongo, organizzazzjonijiet mhux governattivi u movimenti taż-żgħażagħ favur id-demokrazija appellaw liċ-ċittadini Kongoliżi biex jibqgħu d-dar u ma jmorrux fil-post tax-xogħol u l-iskola fis-16 ta' Frar 2016 għal “Ville Morte” (Ġurnata ta' Belt Mejta) b'tifkira ta' dawk maqtula matul il-marċ favur id-demokrazija tas-16 ta' Frar 1992 u biex jipprotestaw kontra d-dewmien fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet presidenzjali u n-nuqqas allegat tal-gvern li jikkonforma mal-Kostituzzjoni;

J.  billi tmien attivisti żgħażagħ u mill-inqas 30 persuna politika li jappoġġaw l-oppożizzjoni ġew arrestati fis-16 ta' Frar 2016 b'konnessjoni mal-istrajk nazzjonali, filwaqt li attivisti oħra rċevew theddid f'messaġġi minn numri tat-telefon mhux magħrufa u l-Ministru għall-Impjiegi Willy Makiashi pprojbixxa lill-impjegati pubbliċi milli jipparteċipaw fl-istrajk; billi sitt membri tal-moviment LUCHA ngħataw sentenza ta' sitt xhur ħabs; billi l-kummerċjanti u l-uffiċjali li osservaw il-"Jum il-Belt Mejta" spiċċaw bil-ħwienet tagħhom magħluqa jew ingħataw sanzjonijiet dixxiplinarji;

K.  billi l-Unjoni Afrikana, in-NU, l-UE u l-Organizzazzjoni Internazzjonali La Francophonie enfasizzaw b'mod konġunt l-importanza ta' djalogu u l-ilħuq għal ftehim bejn l-atturi politiċi li jirrispetta d-demokrazija u l-istat tad-dritt, u ħeġġew lill-atturi politiċi kollha tal-Kongo biex jestendu l-kooperazzjoni sħiħa tagħhom lill-medjaturi maħtura mill-komunità internazzjonali;

L.  billi s-sitwazzjoni marret għall-agħar minħabba l-persistenza u l-konsolidazzjoni tal-impunità fir-RDK; billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà qed tkompli tiddeterjora fir-RDK, b'mod partikolari fil-Lvant tal-pajjiż, minħabba l-vjolenza kkawżata minn 'il fuq minn 30 grupp armat barrani u nazzjonali, b'rapporti kostanti ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali, inklużi attakki mmirati kontra persuni ċivili, vjolenza sesswali u sessista mifruxa, reklutaġġ sistematiku u abbuż tat-tfal minn gruppi armati, u eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarji;

M.  billi dan l-aħħar kien hemm deterjorament fil-libertà tal-medja fir-RDK; billi uffiċjali tal-gvern imblukkaw il-libertà tal-espressjoni bl-għeluq ta' mezzi tal-midja (immiraw speċifikament lil dawk li xandru messaġġi dwar il-protesti), tas-servizzi ta' messaġġi testwali u tal-internet; billi fi Frar 2016 il-gvern għalaq żewġ stazzjonijiet televiżivi privati f'Lubumbashi; billi fl-aħħar rapport annwali tagħha, maħruġ f'Novembru 2015, Journalists in Danger, l-organizzazzjoni msieħba ma' Reporters Without Borders, elenkat 72 każ ta' attakki kontra ġurnalisti u l-midja fir-RDK u żvelat li 60 % tal-ksur tal-libertà tal-istampa twettqet minn aġenti tas-servizz militari jew tas-sigurtà, mill-ANR (Aġenzija tal-Intelligence Nazzjonali) jew mill-pulizija; billi t-trażmissjoni ta' xandiriet ta' Radio France International kienet sospiża biex taħbat mal-protesta "Dead City Day" (Jum il-Belt Mejta);

N.  billi l-Programm Indikattiv Nazzjonali 2014-2020 għar-RDK, b'finanzjament ta' EUR 620 miljun mill-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, jagħti prijorità lit-tisħiħ tal-governanza u l-istat tad-dritt, inklużi r-riformi tal-ġudikatura, tal-pulizija u tal-armata;

1.  Jistieden lill-awtoritajiet tar-RDK biex jimpenjaw ruħhom b'mod espliċitu li jikkonformaw mal-kostituzzjoni u jiżguraw iż-żamma fil-ħin tal-elezzjonijiet sa tmiem l-2016, f'konformità sħiħa mal-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza, u biex jiggarantixxu ambjent li jwassal għal elezzjonijiet trasparenti, kredibbli u inklużivi; jenfasizza li ż-żamma b'suċċess tal-elezzjonijiet se tkun kruċjali għall-istabilità fit-tul u l-iżvilupp tal-pajjiż;

2.  Jesprimi tħassib kbir dwar id-deterjorament tas-sigurtà u s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK, u b'mod partikolari dwar ir-rapporti kontinwi ta' vjolenza politika dejjem akbar u dwar restrizzjonijiet u intimidazzjoni gravi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-avversarji politiċi u l-ġurnalisti qabel iċ-ċiklu elettorali li jmiss; jinsisti dwar ir-responsabilità tal-gvern li jipprevjeni kwalunkwe deterjorament tal-kriżi politika attwali jew żieda fil-vjolenza, u li jirrispetta, jipproteġi u jippromwovi d-drittijiet ċivili u politiċi taċ-ċittadini tiegħu;

3.  Jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe użu ta' forza kontra dimostranti paċifiċi u mhux armati; ifakkar li l-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda huma l-bażi ta' ħajja politika u demokratika dinamika; jikkundanna bil-qawwa ż-żieda fir-restrizzjonijiet tal-ispazju demokratiku u r-ripressjoni mmirata fuq il-membri tal-oppożizzjoni, is-soċjetà ċivili u l-midja; jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi kollha, inkluż Yves Makwambala, Fred Bauma u ta' attivisti u partitarji oħrajn tal-movimenti Filimbi u LUCHA, u tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Christopher Ngoyi;

4.  Jikkunsidra l-ġlieda kontra l-impunità bħala prerekwiżit għall-istabbiliment mill-ġdid tal-paċi fir-RDK; jitlob għal investigazzjoni sħiħa, bir-reqqa u trasparenti li għandha tiġi mnedija mill-gvern tar-RDK, flimkien mas-sħab internazzjonali, fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li seħħ waqt il-protesti relatati mal-elezzjonijiet, bl-għan li tiġi identifikata kwalunkwe azzjoni illegali jew ċaħda tad-drittijiet jew libertajiet; iħeġġeġ it-teħid ta' miżuri biex jiġi żgurat li dawk li huma ħatja minn ksur tad-drittijiet tal-bniedem, delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u vjolenza sesswali fuq in-nisa, flimkien ma' dawk responsabbli mir-reklutaġġ ta' suldati tfal, jiġu rappurtati, identifikati, imħarrka u kkastigati skont id-dritt kriminali nazzjonali u internazzjonali;

5.  Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti tal-politika kollha, inklużi r-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-rapport finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE tal-2011 u fir-rapport dwar il-missjoni ta' segwitu tal-2014, u biex jagħmlu pressjoni politika fl-ogħla livell, sabiex tiġi evitata l-firxa ta' vjolenza elettorali fir-RDK u kwalunkwe destabbilizzazzjoni ulterjuri tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar;

6.  Jieħu nota tar-rieda tal-UE u tal-komunità internazzjonali li jappoġġaw il-proċess elettorali Kongoliż, sakemm jiġi ppubblikat kalendarju elettorali validu u jkun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali; iqis li dan l-appoġġ għandu jikkonċentra fuq ir-reġistrazzjoni tal-votanti, it-taħriġ u s-sigurtà elettorali; jinsisti li n-natura u l-ammont ta' appoġġ mill-UE għall-proċess elettorali fir-RDK iridu jiddependu mill-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali tal-2011 u l-2014, b'mod partikolari fir-rigward ta' garanziji tal-independenza tas-CENI, ir-reviżjoni tar-reġistru elettorali, rekwiżiti baġitarji u konformità mal-kalendarju kostituzzjonali;

7.  Ifakkar li l-parteċipazzjoni sħiħa tal-oppożizzjoni, tas-soċjetà ċivili indipendenti u ta' esperti elettorali fis-CENI hija fattur importanti biex jiġi leġittimizzat il-proċess elettorali; ifakkar li s-CENI għandu jkun istituzzjoni imparzjali; jenfasizza li l-awtoritajiet għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tas-CENI r-riżorsi finanzjarji meħtieġa biex jippermettu proċess komprensiv u trasparenti;

8.  Jistieden lill-VP/RGħ biex tintensifika d-djalogu mal-awtoritajiet tar-RDK skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou, bl-objettiv li tinkiseb kjarifika definittiva dwar il-proċess elettorali; ifakkar fl-impenn li ħadet ir-RDK fil-qafas tal-Ftehim ta' Cotonou li tirrispetta d-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, li jinkludu l-libertà ta' -espressjoni, il-libertà tal-midja, il-governanza tajba u t-trasparenza f'karigi politiċi; iħeġġeġ lill-Gvern tar-RDK jirrispetta dawn id-dispożizzjonijiet skont l-Artikoli 11b, 96 u 97 tal-Ftehim ta' Cotonou u, fin-nuqqas ta' dan, jitlob lill-Kummissjoni tagħti bidu għall-proċedura rilevanti skont l-Artikoli 8, 9 u 96 tal-Ftehim ta' Cotonou;

9.  Jistieden lill-UE tikkunsidra li timponi sanzjonijiet immirati fuq dawk responsabbli mir-ripressjoni vjolenti fir-RDK, inklużi projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u iffriżar ta' assi, sabiex jgħinu fil-prevenzjoni ta' aktar vjolenza;

10.  Iħeġġeġ lid-delegazzjoni tal-UE timmonitorja l-iżviluppi u tuża l-għodod u l-istrumenti kollha xierqa, inkluż l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem, biex tappoġġa d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-movimenti favur id-demokrazija;

11.  Jitlob biex jinħatar mill-ġdid rapporteur tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fir-RDK;

12.  Ifakkar li l-paċi u s-sigurtà huma prekondizzjonijiet għal elezzjoni b'suċċess; jinnota, f'dan ir-rigward, it-tiġdid tal-mandat tal-MONUSCO, u jitlob għat-tisħiħ tal-kompetenzi tagħha fil-qasam tal-protezzjoni taċ-ċivili fil-kuntest elettorali;

13.  Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar s-sitwazzjoni umanitarja allarmanti fir-RDK, ikkawżata b'mod partikolari mill-kunflitti armati vjolenti fil-provinċji tal-Lvant tal-pajjiż; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jagħtu l-għajnuna tagħhom lin-nies tar-RDK bil-ħsieb li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-iktar popolazzjonijiet vulnerabbli u jindirizzaw il-konsegwenzi ta' spostament, nuqqas ta' sikurezza tal-ikel, epidemiji u diżastri naturali;

14.  Jikkundanna l-atti kontinwi ta' vjolenza sesswali fil-Lvant tal-Kongo; jinnota li l-awtoritajiet Kongoliżi organizzaw 20 proċess f'dawn l-aħħar xhur rigward il-vjolenza sesswali fil-Lvant tal-Kongo, fejn ikkundannaw 19-il uffiċjal tal-armata, u li għad fadal ħafna xi jsir; iħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet Kongoliżi biex ikomplu l-ġlieda tagħhom kontra l-impunità billi jinvestigaw każijiet ta' vjolenza sesswali u jieħdu passi legali kontra l-awturi tar-reati;

15.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Kongoliżi li jeżaminaw il-każijiet ta' adozzjoni imblukkati sa mill-25 ta' Settembru 2013; jieħu nota tal-ħidma tal-Kumitat Interministerjali Kongoliż dwar l-għoti sporadiku ta' permessi ta' ħruġ għal tfal adottati; jistieden lill-Kumitat Interministerjali biex tkompli l-ħidma tiegħu b'mod diliġenti u koerenti f'atmosfera trankwilla; jistieden lid-delegazzjoni tal-Unjoni u lill-Istati Membri biex jimmonitorjaw is-sitwazzjoni mill-qrib;

16.  Jistieden lill-Unjoni Afrikana u lill-UE jiżguraw djalogu politiku permanenti fost il-pajjiżi tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar biex tiġi evitata kwalunkwe destabbilizzazzjoni ulterjuri;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-President, lill-Prim Ministru u lill-parlament tar-RDK, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.